Proċedura : 2011/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0046/2011

Testi mressqa :

B7-0046/2011

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 12
CRE 19/01/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.3
CRE 20/01/2011 - 7.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kDOC 82k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0044/2011
17.1.2011
PE455.874v01-00
 
B7-0046/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja


Adrian Severin, Kristian Vigenin, Justas Paleckis, Marek Siwiec u Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja  
B7‑0046/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 rigward miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, li testendi kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll is-suspensjoni tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja mill-Uffiċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-20 ta’ Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2010 “appella lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżguraw li l-elezzjonijiet (presidenzjali) isiru f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u mal-impenji tal-Bjelorussja fl-OSKE u n-NU”,

B.  billi l-Kunsill afferma mill-ġdid ir-rieda tiegħu biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Bjelorussja sakemm dan il-pajjiż jagħmel progress fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

C. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja u li jissospendi l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2011,

D. billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSKE u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSKE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSKE,

E.  billi skont "id-Dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-elezzjoni presidenzjali fil-Bjelorussja" tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR sar xi titjib qabel l-elezzjonijiet iżda nħeba wara l-irregolaritajiet serji fil-jum tal-votazzjoni u l-vjolenza li tqajmet fid-19 ta’ Diċembru bil-lejl,

F.  billi iktar minn 700 persuna ġiet detenuta għall-parteċipazzjoni fid-dimostrazzjoni fid-19 ta’ Diċembru ġo Minsk, li ħafna minnhom inħelsu wara li qattgħu sentenzi amministrattivi qosra filwaqt li 24 attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni, inklużi 6 kandidati presidenzjali, ġew akkużati bl-‘organizzazzjoni ta’ diżordni tal-massa’ flimkien ma’ attakki vjolenti u reżistenza armata li jista’ jwassal għal sentenzi ta’ ħabs ta’ massimu ta’ 15-il sena; billi 14-il persuna oħra jistgħu jiġu akkużati dalwaqt,

G. billi 15 minn dawk li nżammu huma priġunieri tal-kuxjenza rikonoxxuti mill-Amnesty International u ma jistgħux jaċċessaw parir legali u kura medika,

H. billi r-ripressjoni mill-pulizija fid-dimostrazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010 u iktar miżuri li ttieħdu fl-infurzar tal-liġi kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa u l-attivisti tas-soċjetà ċivili ġew ikkundannati b’mod inekwivoku mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew u s-Segretarju Ġenerali tan-NU,

1.  Iqis, abbażi tar-riżultati tal-Konklużjonijiet Preliminari tal-AP OSKE u l-OSKE/ODIHR, li l-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta’ Diċembru 2010 ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti; iqis dan il-vot bħala opportunità oħra li ma ġietx sfruttata fit-tranżizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u jappella, fid-dawl tal-irregolaritajiet numerużi u serji rrappurtati mill-OSKE/ODIHR, biex jerġgħu jiġu organizzati elezzjonijiet mill-ġdid;

2. Jikkundanna l-użu ta’ forza brutali mill-pulizija u s-servizzi tal-KGB kontra dawk li pprotestaw fil-Jum tal-Elezzjoni bħala eżempji ta’ ksur serju tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, bħal-libertà tal-assemblea u l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

3. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u ż-żamma ta’ iktar minn 700 persuna li pprotestaw b'mod paċifiku u 7 mid-9 kandidati presidenzjali alternattivi; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-proċedimenti kriminali li wettqu l-awtoritajiet Bjelorussi kontra bosta kandidati presidenzjali, mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika kif ukoll għadd kbir ta’ attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, għalliema u studenti;

4. Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dawk kollha li nżammu waqt Jum l-Elezzjoni u wara, u jitlob li jiġu pprovduti parir legali indipendenti u kura medika lil kull min jeħtieġhom;

5. Jikkundanna r-ripressjoni u l-abbuż tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, li saru wara Jum l-Elezzjoni, inklużi tfittxijiet tal-massa f’appartamenti privati, uffiċċji tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, espulsjonijiet mill-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol;

6. Jikkundanna l-imblukkar ta’ għadd ta’ websajts ewlenin tal-Internet, inklużi kanali ta’ networking u websajts tal-oppożizzjoni, f'Jum l-Elezzjoni fil-Bjelorussja. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-midja fil-Bjelorussja ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirreveduha u jemendawha;

7. Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi biex iwaqqfu l-missjoni tal-Uffiċċju tal-OSKE fil-Bjelorussja u jħeġġeġ lill-Bjelorussja biex tħassar id-deċiżjoni tagħha;

