Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0603/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0603/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tisħiħ tal-OSKE – rwol tal-UE

3.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Libor Rouček f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2010/2839(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0603/2010

B7‑0603/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-OSKE – rwol tal-UE

Il-Parlament Ewropew,

 wwara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975, il-Karta ta' Pariġi u d-Dokument ta' Kopenħagen tal-1990, il-Karta dwar is-Sigurtà Ewropea u d-Dokument ta' Vjenna tal-1999, u dokumenti oħra ewlenin tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE/OSCE),

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 1999 dwar l-OSKE[1],

 

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) intitotala 'Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar', adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà[2],

 

 wwara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Panel ta' Persuni Eminenti intitolat 'Skop Komuni - Lejn OSKE Aktar Effikaċi', tas-27 ta' Ġunju 2005,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar id-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali[3],

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar missjonijiet tal-UE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet: objettivi, prattika u sfidi futuri[4],

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Kazakistan[5],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 4/08 tal-Kunsill Ministerjali tal-5 ta' Diċembru 2008 bl-isem 'Tisħiħ tal-qafas ġuridiku tal-OSKE' u d-deċiżjonijiet preċedenti dwar il-kapaċità ġuridika, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-OSKE,

 wara li kkunsidra d-diskors tal-President Russu Dmitry Medvedev tal-5 ta' Ġunju 2008 f'Berlin dwar il-ħtieġa ta’ konferenza pan-Ewropea li tirrifletti dwar is-Sigurtà Ewropea, u l-proposta tiegħu tad-29 ta' Novembru 2009 għal Trattat dwar is-Sigurtà Ewropea,

 

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, li japprovaw ir-rapport tal-11 ta' Diċembru 2008 lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, jiġifieri li tiġi pprovduta s-Sigurtà f’Dinja li Qiegħda Tinbidel,

 

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ministerjali tal-OSKE dwar il-Proċess ta' Korfù: 'Rikonferma-Rieżami-Tisħiħ mill-ġdid tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni minn Vancouver sa Vladivostok', kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 1/09 tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar it-tkomplija tal-Proċess ta' Korfù,

 

 wara li kkunsidra l-Analiżi u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti tas-17 ta' Mejju 2010 dwar Kunċett Strateġiku Ġdid għan-NATO, intitolati 'NATO 2020: Sigurtà Assigurata; Involviment Dinamiku',

 

 wara li kkunsidra r-rapport interim tal-President fil-Kariga tal-OSKE tal-21 ta' Ġunju 2010 li jiġbor fih taqsira tal-proposti mressqa mill-Istati parteċipanti fi ħdan il-Proċess ta' Korfù,

 

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OSKE wara l-ftehim milħuq fil-Kunsill Ministerjali informali ta' Almaty fis-16 u s-17 ta' Lulju li jsir Samit tal-OSKE f'Astana f'Diċembru 2010 u li ssir Konferenza ta' Rieżami bi tħejjija għalih,

 

–        wara li kkunsidra d-diskors ta' Catherine Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fil-laqgħa informali ta' Almaty (DISKORS/10/393) dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-Samit ta' Astana,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-OSKE hija parti integrali mill-arkitettura tas-sigurtà Ewro-Atlantika u Ewro-Asjatika, u tingħaraf permezz ta': il-kunċett komprensiv tagħha ta' sigurtà, li jinkludi d-dimensjoni politikomilitari, ekonomika, ambjentali u umana; il-firxa wiesgħa tal-membri tagħha, li tgħaqqad il-pajjiżi minn Vancouver sa Vladivostok; u l-varjetà u l-flessibilità tal-mekkaniżmi tagħha,

 

B.  billi l-UE u l-OSKE, minkejja b'natura u strutturi differenti, jaqsmu flimkien l-istess prinċipji u valuri; billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma wkoll Stati parteċipanti fl-OSKE; billi ż-żewġ organizzazzjonijiet jieħdu responsabbiltajiet dwar il-bini tal-istituzzjonijiet, il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kunflitti, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol primarju tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-qasam tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali,

