Proċedura : 2010/2954(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0675/2010

Testi mressqa :

B7-0675/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 16
CRE 24/11/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0443

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kDOC 67k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0675/2010
23.11.2010
PE450.491v◄►
 
B7-0675/2010

għall-konklużjoni tad-dibattitu dwar stqarrijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Saħara tal-Punent


Ivo Vajgl, Kristiina Ojuland, Luigi de Magistris, Izaskun Bilbao Barandica, Carl Haglund, Ramon Tremosa i Balcells, Anneli Jäätteenmäki, Graham Watson f’isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Saħara tal-Punent  
B7‑0675/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 1598 (2005) tat-28 ta’ April tal-2005 u 1495 (2003), approvati mill-Assemblea Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru tal-2005, u r-riżoluzzjoni 1871 (2009),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri r-riżoluzzjoni 1920 (2010), li pproprogat id-data tal-mandat eżistenti tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO),

–   wara li kkunsidra r-rapport l-aktar reċenti tas-Segretarju Ġenerali magħmul lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Saħara tal-Punent (14 ta’ April tal-2008),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport tad-Delegazzjoni Ad hoc tal-PE ta’ Marzu tal-2009, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet marbutin mal-ottemperanza mal-jeddijiet tal-bniedem u l-monitoraġġ tagħhom fis-Saħara tal-Punent,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar it-8 laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk li saret fis-7 ta’ Diċembru 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-ewwel Samit UE-Marokk li sar fis-7 ta’ Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, b'mod speċjali l-Artikolu 2 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar il-Jeddijiet Ċivili u Politiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, sottoskritt mir-Renju tal-Marokk,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta’ Diċembru tal-1998 dwar il-jedd tal-individwi, gruppi u istituzzjonijiet li jippromwovu u jipproteġu l-jeddijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem universalment rikonoxxuti,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, dwar is-Saħara tal-Punent tal-10 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi aktar minn 12,000 Saħarawi abbandunaw ibliethom u armaw it-tined ftit ’il barra minn El Aaiun, u waqqfu l-akkampament Gdaim Izyk bħala protesta kontra l-qagħda soċjo-ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom,

B.  billi nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru, Nayem El-Garhi, adoloxxenti Saħarawi ta’ erbatax-il sena, inqatel u ħames oħra sfaw midruba mill-forzi militari Marokkini waqt li kienu qed jippruvaw jaslu sal-akkampament ftit ’il barra minn El Aaiun,

C. billi nhar it-Tnejn 8 ta' Novembru, il-forzi tas-sigurtà Marokkini daħlu bi vjolenza fl-akkampament Gdaim Izyk, u nqdew minn forza sproporzjonata,

D. billi l-awtoritajiet Marokkini qalu li l-operazzjoni kienet neċessarja biex jilliberaw lir-residenti tal-akkampament li kienu qed jinżammu hemm kontra l-volontà tagħhom u li l-forzi tas-sigurtà ltaqgħu ma’ reżistenza serja kif ukoll il-ġlied bejn il-pulizija u l-protestanti nfirex għat-toroq ta’ El Aaiun,

E.  billi hemm rapporti ta’ bosta midruba, feruti u sparizzjonijiet,

F.  billi l-ġurnalisti, parlamentari nazzjonali tal-UE u Ewrodeputati ma tħallewx jidħlu El Aaiun u l-akkampament Gdaim Izyk, u xi wħud minnhom saħansitra sfaw espulsi mill-Marokk,

G. billi dawk l-attakki vjolenti kkoinċidew mal-bidu tat-taħditiet informali dwar il-futur tas-Saħara tal-Punent bejn l-awtoritajiet Marokkini u l-Front Polisario fi New York, fuq inizjattiva tal-mibgħut speċjali tan-NU għas-Saħara tal-Punent,

H. billi l-UE hija mħassba dwar il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent u l-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet reġjonali tiegħu, inkluża s-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; u tappoġġja kompletament l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Mibgħut Personali tegħu għas-sejbin ta’ soluzzjoni politika ġusta, duratura u viċendevolment aċċettabbli li tkun tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent kif jingħad fir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti,

I.   billi fil-21 ta’ Settembru, id-dissident Mostapha Sidi Mouloud safa arrestat mill-Front Polisario wara li leħħen l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva tal-Marokk għall-awtonomija u minn dak in-nhar ’il hawn xejn ma sar magħruf dwar x’sar minnu,

