Proċedura : 2010/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0650/2010

Testi mressqa :

B7-0650/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 19
CRE 24/11/2010 - 19

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.12
CRE 25/11/2010 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0444

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kDOC 72k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0650/2010
23.11.2010
PE450.486v◄►
 
B7-0650/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Ukraina


Rebecca Harms, Werner Schulz, f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina  
B7‑0650/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1755 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fil-5 ta' Ottubru 2010, dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa approvat fid-9 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-14-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina, li saret fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2010 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra t-tibdiliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina li l-Verkhovna Rada għaddiet f'Ġunju 2010, ftit qabel ma saru l-elezzjonijiet lokali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Samit UE-Ukraina li sar f’Kiev fl-4 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jissostitwixxi l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013 għall-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ukraina hija pajjiż Ewropew ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u s-sitwazzjoni ġeografika tagħha jagħtu lill-Ukraina pożizzjoni partikolari fl-Ewropa u jagħmluha interlokutur reġjonali fundamentali,

B.  billi l-President tal-Ukraina, Viktor Yanukovych, li għadu kif ġie elett, kif ukoll il-Parlament Ukrain (il-Verkhovna Rada tal-Ukraina) ikkonfermaw id-determinazzjoni tal-Ukraina li tissieħeb mal-Unjoni Ewropea,

C. billi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina huma riflessi bis-sħiħ fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni maħsuba biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina li bħalissa qed jiġi nnegozjat; billi dan il-ftehim ġdid se jipprovdi l-qafas għal rabtiet aktar b’saħħithom u mill-qrib u jwitti t-triq għal integrazzjoni akbar tal-Ukraina fil-politiki komuni tal-UE u għat-tisħiħ fil-kooperazzjoni politika,

D. billi saru allegazzjonijiet li l-libertajiet demokratiċi, bħal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, qed ikunu dejjem aktar mhedda fl-Ukraina,

E.  billi wara l-elezzjonijiet presidenzjali hemm sinjali dejjem aktar preokkupanti li d-demokrazija u l-pluraliżmu qed jittieklu fir-rigward, b’mod partikulari, tat-trattament ta' uħud mill-NGOs, u protesti individwali minn ġurnalisti dwar il-pressjoni eżerċitata fuqhom mill-edituri jew mill-proprjetarji tal-impriżi tal-midja tagħhom biex ikopru jew ma jkoprux ċerti ġrajjiet, kif ukoll biż-żieda fl-attività b'motivazzjoni politika tas-Servizz ta' Sigurtà tal-Ukraina u l-użu ħażin politiku ta' riżorsi amministrattivi u ġudizzjarji; billi f’Lulju l-kap tal-uffiċċju f’Kiev tal-Fondazzjoni Konrad Adenauer, li kien għadu kif ippreżenta rapport kritiku dwar l-ewwel 100 jum tal-gvern ta’ Yanukovich, ġie mwaqqaf għall-ebda raġuni fl-ajruport ta’ Kiev għal 8 sigħat u tħalla biss jidħol l-Ukraina wara l-intervent tal-ambaxxata Ġermaniża,

F.  billi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta' Ottubru 2010 stabilixxiet mill-ġdid sistema ta’ gvern presidenzjali; billi għandu jibqa' prijoritarju l-istabbiliment ta' sistema demokratika, effettiva u dejjiema ta' kontrolli u bilanċi u l-proċess biex dan jintlaħaq għandu jkun miftuħ, inklużiv u aċċesibbli għall-partiti politiċi u l-atturi kollha tal-Ukraina,

G. billi l-elezzjonijiet lokali u reġjonali li saru fil-31 ta' Ottubru 2010 twettqu f’atmosfera kalma u mingħajr inċidenti; billi ġiet espressa kritika qawwija mill-NGOs u mill-osservaturi internazzjonali li kienu fil-post bħall-Kunsill tal-Ewropa dwar ħafna aspetti tal-organizzazzjoni u tal-proċedura fil-perjodu qabel l-elezzjonijiet anke minħabba t-tibdiliet fl-aħħar minuta tar-regoli elettorali, ir-reġistrazzjoni tard ta’ xi kandidati, ir-rappreżentanza żbilanċjati tal-partiti politiċi fil-kummissjonijiet elettorali, l-għadd numeruż ta’ poloz tal-vot żejda u l-atmosfera ġenerali ta’ nuqqas ta’ fiduċja,

H. billi l-President tal-Ukraina talab li jkun hemm aderenza rigoruża mal-liġijiet elettorali u mal-istandards demokratiċi; billi l-partiti tal-oppożizzjoni ħabbru li kienu se jikkontestaw ir-riżultati elettorali f’ħafna postijiet tal-votazzjoni; billi, b’mod partikulari, l-oppożizzjoni ressqet allegazzjonijiet ta’ frodi u manipulazzjoni fir-rigward tat-tmexxija tal-elezzjonijiet f’Kharkiv,

I.   billi ġie stabbilit grupp ta’ ħidma biex jistudja proposti biex tittejjeb il-liġi elettorali,

J.   billi r-Rappreżentant tal-OSKE għal-Libertà tal-Midja afferma fit-13 ta' Ottubru 2010 li l-Ukraina laħqet livell għoli ta' libertà tal-midja, iżda li għandha tadotta provvedimenti urġenti biex tissalvagwardjaha, u stieden lill-gvern jastjeni minn kull tentattiv li jinfluwenza jew li jiċċensura l-kontenut tal-midja, jikkonforma mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-midja u jonora l-impenji tal-OSKE f'dan l-ambitu,