C. billi l-Att Finali ta' Ħelsinki, li din is-sena jagħlaq il-35 sena tiegħu, kien il-bażi tal-Proċess ta' Ħelsinki, li wassal għal bidla demokratika sinifikanti fl-Ewropa,

 

D. billi l-aħħar Samit tal-OSKE sar f’Istanbul fl-1999, u b’riżultat ġiet adottata l-Karta dwar is-Sigurtà Ewropea; billi seħħew bidliet sinifikanti minn dak iż-żmien 'l hawn fir-reġjun tal-OSKE u r-responsabbiltà tal-OSKE naqset,

 

E.  billi l-OSKE hija l-unika organizzazzjoni mingħajr personalità ġuridika internazzjonali fost dawk li jintervjenu fuq kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tar-reġjun Ewropew; billi din is-sitwazzjoni twassal għal għadd ta' konsegwenzi politiċi u ġuridiċi prattiċi; billi f'Ottubru 2007 ġiet konkluża konvenzjoni biex tistabbilixxi l-istatus ġuridiku, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-OSKE u billi t-test tal-artikoli tagħha s'issa ma qajjimx kontestazzjonijiet mill-Istati parteċipanti,

F.  billi l-bidu tal-Proċess ta' Korfù kien il-proposta li għamel il-President Russu DmitryMedvedev fil-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-ħtieġa li tiġi diskussa l-kwistjoni tas-sigurtà Ewropea bil-ħsieb li jiġi abbozzat Trattat vinklolanti dwar is-Sigurtà Ewropea; billi l-OSKE hija s-sede xierqa għad-diskussjoni tal-proposta,

G. billi l-Proċess ta' Korfù ġab enerġija ġdida lill-OSKE, u billi s-Samit għandu jerġa' jikkonferma l-prinċipji u l-ispirtu tal-Att Finali ta' Ħelsinki u jiddefinixxi viżjoni strateġika ċara għall-ġejjieni, fosthom it-titjib u l-aġġornament tal-istrumenti eżistenti,

H. billi l-isforzi għandhom ikunu mmirati għar-riforma tal-mekkaniżmu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li mhux dejjem ippermetta lill-OSKE tirreaġixxi fil-ħin għall-kriżijiet; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati strumenti aktar effikaċi ta' ġestjoni tal-kriżijiet u għandha ssir aktar enfasi fuq il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti,

I.   billi għad hemm lok ta' rwol essenzjali għall-OSKE, bħala l-aktar forum inklussiv għall-konsultazzjoni fir-reġjun Ewro-Atlantiku u Ewro-Asjatiku, dwar bosta kwistjonijiet, fosthom in-nonproliferazzjoni, id-diżarm, il-kooperazzjoni ekonomika, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-istat tad-dritt,

J.   billi t-Trattat ta' Lisbona jagħti leħen aktar ċar u b'saħħtu lill-UE fid-dinja u jinkoraġġixxi t-tipi kollha ta' kooperazzjoni reċiprokament ta' ġid tal-UE mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali kompetenti, fosthom dik mal-OSKE,

1.  Jenfasizza l-importanza tad-diskussjonijiet intensivi attwali dwar is-sigurtà Ewropea fi ħdan l-OSKE, in-NATO u l-UE billi permezz ta' affermazzjoni mill-ġdid tal-valuri komuni u l-mekkaniżmi ta' tisħiħ, jistgħu jitjiebu l-fiduċja reċiproka u l-kunfidenza fir-reġjun Ewro-Atlantiku u Ewro-Asjatiku, u b'riżultat ta' dan tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà Ewropea;

 

Il-valur miżjud tal-OSKE

 