J.   billi s-sitwazzjoni fil-akkampamenti tas-Saħara tal-Punent u f’Tindouf għandu mnejn tiżviluppa fi traġedja umana tabilħaqq, b’konsegwenzi li ma jistgħux jiġu previsti, u li dawk l-inċidenti għal darb' oħra jaċċentwaw il-ħtieġa urġenti li jkun hemm l-inklużjoni ta' komponent ta' monitoraġġ tal-jeddijiet tal-bniedem fil-mandat tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referundum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO),

K. billbilli wara aktar minn 30 sena, il-proċess ta’ dekolonizzazzjoni fis-Saħara tal-Punent għadu mhux mitmum,

L.  billi bosta rapporti wrew li r-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent qed jiġu sfrutatti mingħajr ma jħallu l-ebda benefiċċju għall-popolazzjoni lokali,

1.  Jiddeplora l-attakki serji u l-użu sproporzjonat tal-forza mill-awtoritajiet Marokkini li seħħew fl-akkampament Gdaim Izyk u fil-belt ta’ El Aaiun u li wasslu għal ħafna mwiet fost il-popolazzjoni ċivili, u jistieden lill-partijiet jibqgħu kalmi u jibqgħu lura minn kull vjolenza ulterjuri;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familja taż-żagħżugħ Saħarawi Nayem El-Garhi u jitlob lill-awtoritajiet Marokkini u lill-MINURSO jmexxu investigazzjoni ħalli jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi marbutin mal-qtil tiegħu;

3.  Jiddispjaċih bil-kbir u huwa mħasseb ħafna dwar il-mejtin, il-midrubin u dawk li għabu minħabba fl-attakki vjolenti, u jfisser is-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi;

4.  Jitlob li jkun hemm investigazzjoni indipendenti internazzjonali taħt l-awspiċi tan-NU dwar dak li ġara dan l-aħħar fl-akkampament Gdaim Izyk u fil-belt ta’ El Aaiun;

5.  Jiddispjaċih mill-attakk fuq il-libertà tal-istampa u tal-informazzjoni li soffrew ħafna ġurnalisti Ewropej u jitlob lir-Renju tal-Marokk jippermetti l-aċċess liberu u l-moviment liberu fis-Saħara tal-Punent għall-istampa, l-osservaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet umanitarji;

6.  Jikkundanna d-detenzjoni u l-assillament tad-difensuri Saħarawin tal-jeddijiet tal-bniedem fit-territorju tas-Saħara tal-Punent kontrollat mill-Marokk, u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jinkludi l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-mandat tal-MINURSO ħalli jkunu identifikati l-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem, kif jingħad fir-rakkomandazzjoni tad-Delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew;

7.  Jilqa’ t-tkomplija tal-laqgħat informali bejn il-Marokk u l-Front Polisario taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ukoll f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ tensjoni, u jitlob lill-atturi reġjonali jiżvolġa rwol aktar kostruttiv;

8.  Jitlob lir-Renju tal-Marokk u lill-Front Polisario joqogħdu lura minn atti ta’ vjolenza biex b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu bil-kbir għat-tnaqqis tat-tensjonijiet ħalli tinkiseb soluzzjoni għall-kunflitt fis-Saħara tal-Punent li tkun taqbel mar-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1495(2003);

9.  Jitlob l-appoġġ tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea favur ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, u ħalli jitwettqu kompletament il-possibilitajiet mogħtijin mid-djalogu fl-ambitu tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk dwar il-jeddijiet tal-bniedem fil-qafas tas-sotto-kumitat imwaqqaf mal-Marokk għat-tqajjim ta' dawn il-kwestjonijiet;

10. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ħalli jsegwu s-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u b’mod regolari jibagħtu missjonijiet ta’ tagħrif fl-inħawi bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk;

11. Huwa mħasseb dwar x’seta’ sar minnu Mostapha Sidi Mouloud u jitlob lill-Front Polisario jixkef fejn jinsab, jagħtih l-opportunità jagħmel kuntatt minnufih ma' familtu u ma' avukat, u jressqu minnufih quddiem korp ġudizzjarju indipendenti ħalli jiddeterminalu jekk hemmx bażi ġuridika għad-detenzjoni tiegħu;

12. Jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew lejn is-Saħara tal-Punent u l-alkampamenti f’Tindouf ħalli tosserva in situ s-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem;

13. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu ħalli jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijeit mal-Pajjiżi tal-Maghreb, kif ukoll lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, il-Parlamenti u l-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Alġerija, u tal-Marokk, u lill-Front Polisario.

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2010Avviż legali