Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0618/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0618/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)

17.11.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniel Caspary, Tokia Saïfi, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE-DE
Syed Kamall, Robert Sturdy, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2010/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0618/2010
Testi mressqa :
B7-0618/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0618/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati ACTA [dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni],

–    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rieżami tal-ftehim ta’ qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni,

–    wara li kkunsidra l-Abbozz tat-2 ta’ Ottubru 2010 tal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni,

–    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 90/2009/(JD)OV dwar l-aċċess għal dokumenti tal-ACTA,

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003,

–    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Illeġiżlar Aħjar bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01),

–    wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tirrappreżenta element ewlieni fl-istrateġija politika tal-UE bl-għan li jiġu żgurati l-ġustizzja, kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi tagħna, iż-żamma tal-impjieg għaċ-ċittadini u r-rispett tal-istat tad-dritt,

B.   billi, biex tkun iktar effikaċi, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni – li tikkostitwixxi fenomenu dinji – teħtieġ kooperazzjoni internazzjonali iktar b'saħħitha fost il-protagonisti dinjija ewlenin,

C.  billi, minkejja l-bosta tentattivi biex jintlaħaq approċċ multilaterali, li għadu l-għan ewlieni tal-istrateġija tal-UE, dan ma seħħx minħabba reżistenza u oppożizzjoni minn protagonisti dinjija ewlenin oħra, u billi jidher għalhekk li l-ftehim plurilaterali huwa l-aħjar mezz biex jiġi indirizzat it-tħassib speċifiku fil-livell internazzjonali,

D.  billi, kif iddikjarat il-Kummissjoni ripetutament, l-ACTA jikkonċerna biss il-miżuri ta’ infurzar u ma jinkludix dispożizzjonijiet li jimmodifikaw il-liġi sostantiva dwar id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali (IPR) tal-UE u lanqas il-partijiet ACTA l-oħrajn, iżda minflok jistabbilixxi, għall-ewwel darba, qafas internazzjonali komprensiv biex jgħin b’mod effikaċi lill-partijiet fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-ksur tal-IPR, u għalhekk ma jinvolvi l-ebda tibdil fl-acquis communautaire,

E.   billi, f’bosta oqsma, inkluż fid-dispożizzjonijiet għas-settur diġitali u l-ambitu tal-miżuri obbligatorji b’rabta mal-fruntieri, l-ACTA jmur lil hinn mill-ambitu ta' TRIPS u għalhekk joffri protezzjoni aħjar lid-detenturi tad-drittijiet,

F.   billi, wara rappreżentanzi qawwija mill-Parlament, il-livell tat-trasparenza tan-negozjati ACTA ġie mtejjeb b’mod fundamentali u, sa mir-rawnd ta’ negozjati fi New Zealand, il-Parlament ġie infurmat bis-sħiħ dwar l-istat tan-negozjati; u billi ġie mgħarraf dwar it-test innegozjat ġimgħa wara l-konklużjoni tal-aħħar rawnd fil-Ġappun,

G.  billi t-test innegozjat jirrifletti t-tħassib ewlieni espress mill-Parlament tul dawn l-aħħar xhur, inkluż dwar kwestjonijiet bħar-rispett tad-drittijiet fundamentali, tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, ir-rispett għar-rwol importanti tal-Internet mingħajr ħlas, l-importanza tas-alvagwardja tar-rwol tal-provdituri tas-servizzi, u l-bżonn li jiġi salvagwardjat l-aċċess għal mediċini – riferiment għad-Dikjarazzjoni Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta’ Novembru 2001, wara li ġiet imdaħħla fil-preambolu tal-ftehim,

H.  billi l-Kummissjoni affermat aktar min darba l-importanza li jiġi infurzat il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (GI); billi l-partijiet firmatarji tal-ftehim qablu li l-ACTA jipprevedi l-infurzar tal-GI,

I.    billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-obbligu li tħares l-acquis communautaire meta tkun qed tinnegozja ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE, u billi l-Kummissjoni intrabtet li tipprovdi informazzjoni immedjata u sħiħa lill-Parlament f’kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali,

J.    billi hu kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri ta' infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedixxix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

K.  billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-UE dwar l-ACTA għandu jkun konformi bis-sħiħ mal-acquis communautaire, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod speċjali bid-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 2002/58/KE u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

L.   billi, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona f’Diċembru 2009, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tal-ACTA qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,

1.   Jilqa’ l-ħruġ tal-abbozz tat-2 ta’ Ottubru 2010 tal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni wara r-rawnd ta’ negozjati f’Tokjo u jistenna li l-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament u tagħmel pubbliku t-test ACTA finalizzat wara l-laqgħa ta’ negozjati tekniċi f’Sydney mit-30 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2010;

2.   Itenni li l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni hija prijorità tal-istrateġija politika interna u internazzjonali tiegħu u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kwestjoni essenzjali fil-kisba ta’ dan l-għan;