1.  Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea tal-Ukraina u jistenna lill-awtoritajiet Ukaini juru d-determinazzjoni meħtieġa biex jikkonfermaw l-għażla tagħhom lejn l-Ewropa u jkomplu fit-triq tar-riformi b’rispett lejn l-aspirazzjonijiet tal-pajjiż;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta’ allegazzjonijiet, u rapporti kredibbli, li f’dawn l-aħħar xhur żdiedet il-pressjoni fuq il-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi, bħal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni u u l-libertà tal-midja;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti kontradittorji tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-NGOs dwar it-tmexxija tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali tal-31 ta’ Ottubru; jieħu nota tal-allegazzjonijiet ta’ falsifikazzjonijiet u frodi miġjuba minn uħud mill-mexxejja tal-oppożizzjoni;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Ukraini jwettqu investigazzjonijiet b'ħeffa u bi trasparenza u biex fi żmien xieraq jaslu għal riżultati tanġibbli li jippermettu li jsir titjib fil-liġi elettorali, bħalissa inkompleta u restrittiva, fir-rigward tat-tħejjija u t-tmexxija ta’ elezzjonijiet fil-ġejjieni;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini biex fil-ġejjieni ma jindaħlux fil-proċessi ta’ qabel l-elezzjonijiet, pereżempju billi ma jirreġistrawx il-kandidati u l-partiti, jew billi jwettqu pressjoni kontra l-oppożizzjoni u l-midja;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod eżawrjenti kull rapport ta' ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet, u biex joffru rimedju għal kull ksur li jinstab; u sabiex jinvestigaw ir-rwol tas-servizzi tas-sigurtà tal-Ukraina (SBU) fl-indħil fil-proċess demokratiku;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-każ ta’ vjolenza u intimidazzjoni fuq ġurnalisti u dwar l-għejbien ta’ Vasyl Klymentiev, ġurnalist tan-Novy Styl, nhar il-11 ta’ Awwissu 2010; jinsab kunfidenti li l-awtoritajiet Ukraini se jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex itemmu l-investigazzjoni;

8.  Jinsab imħasseb dwar l-iżviluppi riċenti li jistgħu jdgħajfu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu dawn l-aspetti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u biex iżommu lura minn kull tentattiv biex jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-kontenut ta’ dak li jiġu rrappurtat fil-midja nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ riforma legali tas-settur tal-midja u għaldaqstant jilqa’ l-proposta riċenti għal Servizz Pubbliku tax-Xandir fl-Ukraina; jilqa’ wkoll l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Ukraini li l-qafas legali li huwa meħtieġ biex jitwaqqaf servizz ta’ xandir pubbliku se jiġi konkoluż sal-aħħar tas-sena; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-proċeduri legali ma jwasslux għar-revoka selettiva tal-frekwenzi tax-xandir u biex jirrevedu kwalunkwe deċiżjoni jew ħatra li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess;

9.  Jistieden lill-gvern Ukrain biex iġib il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-midja konformi mal-istandards tal-OSKE;

10. Jappella biex tiġi adottata malajr il-liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni li għandha tiffissa regoli li jorbtu u skadenzi ċari għall-amministrazzjoni u għall-uffiċjali pubbliċi fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni għall-ġurnalisti u għaċ-ċittadini;

11. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-atti vjolenti mwettqa f’Mejju u f’Ġunju li għaddew biex jitferrxu dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-allegat bini illegali ta’ triq li tgħaddi mill-Park ta’ Gorki, f’Kharkiv, bi tħejjija għall-Euro 2012, li seħħew flimkien mal-intimidazzjoni u l-arrest ta’ attivisti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u aġenziji oħra taż-żamma tal-ordni;

12. Jiddispjaċih li r-regolamenti elettorali għadhom suġġett ta’ dibattitu kontinwu u jirrimarka li l-liġi elettorali eżistenti, kif emendata f’Awwissu 2009, hija meqjusa mill-OSKE/ODIHR bħala pass lura meta titqabbel mal-leġiżlazzjoni preċedenti, li rriżultat f’qafas legali li la mhu ċar u lanqas komplet;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħew il-kredibilità u l-istabilità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet, biex b’hekk jiġi ggarantit l-istat tad-dritt u tiġi promossa riforma kostituzzjonali kunsenswali bbażata fuq il-firda ċara bejn is-setgħat u fuq sistema effettiva ta’ kontrolli u ekwilibriji bejn l-istituzzjonijiet tal-istat; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-pakketti ta’ riforma leġiżlattiva li qed jiġu żviluppati bħalissa jkunu konformi bis-sħiħ mal-istandards u l-valuri Ewropej; jistieden lill-partijiet politiċi interessati kollha relevanti, inkluż lill-gvern u lill-oppożizzjoni jieħdu sehem f’dan il-proċess u jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-verżjonijiet finali tal-abbozzi ta’ liġi;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkonkludu pjan direzzjonali għall-ivvjaġġar ħieles mill-viżi għall-Ukraina, inkluż l-objettiv intermedju li jitneħħew il-ħlasijiet eżistenti għall-kisba ta' viżi; jenfasizza, madankollu, li l-ħtiġijiet ta’ dawn il-ftehimiet iridu jiġu sodisfati u rispettati; jinsab fiduċjuż li l-konsolidazzjoni tal-iżviluppi demokratiċi fl-Ukraina jiffaċilitaw dan il-proċess;

15. Jenfasizza l-importanza kbira tal-proċess għall-integrazzjoni Ewropea tal-Ukraina għall-ħidma lejn riformi ekonomiċi, soċjali u politiċi fil-pajjiż; għaldaqstant jittama li, waqt is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Ukraina, li se jsir fit-22 ta’ Novembru fi Brussell, isir progress sostanzjali biex titħaffef il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Ukraina jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2010Avviż legali