Proċedura : 2010/2916(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0605/2010

Testi mressqa :

B7-0605/2010

Dibattiti :

PV 11/11/2010 - 5
CRE 11/11/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2010 - 8.12
CRE 11/11/2010 - 8.12

Testi adottati :

P7_TA(2010)0402

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kDOC 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0605/2010
3.11.2010
PE450.423v01-00
 
B7-0605/2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0559/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem tal-UE


Esther Herranz García, Albert Deß f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem tal-UE  
B7‑0605/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010(3),

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu ‘L-impatt tad-dipendenza fuq il-proteini tal-Ewropa’,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-produtturi Ewropej iridu jikkonformaw mar-regolamenti l-aktar riġidi fid-dinja rigward is-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, l-ambjent u s-saħħa u l-bennesseri tal-annimali,

B.  billi l-kriżi attwali fis-settur tal-bhejjem tista’ twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-laħam mal-Unjoni Ewropea li jkollha konsegwenzi serji, mhux biss fuq il-prezzijiet imma wkoll fuq is-sikurezza tal-ikel fl-UE u tfisser dipendenza akbar fuq l-importazzjonijiet,

C. billi d-dħul agrikolu tal-UE huwa 50% anqas mill-medja tad-dħul tal-UE u d-dħul tal-produtturi tal-bhejjem huma l-anqas fis-settur tal-biedja; billi din is-sitwazzjoni ġiet aggravata aktar mit-taqlib ekonomiku attwali,

D. billi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi qegħdin jirbħu sehem dejjem akbar mis-suq fl-Unjoni Ewropea u qed iżidu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet tas-suq għall-prodotti tal-bhejjem,

E.  billi l-produtturi Ewropej huma żvantaġġjati fil-kompetizzjoni meta jitqabblu ma’ produtturi minn pajjiżi terzi minħabba li l-ispiża tal-produzzjoni tagħhom hija akbar, il-biċċa l-kbira b’riżultat tal-fatt li jridu jissodisfaw standards għoljin ħafna ta’ saħħa u benessri tal-annimali, sikurezza tal-ikel, ħarsien ambjentali u kundizzjonijiet tax-xogħol,

F.  billi l-Unjoni Ewropea hija dipendenti ħafna fuq iż-żerriegħa tas-sojja u l-qamħirrum importati minn pajjiżi terzi u kwalunkwe interruzzjoni tal-provvista ta’ dawn il-prodotti minħabba l-preżenza żgħira ta’ GMOs mhux awtorizzati għandha impatt għalja ħafna għall-industrija tal-għalf Ewropea u għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem (per eżempju, EUR 1 biljun jekk ix-xkiel idum sitt xhur),

G. billi l-investimenti kbar meħtieġa fis-settur tal-bhejjem jagħmluha partikolarment vulnerabbli għal kriżijiet fis-suq,

H. billi d-dħul tal-bdiewa fis-setturi taċ-ċanga, tal-laħam tan-nagħaġ u tal-prodotti tal-ħalib jiddependu ħafna fuq ħlasijiet diretti, li jvarjaw bejn 50% u 90% tad-dħul totali,

I.   billi f’ċerti Stati Membri vera ftit bdiewa fis-settur tal-bhejjem ibbenefikaw minn ħlasijiet diretti u għalhekk kellhom diffikultajiet akbar biex jikkonformaw ma’ standards Ewropej riġidi li jeħtieġu investimenti għaljin,

J.   billi s-setturi tal-majjali u tat-tjur ma jirċevux appoġġ dirett mill-PAK, m’għandhomx xibka ta' sikurezza biex tnaqqas l-impatt tal-volatilità tas-suq u trid tikkonforma mal-aktar regolamenti riġidi tal-UE rigward l-ambjent u l-benessri tal-annimali,

K. billi huwa urġenti li l-UE tadotta miżuri biex twaqqaf il-volatilità tal-prezzijiet u tiġġieled kontra l-ispekulazzjoni fis-suq, li kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għaż-żieda riċenti fil-prezzijiet taċ-ċereali,