Kwistjonijiet trasversali

2.  Jenfasizza l-bżonn li jinżamm bilanċ bejn it-tliet dimensjonijiet tal-OSKE, u li għandhom jiġu żviluppati b'mod koerenti u komprensiv, filwaqt li wieħed jibni fuq dak li diġà nkiseb; jiġbed l-attenzjoni li l-ebda waħda mid-dimensjonijiet ma tista' tissaħħaħ għad-detriment ta' oħra; barra minn hekk, jenfasizza li t-theddid u l-isfidi għas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati mit-tliet dimensjonijiet biex l-azzjoni tkun verament effikaċi, fosthom dawk kontemporanji bħall-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, it-theddid ċibernetiku, it-traffikar tad-droga u tal-bnedmin, is-sigurtà tal-enerġija, kif ukoll attivitajiet marbuta ma' mekkaniżmi ta' twissija bikrija, u l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

3.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-OSKE m'għandux isir bi ħsara għall-istituzzjonijiet u għall-mekkaniżmi eżistenti, sakemm ma jkunux ġew riformati jew ma ntlaħaqx qbil dwar alternattivi, b'mod partikolari x-xogħol tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u l-indipendenza tiegħu;

4. Jistieden lill-OSKE ssaħħaħ aktar il-kapaċità tagħha li tiżgura r-rispett u l-implimentazzjoni tal-prinċipji u l-impenji meħuda mill-Istati parteċipanti tagħha fit-tliet dimensjonijiet, inter alia billi ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta' segwitu;

 

5.  Jemmen li t-tisħiħ tal-interazzjoni u l-promozzjoni tas-sinerġija mal-organizzazzjonijiet reġjonali relevanti l-oħra jistgħu biss jgħinu l-ħidma tal-OSKE u jappella għall-ħolqien ta' oqfsa ta' kooperazzjoni aktar ċari u flessibbli, bl-għan li jaġevolaw u jħaffu dawn is-sinerġiji;

 

Id-Dimensjoni Politiko-Militari

6. Iqis li l-OSKE kellha rwol essenzjali għal dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ tas-sigurtà, permezz ta' netwerk uniku ta' trattati, impenji, normi u miżuri, fosthom it-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE), it-Trattat Open Skies u d-Dokument ta' Vjenna tal-1999 dwar Miżuri għall-Promozzjoni tal-Fiduċja u tas-Sigurtà; filwaqt li jagħraf, madankollu, li d-dimensjoni politikomilitari ma setgħetx tagħmel progress, partikolarment minħabba l-kunflitt tal-2008 fil-Ġeorġja, l-inabilità li jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-kunflitti mtawla fil-Kawkasu u t-Transnistrija, is-sospensjoni mir-Russja tas-CFE, u r-rifjut sal-lum tal-Istati Membri tan-NATO li jirratifikaw it-Trattat emendat dwar is-CFE; iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NATO u lill-Federazzjoni Russa jirratifikaw u jimplimentaw it-trattati eżistenti u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, fosthom l-implimentazzjoni tal-Impenji ta' Istanbul 1999;

 

7. Iqis li l-OSKE hija l-qafas adatt għan-negozjati dwar il-kunflitti reġjonali fl-ambitu ta' kompetenza tagħha; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rieda tal-UE u tal-Istati Membri li jużaw il-possibilitajiet tal-OSKE f'dan il-qasam b'mod aktar effikaċi; huwa favur it-tisħiħ tal-istrumenti tal-OSKE għall-prevenzjoni tal-kunflitti; jiddeplora l-approċċi mhux innovattivi għall-proċessi ta' paċi u jinnota li jekk isir progress biex dawn il-kunflitti mtawla jiġu riżolti, dan ikun ta' għajnuna sinifikanti biex tiżdied il-kredibilità tal-OSKE, u l-Proċess ta' Korfù għandu jqis dan; għalhekk, iqis li dan l-għan għandu jiġi indirizzat fil-konklużjonijiet tas-Samit;

 

8.  Jieħu nota tal-missjoni tal-OSKE fit-Transnistrija (Moldova); jiddeplora d-deklassament tal-missjoni u l-interruzzjoni tal-attivitajiet ta' diżarm fid-depożitu ta' Colbasna mill-2004; ifakkar fid-determinazzjoni soda tal-UE biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fit-Transnistrija abbażi tar-rispett tal-integrità territorjali u tas-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova; jappella għall-issuktar, mill-aktar fis possibbli u mingħajr prekundizzjonijiet, tan-negozjati fl-iskema 5 + 2; jappella għal sforzi miftiehma tal-UE biex l-inizjattiva Russo-Ġermaniża Meseberg tkun allinjata mal-isforzi tal-missjoni OSKE fit-Transnistrija;