3.   Jinsab konxju bis-sħiħ dwar il-fatt li l-ftehim li ġie nnegozjat mhux se jsolvi l-problema kumplessa u multidimensjonali tal-falsifikazzjoni; iqis madankollu li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba;

4.   Jilqa’ d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-Kummissjoni li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ACTA, partikolarment ta’ dawk dwar il-proċeduri tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali, se jkun konformi bis-sħiħ mal-acquis communautaire u li b’dan il-ftehim mhux se jiġu introdotti la t-tiftix personali u lanqas ‘l hekk imsejħa ‘proċedura tat-tliet daqqiet’; jirrimarka li l-ebda firmatarju tal-ACTA, u partikolarment l-UE, ma jista’ jingħata mill-ftehim il-mandat li jintroduċi t-''tliet daqqiet'' jew skema simili;

5.   Jilqa’ l-fatt li l-abbozz deliberattiv tat-test tat-2 ta’ Ottubru 2010 jikkonferma, fil-preambolu, l-għan tal-ACTA li jipprovdi mezzi effettivi u adegwati għall-infurzar tal-IPR, li jikkomplimentaw il-ftehim TRIPS u filwaqt li jqis id-differenzi fis-sistemi u prattiki legali rispettivi tal-partijiet firmatarji tal-ACTA; u jinsisti dwar il-fatt li l-prinċipji mniżżla fid-Dikjarazzjoni Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta’ Novembru 2010 mid-WTO fir-Raba’ Konferenza Ministerjali tagħha, li saret f’Doha, fil-Qatar, jikkostitwixxu s-sisien tal-abbozz deliberattiv tat-test tal-ACTA tat-2 ta’ Ottubru 2010 u li għalhekk kull infurzar tal-ACTA għandu jkun konformi ma’ dawn il-prinċipji;

6.   Jenfasizza li l-ACTA mhux se jbiddel l-acquis tal-UE f’termini ta’ infurzar tal-IPR, peress li l-liġi tal-UE hija diġà konsiderevolment iktar avvanzata mill-istandards internazzjonali attwali, u li għalhekk jirrappreżenta opportunità biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u linji gwida f’dan il-qasam;

7.   Iqis l-ACTA bħala għodda biex l-istandards eżistenti jsiru iktar effikaċi, u b’hekk ta’ iktar benefiċċju għall-esportazzjoni tal-UE u l-ħarsien tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta joperaw fis-suq dinji, fejn bħalissa qed isir ksur sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-awtur, tat-trademarks, tal-privattivi, tad-diżinji u tal-GI;

8.   Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-GI għall-kumpaniji Ewropej u għall-impjieg fl-UE; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni biex jiġi inkluż il-ħarsien tal-GI fl-ambitu tal-ACTA;

9.   Jiddispjaċih li, fl-Artikolu 1.X tiegħu, il-Ftehim ma jiddefinixxix 'indikazzjonijiet ġeografiċi foloz', billi din l-ommissjoni tista' toħloq taħwid jew, talinqas, tikkomplika l-kompiti tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji fl-interpretazzzjoni u fl-infurzar tal-ACTA;

10. Jilqa’ l-inklużjoni tal-kelma 'tista'' fl-Artikolu 2.14.3 ('Kull parti tista' tipprovdi proċeduri u pieni kriminali ...');

11. Jilqa’ l-fatt li l-partijiet firmatarji qablu, fuq insistenza min-naħa tal-UE, li l-kriminalizzazzjoni tal-‘camcording’ għandha sempliċement tkun għażla (Artikoli 2.14.3 u 2.15);

12. Jinnota d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew b'rabta mal-każ 90/2009, li fih il-kwerelant kienet fondazzjoni Olandiża, inkluża d-dikjarazzjoni li ''l-iżvelar tad-dokumenti jkollu effett negattiv fuq il-klima prevalenti ta' fiduċja dwar in-negozjati tal-ACTA u li tista' tiġi ostakolata kooperazzjoni miftuħa u kostruttiva'', u jkompli jemmen f'dan ir-rigward li għandu jinstab il-bilanċ ġust, fin-negozjati kummerċjali internazzjonali, bejn it-trasparenza u l-kunfidenzjalità;

13. Jilqa’ l-fatt li s-sħubija fl-ACTA mhijiex esklussiva u li pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw jistgħu jingħaqdu, biex b’hekk tiġi promossa l-protezzjoni mifruxa tal-IPR u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni madwar id-dinja; iqis li fil-futur, l-ACTA għandu l-potenzjal li jilħaq livell multilaterali;

14. Jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni bħala parti mill-Kumitat ACTA għandha tkun fl-ambitu tal-acquis u ma tistax, b’mod unilaterali, tbiddel il-kontenut tal-ACTA; iqis għalhekk li kwalunkwe tibdil propost għall-ACTA għandu jiġi adottat mill-Parlament u mill-Kunsill bi qbil mal-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-implimentazzjoni tal-ACTA mhu se jkollha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, fuq l-isforzi li qed isiru fl-UE biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tal-IPR, u fuq il-kummerċ elettroniku;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.