Proċedura : 2010/2954(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0676/2010

Testi mressqa :

B7-0676/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 16
CRE 24/11/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.11

Testi adottati :

P7_TA(2010)0443

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 138kDOC 72k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0675/2010
23.11.2010
PE450.492v◄►
 
B7-0676/2010

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent


Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen, Ulrike Lunacek, Hélène Flautre, Jill Evans, Oriol Junqueras Vies, Judith Sargentini, François Alfonsi, Isabella Lövin, Barbara Lochbihler, Michèle Rivasi, Catherine Grèze, Frieda Brepoels, Martin Häusling, Jean Lambert, Bart Staes, Franziska Keller u José Bové

f’isem il-Grupp Verts/ALE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent  
B7‑0676/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ratifikat fil-Marokk fit-3 ta’ Mejju 1979,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk innegozjat fl-2004 u l-aħħar rapport dwar il-progress tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tar-Reviżjoni Perjodika Universali fuq il-Marokk tat-22 ta’ Mejju 2008, li saret fil-UNHCR,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport tad-Delegazzjoni ad hoc tal-PE dwar Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU dwar is-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 1754 (2007), 1783 (2007), 1813 (2008), 1871 (2009) u 1920 (2010),

–   wara li kkunsidra r-rapport l-aktar reċenti tas-Segretarju Ġenerali lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent tas-6 ta’ April 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar is-Saħara tal-Punent, fl-10 ta’ Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi minn Ottubru 2010, madwar 20,000 ċittadin Saħrawi ħarġu mill-belt ta’ El-Aaiun u bnew kampijiet 12-il kilometru l-bogħod mill-belt kapitali, bħala protesta paċifika kontra l-okkupazzjnoi Marokkina ta’ pajjiżhom u kontra l-marġinalizzazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-għajxien ħżiena, is-serq tar-riżorsi naturali tagħhom u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi din l-inizjattiva tirrappreżenta l-ikbar protesta kontra l-gvern f’dawn l-aħħar deċennji fit-territorju li huwa s-suġġett tat-tilwima,

B.  billi fl-24 ta’ Ottubru 2010 il-forzi tas-sigurtà Marokkini bdew l-isparar fuq karozza mimlija ċivili Saħrawi li kienu qed jipprovaw jingħaqdu mal-kampijiet ta’ protesta viċin El-Aaiun, u billi Najem El Garhiand, ta’ 14-il sena, tilef ħajtu fuq il-post u ndarbu 5 oħra,

C. billi fit-8 ta’ Novembru 2010 mill-inqas 12-il persuna, inklużi uffiċjali tal-pulizija u tas-sigurtà, inqatlu matul l-azzjoni tal-forzi tas-sigurtà Marokkini bl-għan li jiġi żmantellat il-kamp ta' protesta ta' Gadaym Izik; billi kien hemm ukoll rapporti dwar għadd sinifikanti ta’ ċivili midruba meta l-forzi tas-sigurtà użaw gass tad-dmugħ u lembubi biex jiżvujtaw il-kamp,

D. billi dawn l-inċidenti insertaw seħħew meta tnedew diskussjonijiet informali ġodda medjati min-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġejjieni tas-Saħara tal-Punent, bejn l-awtoritajiet Marokkini u l-Front Polisario,

E.   billi ġew implimentati miżuri ta’ sigurtà f’El-Aaiun u fi bliet oħra tas-Saħara tal-Punent li wasslu għall-arrest ta’ mill-inqas 5 difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; Is-Sur Ennaama Asfari, Kopresident ta’ CORELSO, Is-Sur Al-Salmani Mohammed, membru tal-AMDH, Is-Sur Banka Al-Shaikh u s-Sur Isma'el Brahim, membri tal-AMDH rispettivament f’Asa u f’El-Aaiun u s-Sur Brahim Elansari, rappreżentant lokali tal-HRW,

F.  billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem qed jaħsbu li bosta difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem ġew soġġetti wkoll għal arresti arbitrarji u inkarċerazzjoni mhux komunikata sa mill-attakk fuq il-kamp ta’ protesta,