 

9.  Ifakkar fl-impenn importanti li daħlet għalih l-UE biex twaqqaf l-ostilitajiet u biex tinnegozja ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied matul il-kunflitt tal-2008 fil-Ġeorġja u f'dan ir-rigward iqis li l-UE għandha rwol x'tiżvolġi, flimkien mal-OSKE, fil-prevenzjoni u t-taffija tal-kunflitti u t-tensjonijiet interetniċi fiż-żona OSKE; jenfasizza li dawn il-kunflitti mhux biss għandhom rilevanza lokali u reġjonali konsiderevoli iżda għandhom ukoll riperkussjonijiet diretti għall-arkitettura tas-sigurtà tal-UE; jappella għal ftehim ġdid biex terġa' titqajjem missjoni tal-OSKE ta' monitoraġġ tal-paċi fil-Ġeorġja bil-għan li tiġi evitata aktar vjolenza, jiġu protetti l-minoranzi u promossi n-negozjati, li jiggarantixxu sigurtà u stabilità fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

10. Jinnota r-rwol li tiżvolġi l-OSKE fil-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, speċjalment fir-rigward tal-waqfien mill-ġlied u tan-negozjati li għaddejjin bħalissa; jinnota li, minkejja li l-UE mhijiex involuta direttament fit-taħdidiet ta' paċi tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE dwar il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, tista' tagħti kontributi prattiċi u politiċi importanti li jirfdu l-isforzi tagħha, anke billi tafda mandat tal-UE lill-kopresidenza Franċiża tagħha, kif stipulat fir-riżoluzzjoni tal-PE dwar il-bżonn ta' Strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar;

11. Jappella għall-issuktar tal-proċess tal-limitazzjoni tal-armi konvenzjonali u tad-diżarm fil-qafas tal-OSKE; huwa favur il-ftuħ tan-negozjati dwar passi ulterjuri għat-tnaqqis tat-truppi u tal-armi (CFE II), u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu inizjattivi xierqa f'dan il-qasam fil-qafas tal-OSKE;

12. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu għad-dispożizzjoni fil-qafas tal-OSKE l-esperjenzi u l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-konverżjoni tal-armi u biex jippromwovu b'mod attiv il-ftehimiet tal-OSKE f'dan l-ambitu;

13. Jenfasizza l-importanza kbira biex terġa' tinġieb il-fiduċja reċiproka u s-sens ta' skop komuni; jinnota li hemm ħtieġa għal aktar żvilupp ta' miżuri li jsaħħu l-fiduċja u s-sigurtà u reġim b'saħħtu u effiċjenti ta' kontroll tal-armi konvenzjonali u, għal dan il-għan, jenfasizza l-importanza kruċjali li tinstab soluzzjoni għall-kriżi tas-CFE u li jiġi aġġornat id-Dokument ta' Vjenna; jilqa' b'sodisfazzjon is-sens tad-dikjarazzjoni li għamlu l-Presidenti Obama u Medvedev f'Ġunju 2010 dwar il-kontroll tal-ġejjieni tal-armi konvenzjonali u t-Trattat tas-CFE; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern tal-Istati Uniti f'Jannar 2010 biex jinħatar Mibgħut Speċjali għat-Trattat tas-CFE; jappoġġa l-attivitajiet siewja tal-OSKE fil-qasam tal-antiterroriżmu, tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-ħidma marbuta mal-pulizija; jenfasizza li dawn l-attivitajiet huma essenzjali speċjalment fl-Asja Ċentrali, fejn jikkontribwixxu biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun kollu kemm hu;