8. Jitlob lill-Kummissjoni għall-appoġġ, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, għall-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, il-midja indipendenti u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Bjelorussja biex jippromwovu d-demokrazija u jopponi r-reġim; jibqa’ jitlob lill-oppożizzjoni Bjelorussa biex iżżid l-appoġġ finanzjarju għar-rappreżentanza politika tal-oppożizzjoni demokratika Bjelorussa u s-soċjetà ċivili fi Brussell; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-kooperazzjoni li għandha bħalissa u tirtira l-għajnuna tagħha għall-midja tal-istat fil-Bjelorussja;

9. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha fi djalogu, konsultazzjonijiet u koordinazzjoni politika mal-ġirien tal-Bjelorussja li mhumiex fl-UE, li tradizzjonalment għandhom relazzjonijiet speċjali ma’ dan il-pajjiż u huma wkoll sħab tal-UE, fosthom ir-Russja u l-Ukraina, sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-politika tal-UE għall-Bjelorussja u biex ikun hemm kooperazzjoni fil-bilanċ xieraq għar-reazzjoni kontra d-defiċit demokratiku u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja bil-ħtieġa li tiġi evitata l-iżolazzjoni internazzjonali tal-Bjelorussja.

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u żżid l-għajnuna finanzjarja lill-Università tal-Istudji Umanistiċi tal-Ewropa (EHU) f’Vilnius, il-Litwanja, u biex iżżid l-għadd ta’ boroż ta’ studju għal studenti mill-Bjelorussja, diskriminati minħabba l-attivitajiet ċiviċi tagħhom u espulsi mill-universitajiet u biex tikkontribwixxi għall-konferenza ta’ donaturi f’Varsavja “Solidarjetà mal-Bjelorussja” (2/02/2010) u l-konferenza ta’ wara f’Vilnjus;

11. Jistieden lill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jerġgħu japplikaw minnufih il-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ viżi u l-friża tal-assi finanzjarji għall-uffiċjali tal-istat Bjelorussi, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali tas-sigurtà li jistgħu jitqiesu responsabbli għat-tbagħbis fl-elezzjoni u għar-ripressjonijiet brutali u l-arresti ta' wara l-elezzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni. Is-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ tal-anqas sakemm il-priġunieri u d-detenuti politiċi kollha jinħelsu u jiġu rtirati l-akkużi kontrihom;

12. Jitlob lil gvernijiet demokratiċi oħra fl-Ewropa u fid-dinja biex jimponu sanzjonijiet simili għar-rappreżentanti tar-reġim Bjelorussu; jenfasizza li kwalunkwe sanzjoni applikata kontra r-reġim Bjelorussu għandha tkun immirata lejn l-uffiċjali u ma għandhiex twassal għal iktar iżolazzjoni jew l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Bjelorussi bl-interruzzjoni tal-eżistenza u l-prevenzjoni tar-rabtiet possibbli taċ-ċittadini tal-UE fil-qasam tan-negozju, dak xjentifiku, kulturali, turistiku u l-oqsma l-oħra; jenfasizza li t-tfassil mill-ġdid tal-politika tal-UE applikata għall-Bjelorussja għandu jwassal f’rikonoxximent dejjem jikber fost iċ-ċittadini Bjelorussi tal-ħtieġa li jikkooperaw mal-UE;

13. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex jippermettu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti tal-avvenimenti tad-19/20 ta’ Diċembru 2010;

14. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jissospendu kuntatti ta’ livell għoli mal-awtoritajiet Bjelorussi billi jillimitawhom għal konsultazzjonijiet tekniċi biss;

15. Jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lil pajjiżi sħab biex jeżaminaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta’ negozju mal-Bjelorussja;

16. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex jintensifikaw il-ħidma fuq id-direttivi dwar in-negozjati għall-ftehimiet ta' riammissjoni u ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi (ħlief il-passaporti diplomatiċi) biex jittejbu l-kuntatti interpersonali; Independentement mill-progress tal-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi, jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iqisu t-tnaqqis tat-tariffa tal-viża għaċ-ċittadini Bjelorussi kif ukoll li jneħħuhom kompletament għall-istudenti, il-persuni xjentifiċi u l-artisti; jenfasizza li l-proċess tal-liberalizzazzjoni li għandu jkun implimentat mill-iktar fis possibbli għandu jirriżulta f’viżi ta’ Schengen irħas u disponibbli faċilment għaċ-ċittadini Bjelorussi;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, il-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja u l-Assemblei Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Jannar 2011Avviż legali