G. billi għadd ta’ attivisti Saħrawi, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Brahim Dahane, Ali Salem Tamek u Ahmed Nasiri, ġew akkużati li jipperikolaw s-sigurtà interna tal-Marokk u ġew arrestati għal ‘il fuq minn sena wara li żaru l-kampijiet tar-refuġjati fl-Alġerija,

H. billi l-Grupp ta’ Ħidma dwar L-Għajbien Sfurzat jew Mhux Volontarju innota, fil-kuntest tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) dwar il-Marokk, li l-maġġoranza tal-każijiet ta’ għajbien kienu jikkonċernaw persuni li jappoġġaw jew huma maħsuba li jappoġġaw il-Front Polisario,

I.   billi l-uffiċjal tal-pulizija tal-Front Polisario, Mostapha Selma Sidi Mouloud, ġie arrestat mill-forzi tas-sigurtà tal-Polisario wara li ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-pjan ta’ awtonomija tal-Marokk għas-Saħara tal-Punent; billi Mostapha Selma Sidi Mouloud ġie akkużat minn spjunaġġ f’dikjarazzjoni li ngħatat fit-23 ta’ Settembru 2010 minn uffiċjali tal-Polisario, u ġie enfasizzat li huwa għadu miżmum incommunicado,

J.   billi jitfakkru r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU dwar is-Saħara tal-Punent u filwaqt li jtenni l-appoġġ qawwi tiegu għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Emissarju Personali tiegħu biex jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli, li tippermetti d-determinazzjoni proprja tal-poplu tas-Saħara tal-Punent,

K. billi l-Kunsill ta’ Sigurtà saħaq fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ April 2010 li estendiet il-mandat tal-Missjoni tan-NU għal Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) sa April 2011 li l-istatus quo huwa inaċċettabbli fuq medda twila ta’ żmien u li huwa essenzjali li jsir progress fin-negozjati biex titjieb il-kwalità tal-għajxien tal-persuni fis-Saħara tal-Punent fl-aspetti kollha tagħha,

L.  billi l-UE għandha tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha, u t-Trattati tagħha stess, fl-attivitajiet u l-politiki kollha tagħha fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, filwaqt li jirrimarka f’dan ir-rigward li kwalunkwe ftehim ġdid bejn l-UE u l-Marokk, bħal ftehim dwar is-sajd li jrid jiġġedded fl-2011 u l-ftehim dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni reċiproka dwar il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-prodotti ta’ ħut u relatati mas-sajd, għandu jkun konformi mal-obbligi tal-UE skont il-liġi internazzjonali meta jaffettwa lis-Saħara tal-Punent, filwaqt li għandha tiġi inkluża klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala element essenzjali tal-ftehim,

M. billi jfakkar li l-Marokk huwa l-ewwel pajjiż fir-reġjun tal-Mediterranju t’Isfel li jibbenefika minn status avvanzat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE, u ħa l-impenn li jippromwovi, jipproteġi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem bi qbil mal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat,

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorazzjoni sinifikanti tas-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent u jikkundanna bis-saħħa l-inċidenti li seħħew fil-kamp ta’ protesta ta’ Gadaym Izik li wasslu għal għadd sinifikanti ta’ mwiet u midruba, inkluż il-qtil ta’ Najem El Garhiand;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Marokkini jniedu b’mod urġenti stħarriġ li jissodisfa l-istandards internazzjonali ta’ indipendenza, imparzjalità, trasparenza, għaġla u effikaċja b’rabta ma’ dawn l-avvenimenti, li għandu jsir taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiġu ċċarati iċ-ċirkustanzi u jiġi garantit li l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jenfasizza t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex kull parti kkonċernata żżomm djalogu kontinwu u kostruttiv mal-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (OHCHR) biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni tas-Saħara tal-Punent, kemm dawk li jinsabu fit-territorju kif ukoll dawk fil-kampijiet tar-refuġjati; jinsisti madankollu dwar il-bżonn li l-korpi tan-NU jipproponu t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, jew permezz ta’ estensjoni tal-mandat ta’ MINURSO jew inkella permezz ta’ inizjattiva koordinata mill-OHCHR;

4.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jurur iktar rieda politika biex tinstab soluzzjoni u jenfasizza l-importanza ta’ taħdidiet kredibbli u trasparenti taħt il-patroċinju tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Emissarju Personali tiegħu.