14. Jinnota li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE m'għandux jitqies bħala tnaqqis fir-rwol tal-OSKE iżda bħala pass meħtieġ lejn it-titjib tal-kooperazzjoni anke bejn l-Istati parteċipanti tal-OSKE u jinnota li laqgħat regolari fl-ogħla livell u rapporti reċiproċi kostanti, skambji ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-OSKE jistgħu jiffavorixxu fehim simili;

 

Id-Dimensjoni Ekonomika-Ambjentali

15. Jenfasizza l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ministerjali tal-OSKE dwar id-Dokument ta' Strateġija għad-Dimensjoni Ekonomika u Ambjentali li jirrikonoxxu li kooperazzjoni aktar effikaċi mill-Istati parteċipanti tal-OSKE fl-indirizzar ta' theddid u l-isfidi kkawżati minn fatturi ekonomiċi u ambjentali jistgħu jagħtu kontribut kruċjali għas-sigurtà, l-istabilità, id-demokrazija u l-prosperità fir-reġjun u jenfasizza l-fatt li ċ-ċirkostanza li fatturi ekonomiċi u ambjentali jistgħu jkunu l-fatturi li jikkawżaw il-kunflitti;

16. Jemmen bis-sħiħ li l-kooperazzjoni u l-promozzjoni ta' twissija bikrija dwar kwistjonijiet ekonomiċi u ambjentali - bħall-enerġija, il-kummerċ, it-tibdil fil-klima, jew is-sigurtà tal-ilma - jistgħu jservu bħala strumenti biex jitnaqqsu t-tensjonijiet, jiġu evitati l-kunflitti, tinbena l-fiduċja u jitħeġġew ir-relazzjonijiet tajbin tal-viċinat kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali multilaterali fl-ambitu tal-OSKE; għaldaqstant, jinkuraġġixxi lill-Forum Ekonomiku tal-OSKE, biex jittratta kwistjonijiet bħal dawn billi jsaħħaħ il-kapaċità li jingħataw il-pariri u l-għajnuna u billi jiġi mobilizzat u ffaċilitat l-użu tal-kompetenza u tar-riżorsi ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jistieden lill-Kunsill sabiex jirrifletti dan waqt il-Proċess ta' Korfù u waqt is-Samit;

17. Huwa tal-fehma li, billi mhux biss l-UE u l-Federazzjoni Russa, iżda anki l-Istati parteċipanti kollha fl-OSKE jinsabu f'relazzjoni ta' dipendenza reċiproka inkwantu importaturi u esportaturi ta' enerġija u ta' materja prima enerġetika kif ukoll billi f'dawn l-aħħar snin żdiedu l-kunflitti fis-settur tal-provvista enerġetika askapitu tal-popolazzjoni ċivili fiż-żona kollha tal-OSKE, jeħtieġ li jingħata rwol ċentrali lid-djalogu dwar il-politika enerġetika għar-reġjun kollu kemm hu;

18. Iqis li l-isfidi tat-tibdil fil-klima fl-ambitu kollha tal-ħajja se jdumu u l-oneri relatati se jkunu rilevanti, f'ċerti reġjuni iktar milli f'oħrajn; jistieden lill-OSKE biex tintensifika l-isforzi tagħha ħalli ttaffi l-kontribut tal-attivitajiet tal-bniedem fit-tisħiħ globali u tippromwovi l-istabilità u s-sigurtà sostenibbli fiż-żoni li x'aktarx l-aktar se jintlaqtu mill-effetti tat-tibdil fil-klima;

 

Id-Dimensjoni Umana

19. Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u l-libertajiet fundamentali huma fil-qalba tal-kunċett komprensiv tas-sigurtà tal-OSKE, kif tixhed il-ġabra wiesgħa ta' impenji u mekkaniżmi eżistenti, li għanhom jiġu implimentati totalment; jenfasizza li l-Proċess ta' Korfù u s-Samit għandhom jimmiraw għal tisħiħ ulterjuri tal-monitoraġġ u tal-implimentazzjoni tal-impenji u tal-mekkaniżmi korrispondenti;

20. Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-ODIHR fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-minoranzi, kif ukoll tar-Roma u tas-Sinti; jenfasizza r-rwol u l-kompiti tal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali fl-impenn li jtejjeb il-koeżistenza paċifika tal-komunitajiet minoritarji u jipprevjeni l-kunflitti etniċi, bil-mekkaniżmi kollha meħtieġa ta' twissija bikrija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rappreżentant għal-Libertà tal-Midja u tar-Rappreżentant u l-Koordinatur Speċjali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; jappella għal parteċipazzjoni attiva tal-Parlament Ewropew fl-attivitajiet tal-ODIHR;

21. Jistieden lill-OSKE, b'attenzjoni partikolari għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, li għandha tiġi rrinfurzata u aċċettata bħala sinjal ta' fiduċja f'kull Stat Membru tal-OSKE, biex terġa' tafferma u tikkonserva l-indipendenza tal-ODIHR u tkompli ssaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tagħha bħala l-istituzzjoni ewlenija tal-OSKE responsabbli mill-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, li magħha l-Parlament Ewropew żviluppa kooperezzjoni b'saħħitha u effiċjenti f'dan il-qasam; jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-koordinament bejn l-ODIHR tal-OSKE u l-Parlament Ewropew kemm fil-preparamenti għall-missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet, matulhom kif ukoll wara, fil-pajjiżi OSKE;

22. Jistieden lill-Kunsill jiżgura li l-OSKE ssaħħaħ aktar u tiddiversifika l-ħidma taħt din id-dimensjoni, filwaqt li jitqies ukoll tħassib ieħor li jista' jiġi indirizzat bl-għarfien espert eżistenti, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-impatt taċ-ċaqliq tal-popolazzjonijiet, fosthom tal-persuni spustati internament u tar-refuġjati;

 

Missjonijiet fil-Post

23. Jistieden lill-Istati Membri biex jenfasizzaw l-importanza tal-missjonijiet fil-post tal-OSKE, fejn ġiet żviluppata ħila teknika sinifikanti u li għandhom rwol essenzjali li jippromwovu l-progress fit-tliet dimensjonijiet billi jikkumplementaw lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-proċessi ta' demokratizzazzjoni u ta' riformi permezz tal-monitoraġġ tal-proċessi għal delitti tal-gwerra, il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u s-sostenn tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u li huma għodda fundamentali ta' twissija bikrija u tal-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll sabiex jiżguraw li ma jonqsux il-fondi għall-missjonijiet fil-post; iħeġġeġ lill-UE titgħallem minn dan l-għarfien espert għall-missjonijiet fil-post tagħha stess;

24. Jieħu nota tal-isforzi tal-OSKE fil-Kirgiżistan, fejn uriet il-potenzjal tagħha li tirreaġixxi minnufih għal sitwazzjonijiet ta' kriżi fejn ikollha preżenza fil-post; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tat-22 ta' Lulju 2010 tal-Kunsill Permanenti tal-OSKE ta' skjerament ta' Missjoni li toffri Pariri lill-Pulizija; jenfasizza wkoll li l-instabilità kontinwa ta' dan il-pajjiż teżiġi preżenza internazzjonali aktar b'saħħitha u sostanzjali, bl-għan li tgħin u tappoġġja l-forzi lokali u li ttejjeb l-azzjoni tal-pulizija; iqis li l-OSKE jista' jkollha rwol ewlieni fl-Asja Ċentrali u terġa' tiżvolġi r-rwol tagħha fil-Ġeorġja; jiddeplora l-fatt li l-Misssjoni li toffri Pariri lill-Pulizija ma ġietx skjerata kif ippjanat fil-bidu ta' Settembru 2010, minħabba reżistenza mill-Gvern Kirgiż; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-OSKE u lill-Gvern Kirgiż biex jawtorizzaw l-iskjerament immedjat ta' forzi tal-pulizija newtrali u internazzjonali fil-pajjiż, iżidu konsiderevolment l-għadd ta' membri tal-persunal fuq il-post u jaċċertaw li l-mandat tagħhom ikun eżekuttiv minflok purament konsultattiv;

 

