Proċedura : 2010/2915(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0580/2010

Testi mressqa :

B7-0580/2010

Dibattiti :

PV 21/10/2010 - 3
CRE 21/10/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.9
CRE 21/10/2010 - 7.9

Testi adottati :

P7_TA(2010)0385

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 123kDOC 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0572/2010
18.10.2010
PE450.397v01-00
 
B7-0580/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova


Tatjana Ždanoka, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova  
B7‑0580/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova u dwar ir-reġjun tat-Transnistrja marbuta partikolarment ma’ dawk tas-26 ta' Ottubru 2006, it-12 ta’ Lulju 2007 u l-5 ta’ Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova tas-17 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-UE-Moldova ppubblikata fil-21 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn il-Moldova u l-Komunitajiet Ewropej li daħlet fis-seħħ fl-1998,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2010 li tikkonċerna Miżuri Restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi mill-2004 r-Repubblika tal-Moldova saret parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-aspirazzjonijiet tagħha ta’ relazzjonijiet iktar mill-qrib u fil-fond mal-UE ttejbu bit-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fl-2009; billi l-impenn għall-valuri demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u stabilità huma elementi essenzjali ta’ din is-sħubija,

B.  billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li qed jiġi attwalment innegozjat bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova għandu jkabbar b’mod sinifikanti l-qafas istituzzjonali komuni UE-Repubblika tal-Moldova, jiffaċilita t-tfannid tar-relazzjonijiet fiż-żoni kollha, u jsaħħaħ l-assoċjazzjoniji politika u l-integrazzjoni ekonomika, li jinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi,

C.  billi fir-Rapport ta' Progress dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni laqgħet il-progress tal-Moldova fil-maġġoranza tal-oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni li kien adottat fi Frar 2005,

D.  billi fl-10 ta’ Settembru 2010 l-Parlament tal-Moldova rratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

E.  billi mill-1 ta’ Jannar 2008 l-Moldova bbenefikat mir-reġim tal-Faċilitazzjoni tal-Viżi; billi f’Ġunju 2010 d-Djalogu dwar il-Viżi tnieda bil-ħsieb li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-ivvjaġġar mingħajr viżi għaċ-ċittadini tal-Moldova fl-UE,

F.  billi n-negozjati dwar l-istatus tat-Transnistrja fil-format hekk imsejjaħ ‘5+2’ li fih qed jipparteċopaw il-Moldova, ir-reġjun tat-Transnistrja tal-Moldova, ir-Russja, l-Ukraina u l-OSKE, bl-UE u l-Istati Uniti bħala osservaturi għadhom ma wasslu għal ebda riżultat konkret; billi l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukraina hija kontribut konkret għas-sejba ta’ soluzzjoni għall-kunflitt tat-Transnistrja,

G.  billi l-Moldova ilha f’impass politiku minn April 2009; billi r-referendum dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni tal-5 ta’ Settembru 2010 bl-għan li jiġu introdotti elezzjonijiet presidenzjali diretti ma ħadimx minkejja t-tnaqqis tal-parteċipazzjoni meħtieġa għal terz tal-votanti; billi l-elezzjonijiet Parlamentari bikrin il-ġodda huma skedati għat-28 ta’ Novembru 2010,

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas mill-forzi politiċi tal-Moldova biex jilħqu ftehim dwar riforma kostituzzjonali li tiffaċilita lill-pajjiż biex toħroġ mill-ibblukkar politiku attwali;

2.  Jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, dwar il-falliment tar-referendum tal-5 ta’ Settembru u jenfasizza l-ħtieġa li jinbeda djalogu ġenwin bejn il-komponenti kollha tal-ambitu politiku tal-Moldova sabiex jiġi definit pakkett ta’ riformi kostituzzjonali maqsuma bl-għan li titkattar l-istabilità, tittejjeb il-governanza u jissaħħaħ il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

3.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-progress li sar s-sena l-oħra mir-Repubblika tal-Moldova u jispera li l-proċess elettorali jista’ jikkonsolida aktar l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova; jenfasizza li minkejja l-pjattaformi elettorali differenti, huwa tal-ikbar importanza li jintlaħaq kunsens trans-partitarji mill-għan fit-tul tal-Moldova ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni Ewropea;

4.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-kriżi politika fl-2009 dewmet l-adozzjoni ta’ programm ta’ reazzjoni adegwata għall-kriżi finanzjarja globali li affettwat ħafna lill-pajjiż; jispera li l-assistenza makrofinanzjarja pprovduta mill-UE fuq perjodu ta’ sentejn u l-programm ta’ self tal-FMI jappoġġja l-konfidenza u jgħin jistabbilizza s-sitwazzjoni fiskali u ekonomika; jistenna li l-gvern futur joħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u jiffaċilita l-investimenti partikolarment rigward ir-rimessi min-naħa tal-emigranti tal-Moldova;

5.  Jistenna li d-djalogu dwar il-viżi mal-UE jkun segwit minn Pjan Direzzjonali sabiex jistgħu jittieħdu passi ċari mill-awtoritajiet tal-Moldova bl-għajnuna teknika tal-UE lejn reġim ħieles mill-viżi;

6.  Jinnota li l-Moldova għamlet progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif enfasizzat mit-Trasparenza Internazzjonali u organizzazzjonijiet oħra; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-pjan ta' azzjoni għar-riforma ġudizzjarja ta’ Ottubru 2009 u jitlob għal iktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

7.  Jilqa’ l-laqgħat informali li saru, sa minn Ġunju 2009, fil-format "5+2" rigward l-isforzi bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrja; jesprimi l-konfidenza li l-format 5 +2 joffri l-ambjent xieraq biex tintlaħaq soluzzjoni stabbli għall-kunflitt tat-Transnistrja u jistieden lill-partijiet biex jirritornaw għan-negozjati formali f'dan il-format mill-iktar fis possibbli; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin biex jagħmel kull sforz għat-tisħiħ tal-involviment Ewropew fis-sejba ta’ soluzzjoni;

8.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrja tikkostitwixxi element kruċjali għall-promozzjoni tal-istabilità politika u l-prosperità ekonomika fir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun kollu; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jilqa’ d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-president Russu Medvedev u l-president tal-Ukraina Yanukovich u jistenna attitudni iktar kostruttiva mill-awtoritajiet Russi bil-ħsieb li tinsab soluzzjoni komprensiva skont il-liġi internazzjonali;

9.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-oara li ċerti uffiċjali minn korpi tal-infurzar tal-liġi ndaħlu fl-interventi vjolenti li seħħu matul l-avvenimenti ta’ April 2009 u jistenna li dawk kollha li kienu nstabu responsabbli għall-atti tal-vjolenza jitressqu l-qorti;

10. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrin fit-28 ta' Novembru 2010 u jistenna li jittieħdu miżuri xierqa biex jiffaċilitaw id-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet de-facto tar-reġjun separatist ta’ Transnistrja biex ma jxekklux liċ-ċittadini tal-Moldova milli jieħdu sehem fil-proċess tal-votazzjoni;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Moldova.

Aġġornata l-aħħar: 21 t'Ottubru 2010Avviż legali