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Marokkini biex itemmu l-persekuzzjoni u t-turment ta’ attivisti Saħrawi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-familji tagħhom, u biex jeħilsu immedjatament il-priġunieri kollha ta' kuxjenza biex jikkonformaw mal-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha huwa firmatarju l-Marokk;

6.  Jistieden lill-gvern Marokkin biex jiżgura aċċess inostakolat għat-territorju tas-Saħara tal-Punent għal proċeduri speċjali tan-NU u biex il-ġurnalisti jitħallew joperaw fil-libertà kollha;

7.  Iħeġġeġ lill-Fron Polisario biex jippermetti l-aċċess lill-Kummissarju Għoli ta—Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) għall-kampijiet ta’ Tindouf, sabiex il-popolazzjonijiet jiġu infurmati dwar id-dritt tagħhom li jitilqu minn dawn il-kampijiet u dwar il-possibilità li jirristabbilixxu ruħhom b’mod volontarju;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata l-għajnuna umanitarja neċessarja, b’żieda fil-finanzjament allokat, lill-madwar 165, 000 refuġjat Saħrawi li jgħixu fir-reġjun ta’ Tindouf, biex dawn jiġu megħjuna jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom għall-ikel, l-ilma, id-djar u l-kura medika u biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Marokkini dwar l-impenn li ħa l-Marokk li jippromwovi l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bi qbil mal-istandards internazzjonali; jenfasizza li r-rispett ta’ dawn l-impenji huwa essenzjali għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk;

10. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Unjoni Ewropea biex tagħmel kull sforz possibbli għall-ilħiq ta’ pożizzjoni komuni b’saħħitha fi ħdan il-Kunsill biex jiġu kkundannati l-avvenimenti riċenti, u biex jisntabu mezzi biex isir progress fil-proċess ta’ paċi taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; iħeġġiġha wkoll issejjaħ laqgħa mal-gvern Marokkin biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent u biex jiġi adottat pjan direzzjonali bi standards konkreti u skadenzi ċari;

11. Iħeġġeġ lill-Front Polisario jiżvela fejn jinsab Mostapha Selma Sidi Mouloud u jeħilsu immedjatament;

12. Jinnota li s-Servizz Legali tal-PE ta opinjoni (SJ 269/09) li qajmet tħassib dwar il-legalità tal-Ftehim ta’ Sħubija attwali bejn l-UE u l-Marokk b’rabta mas-sajd, meta jitqies il-fatt li l-bastimenti tal-UE joperaw f’ilmijiet 'il barra mis-Saħara tal-Punent skont it-termini ta’ ftehim, u li l-ftehim kif huwa implimentat attwalment ma jirrispettax bis-sħiħ il-kundizzjonijiet deskritti fl-opinjoni Correl lill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU (S/2002/161);

13. Iqis għalhekk li kwalunkwe ftehim imġedded mal-Marokk ikun irid jiġi evalwat fir-rigward tal-konformità tiegħu mal-liġi internazzjonali, u b’hekk mat-Trattati, u jesprimi d-determinazzjoni tiegħu li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati ta’ kwalunkwe ftehim futur bħal dan, bi qbil mal-Artikolu 218(11) tat-TFUE;

14. Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu biex tiddiskuti, fil-laqgħa tagħha li jmiss, il-mezzi kollha possibbli biex jiġi faċilitat djalogu bejn il-partijiet kollha;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Maghreb, kif ukoll lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Marokk u tal-Alġerija, lill-Front Polisario u lill-Presidenza tar-RASD.

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2010Avviż legali