Il-Proċess ta' Korfù

25. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Proċess ta' Korfù, li tnieda mill-Presidenza Griega tal-OSKE u tkompla mill-Presidenza tal-Kazakistan tal-OSKE, li għandu l-għan li jerġa' jistabbilixxi l-fiduċja u l-kunfidenza u jġedded l-impenn għall-prinċipji tal-OSKE u biex jindirizza l-isfidi tas-sigurtà permezz ta' djalogu u kooperazzjoni multilaterali u billi jindirizza s-sensitivitajiet u t-tħassib tal-Istati parteċipanti kollha tal-OSKE;

 

26. Ifakkar li l-proċess ġie wara l-appell għal tiġdid tad-djalogu dwar is-sigurtà pan-Ewropea f'Ġunju 2008 u wara dak tat-8 ta' Ottubru 2008 għall-modernizzazzjoni tas-sigurtà Ewropea fil-qafas tal-OSKE, kif ukoll li l-OSKE hija forum importanti biex jiġu diskussi kwistjonijiet li jinsabu fil-proposta għal Trattat tas-Sigurtà ġdid; huwa tal-fehma li jinħtieġu aktar koordinament u kooperazzjoni aktar fil-fond mar-Russja billi din tiżvolġi rwol kruċjali fir-rigward tas-sigurtà Ewropea;

27. Iqis li l-għan aħħari tal-Proċess ta' Korfù għandu jkun it-tisħiħ tal-OSKE, filwaqt li wieħed ikompli jibni fuq l-impenji preżenti u fuq il-prinċipji u l-ispirtu tal-Att Finali ta' Ħelsinki, biex ikun żgurat li din ikollha rwol sinifikanti fl-isfidi attwali u ġejjiena u biex jiġu diskussi b'mod komprensiv il-kwistjonijiet tas-sigurtà fiż-żona Ewro-Atlantika u Ewro-Asjatika kif ukoll biex b'mod speċifiku tgħin biex dawn jissolvew, u biex titjieb il-viżibilità tagħha;

 

28. Ifaħħar l-inizjattiva tal-Kazakistan, li għandha l-Presidenza Attwali tal-OSKE biex jorganizza Samit tal-OSKE bħala mod biex tingħata spinta politika lid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar is-sigurtà fi ħdan l-OSKE, u għat-tisħiħ tal-istess organizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-OSKE biex iħeġġu lill-Kazakistan biex qabel is-Samit jieħu passi konkreti biex jissalvagwardja u jirrispetta l-valuri bażiċi tal-OSKE bħad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, inkluża d-dekriminalizzazzjoni tal-libertajiet, kif ukoll biex jiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja; jenfasizza li l-prijoritajiet ewlenin fl-aġenda tas-Samit għandhom ikunu t-tisħiħ tal-qafas għall-kontroll tal-armi konvenzjonali, it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-impenji b'dimensjoni umana kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-OSKE fit-tliet dimensjonijiet kollha għall-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti, ġestjoni tal-kriżijiet u rikostruzzjoni wara l-kunflitti - partikolarment fir-rigward ta' kunflitti fit-tul;

29. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jikkooperaw mal-membri tal-OSKE fis-Samit li jsir f'Diċembru 2010 bil-għan li jiġi formulat Pjan ta' Azzjoni li fih se jiġi stabbilit pjan direzzjonali lejn karta għal komunità ta' sigurtà fiż-żona OSKE u jiġi definit il-mandat għat-tħejjija ta' samit ta' segwitu minn sentejn sa erba' snin mil-lum;

 

30. Jistieden lill-Istati Membri tal-OSKE u tal-UE biex fl-aġenda tas-Samit tiddaħħal il-proposta tal-Viċi President tal-Istati Uniti Biden għal Mekkaniżmu tal-OSKE għall-Prevenzjoni tal-Kriżijiet; huwa favur li jsir żvilupp fuq l-inizjattiva tal-Istati Uniti fil-kuntest tal-Proċess ta' Korfù bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali u tal-Presidenzi tal-OSKE, jew trojka tal-Presidenzi attwali, preċedenti u li jmiss, fil-ġestjoni tal-kriżijiet mill-OSKE;