L.  billi d-domanda tad-dinja għal-laħam u prodotti oħrajn tal-bhejjem se tikber fid-deċennji li ġejjin għax il-popolazzjoni tad-dinja hija mistennija li tikber b’pass mgħaġġel u s-setgħa tax-xiri se tiżdied b’mod konsiderevoli,

M. billi l-UE nieqsa mill-għodod biex tantiċipa l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq tad-dinja u hija dipendenti wisq fuq previżjonijiet imwassla minn pajjiżi terzi, bħal ma hija l-Istati Uniti,

N. billi d-differenza bejn il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi u l-prezzijiet li jirċievu l-produtturi kibret b’mod notevoli,

O. billi s-settur tal-bhejjem tal-UE huwa fundamentalment marbut mal-ekonomija taż-żoni rurali Ewropej, li ħafna minnhom huma żvantaġġati u m’għandhomx alternattivi tal-produzzjoni vijabbli,

P.  billi l-produzzjoni kompetittiva tal-uċuħ tar-raba’ hija marbuta mill-qrib ma’ settur tal-bhejjem vibranti,

Q. billi s-sitwazzjoni tas-suq taċ-ċanga hija marbuta mill-qrib mal-iżviluppi fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, meta 70% tal-produzzjoni tal-laħam aħmar fl-UE jiġi mill-baqar li jagħtu l-ħalib,

R.  billi s-settur tal-prodotti tal-ħalib tal-UE qed jaffaċċja volatilità tas-suq estrema sa mill-2007 b’effetti detrimentali fuq id-dħul tal-bdiewa tal-prodotti tal-ħalib u fuq l-abilità biex jiġi prodott b’mod sostenibbli l-ikel ta’ kwalità għall-konsumaturi Ewropej,

S.  billi d-data tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel turi li hemm bżonn għal aktar trasparenza u aktar informazzjoni relatata mal-produzzjoni u l-iżviluppi tas-suq,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jiżguraw li l-PAK wara l-2013 tkun iffinanzjata b’mod adegwat biex tiġi ggarantita l-vijabilità tal-bdiewa tal-UE kollha, inklużi l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem; jisħaq f’dan il-kuntest fuq il-fatt li l-kompetizzjoni ġusta bejn il-bdiewa fl-Istati Membri differenti trid tiġi ggarantita;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-riforma li jmiss tal-PAK, biex issaħħaħ il-mekkaniżmi tal-immaniġġjar tas-suq fis-settur tal-bhejjem u biex twaqqaf il-miżuri neċessarji biex tillimita, għas-settur agrikolu sħiħ, l-impatti tal-volatilità u tal-ispekulazzjoni tal-prezzijiet;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-mekkaniżmi tas-suq disponibbli biex tnaqqas il-kriżi attwali fis-settur tal-laħam tal-majjal u f’setturi tal-bhejjem oħrajn;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi għodod tas-suq li jiggarantixxu provvista adegwata ta’ ċereali għall-għalf; jemmen li għandha tiġi applikata xibka tas-sikurezza fis-settur kollu taċ-ċereali bi prezz ta’ intervenzjoni minimu għas-sistema tas-sejħiet għal offerti;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi tas-suq flessibbli li jirrispondu b’aktar ħeffa għal sitwazzjonijiet kritiċi fi ħdan is-CMO waħdani (Kapitolu II – Taqsima I Miżuri ta’ Emerġenza);

6.  Iqis li r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għandhom jibqgħu sakemm il-kompetituri ewlenin tal-UE ma jirtirawx il-miżuri ta’ appoġġ tagħhom għall-esportazzjonijiet fil-ftehim tad-WTO li jmiss;

7.  Jappoġġja, bħala fatt ta’ urġenza, l-introduzzjoni ta’ pjan tal-proteini għall-Unjoni Ewropea li jħeġġeġ il-kultivazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ għat-tkabbir ta’ proteini u ħxejjex, li jistgħu jilagħbu wkoll rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi ċertezza legali għall-importazzjonijiet tas-sojja u tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi bl-introduzzjoni ta’ limitu pragmatiku għal GMOs aċċidentali li għadhom mhumiex awtorizzati fl-Unjoni Ewropea imma li qed jiġu kkunsidrati b’mod xjentifiku;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-projbizzjoni attwali ta’ għalf midħun mil-laħam u l-għadam għal annimali li ma jixtarrux u biex tevalwa l-possibilità li jitneħħew ir-restrizzjonijiet taħt kundizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel;

10. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis, fir-riforma li jmiss tal-PAK, il-vulnerabilità speċjali ta’ ċerti setturi tal-bhejjem u l-kundizzjonijiet mhux ġusti li fihom jikkompetu ma’ pajjiżi terzi;

11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis miżuri speċifiċi, fir-riforma li jmiss tal-PAK, ħalli jiġi evitat milli jintilef sew l-appoġġ tal-UE għal bdiewa intensivi li jrabbu l-bhejjem li japplikaw kundizzjonijiet tal-produzzjoni sostenibbli;

12. Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ miżuri li jappoġġjaw is-settur tal-bhejjem f’żoni anqas vantaġġjużi;

13. Jitlob lill-Kummissjoni biex tapplika l-istess kundizzjonijiet meħtieġa mill-produtturi Ewropej f’termini ta’ sikurezza tal-ikel, l-ambjent u l-benessri tal-annimali għall-importazzjonijiet;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-kampanji ta’ promozzjoni, appoġġjati mill-PAK, biex iċ-ċittadini jkunu konxji tal-istandards għoljin tal-produtturi tal-UE għas-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien ambjentali u l-benessri tal-annimali;

15. Iqis li huwa meħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkun provduta b’għodda biex tipprevedi l-evoluzzjoni tas-swieq tad-dinja; jemmen li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jista’ jkun strument verament xieraq biex jgħin ħalli jantiċipa l-bidliet strateġiċi f’pajjiżi terzi u biex jitħeġġeġ il-mudell Ewropew tal-biedja mad-dinja kollha;

16. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu l-ispejjeż għoljin biex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni tal-benessri tal-annimali, speċjalment billi dawn l-ispejjeż ma jinsabux riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mal-istandards tal-UE għall-benessri tal-annimali sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni mhux ġusta; jenfasizza li s-setturi tal-laħam tal-majjal u tat-tjur iridu jikkonformaw fis-snin li ġejjin ma’ rekwiżiti ferm aktar riġidi mingħajr xi appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea;

17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni ta’ regoli ġodda tal-benessri u biex iddewwem kwalunkwe proġett ġdid sakemm il-leġiżlazzjoni attwali tkun għal kollox implimentata;

18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tar-regoli tat-tqegħid fis-suq ta’ laħam tat-tjur biex tiġi żgurata trasparenza akbar għal konsumaturi u tiċċara d-definizzjoni ta’ preparazzjonijiet tal-laħam tat-tjur frisk sabiex jiġi evitat l-użu ta’ laħam tat-tjur iffriżat bħala laħam tat-tjur frisk fil-preparazzjoni;

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi rinfurzar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi kollha tal-bhejjem sabiex ikunu permessi jinnegozjaw aħjar il-prezz tal-prodotti tagħhom filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż ta’ produzzjoni;

20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tadatta l-għodod promozzjonali tagħha fil-PAK biex tippermetti l-promozzjoni ta’ prodotti tal-laħam standard sakemm dawn ikunu prodotti esklussivament fl-UE;

21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproteġi għal kollox l-interessi tal-produtturi Ewropej f’negozjati tal-kummerċ bilaterali mal-Merkosur u pajjiżi terzi oħrajn billi jiġu evitati konċessjonijiet li jqiegħdu l-produzzjoni tal-bhejjem tal-UE f’riskju;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0286.

(2)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0302.

(3)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0130.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Novembru 2010Avviż legali