 

Ir-Rwol tal-UE

31. Iqis il-ħidma tal-OSKE bħala ħidma ta' valur kbir, u għalhekk jappella għal riflessjoni serja dwar kif l-UE tista' tieħu responsabbiltajiet akbar u tipparteċipa b'mod aktar effiċjenti sabiex jintlaħqu għanijiet konġunti, li l-implimentazzjoni ta' sistema ta' djalogu permanenti, il-qbil dwar inizjattivi konġunti u l-koordinament tal-awtoritajiet lokali jafu jkunulhom strumenti xierqa fil-kuntest ta' qbil formali bejn l-OSKE u l-UE; jistieden lill-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill Permanenti tal-OSKE biex jaħdmu fuq mekkaniżmu mmirat biex iżid il-kooperazzjoni, il-koordinament u l-konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jippreżentaw proposti dwar id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-UE li tipparteċipa fil-missjonijiet b'mandat tal-OSKE;

32. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi President teżamina kif is-SEAE tal-futur jista' jistabbilixxi proċeduri xierqa ta' kooperazzjoni mal-ODIHR bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE, mingħajr ma jissovrapponu ruħhom, fir-rigward tal-osservazzjoni tal-elezzjonijiet fiż-żona OSKE;

33. Iqis li l-UE, permezz tar-Rappreżentant Għoli tagħha għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-Istati Membri tagħha u l-President tal-Kunsill Ewropew, għandha tiżgura, permezz ta' adozzjoni f'waqtha ta' pożizzjoni komuni tal-UE dwar ir-riformi tal-OSKE, li s-Samit jirriżulta fi Pjan ta' Azzjoni għal aktar involviment għat-tisħiħ tal-OSKE, partikolarment fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-rikostruzzjoni wara l-kunflitti, filwaqt li jkun żgurat, inter alia, li f'intervalli regolari jsiru samits ta' livell għoli biex jagħtu impetu politiku lill-ħidma tal-OSKE; jilqa' b'sodisfazzjon il-prassi ġdida ta' Laqgħat Ministerjali informali;

34. Jilqa' b'sodisfazzjon u japprova l-artikulazzjoni u d-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-UE fl-OSKE, u jqis li l-iffukar fuq oqsma ewlenin huwa essenzjali sabiex jitwettaq il-potenzjal kollu tas-Samit;

 

35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lid-Delegazzjoni tal-UE fi Vjenna biex ikomplu jagħtu kontribut sostanzjali lill-Proċess ta' Korfù; jistieden lil-Litwanja, li se jkollha l-Presidenza li jmiss tal-OSKE, sabiex tiżgura l-kontinwità u l-progress fil-proċess tat-tisħiħ tal-OSKE;

 

36. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, u lill-Presidenzi fil-Kariga attwali u li jmiss tal-OSKE biex jissuktaw bid-djalogu dwar il-qafas ġuridiku tal-OSKE u biex itennu l-bżonn għal adozzjoni fil-pront tal-abbozz tal-Konvenzjoni dwar il-personalità ġuridika internazzjonali, il-kapaċità ġuridika u l-privileġġi u immunitajiet, arranġament li ma jolqotx in-natura attwali tal-impenji tal-OSKE iżda jsaħħaħ l-identità u l-profil tagħha, filwaqt li jsolvi wkoll għadd ta' problemi prattiċi għall-persunal tagħha, speċjalment meta jintbagħat f'żoni ta' kriżi;

37. Iqis li l-President tiegħu għandu jiġi mistieden jipparteċipa fis-Samit u jistieden lill-Kunsill Ewropew jipprovdi stedina tali;

 

38. Iqis li, fil-prospett ta' tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-OSKE, għandu jirrifletti dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fl-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u jeżamina l-possibbiltà li jistabbilixxi Delegazzjoni permanenti għall-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, bil-għan li ssegwi aktar mill-qrib l-attivitajiet tal-OSKE u tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE;

 

*

*            *

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tal-OSKE.