imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Peter van Dalen, Marek Henryk Migalski, Mirosław Piotrowski, Ryszard Czarnecki, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Konrad Szymański
f'isem il-Grupp ECR
Cornelis de Jong
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża
B7‑0054/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona ta' Novembru 1995,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-prijoritajiet tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet għall-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE fuq dan is-suġġett,
– wara li kkunsidra l-ewwel Konferenza tan-Netwerk Ewro-Mediterranju fil-Kajr fis-26 u s-27 ta' Jannar 2006,
– wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u b'mod partikolari r-rapporti tagħha tad-29 ta' Diċembru 2009, tas-16 ta' Frar 2010 u tal-29 ta' Lulju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza ta' komunitajiet Insara u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2010 dwar attakk reċenti fuq Komunitajiet Insara,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Jannar 2010 mill-kelliemi tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton wara l-attakk kontra l-fidili fi knisja Kopta f'Lixandra, l-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi,
B. billi, skont il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li waħdu jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim, u billi skont il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tipproteġi kull twemmin, inkluż dak teistiku, mhux teistiku u ateistiku,
C. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,
D. billi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin spiss titqies bħala indikatur ewlieni tal-libertajiet u tad-drittijiet tal-bniedem l-oħra kollha; billi l-persekuzzjoni tal-Insara fid-dinja tirrappreżenta wieħed mill-aktar sfidi feroċi tal-lum kontra d-dinjità umana,
E. billi f'xi każijiet il-qagħda li qed jaffrontaw il-komunitajiet Insarahija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni, u jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati,
F. billi fis-sigħat bikrija tal-1 ta' Jannar 2011, 21 Nisrani Kopt inqatlu f'attakk bil-bombi fuq knisja fil-belt ta' Lixandra, fl-Eġittu, u sfaw midruba 70 ruħ oħra,
G. billi fit-30 ta' Diċembru 2010 attakki terrosirtiċi jihadi kontra familji Nsara Assirjani ħallew tal-anqas żewġ persuni mejta u 14-il persuna midruba f'sensiela ta' attakki koordinati fuq djar tal-Insara f'Bagdad, l-Iraq,
H. billi fis-27 ta' Diċembru 2010 bomba mħollija fil-ġenb ta' triq qatlet mara Nisranija Assirjana u darbet ir-raġel tagħha f'Dujail, 50 km (30 mil) lejn it-Tramuntana ta' Bagdad, fl-Iraq,
I. billi fil-25 ta' Diċembru 2010 qassis u tifla ta' 9 snin kienu fost il-11-il ruħ li sfaw midruba meta splodiet bomba f'kappella f'Jum il-Milied, f'Sulu, fil-Filippini,
J. billi fit-3 ta' Diċembru 2010 nstabu mejta 7 Nsara, fosthom nisa u tfal, filwaqt li 4 persuni oħra tħallew midruba f'attakk fil-belt ta' Jos, fin-Niġerja; fil-21 ta' Diċembru 2010 rġiel armati bis-sjuf u l-machetes ħebbew għal grupp ta' Nsara lokali tal-villaġġi, qatlu 3 min-nies u darbu 2 oħra f'Turu, fin-Niġerja; mindu l-24 ta' Diċembru 2010, tal-anqas 86 ruħ instabu mejta bħala riżultat ta' sensiela ta' attakki bil-bombi u ġlied bejn żgħażagħ Musulmani u Nsara fin-Niġerja Ċentrali fil-belt ta' Jos, u seħħew attakki addizzjonali fuq il-knejjes fil-Grigal, u tħallew midruba l-isptarijiet aktar minn 100 ruħ; f'inċident separat, 6 persuni nqatlu meta, tard fil-lejla tal-24 ta' Diċembru 2010, intefgħu bombi tal-petrol lejn knejjes fil-belt ta' Maiduguri fil-Grigal, fl-istat ta' Borno,
K. billi l-eżempji msemmija hawn fuq huma biss uħud mis-sensiela ma taqta' xejn ta' attakki maġġuri u minuri u ta' każijiet ta' diskriminazzjoni, u billi dawn l-attakki huma attentat apposta minn forzi jihadi Iżlamisti biex ikeċċu lill-Insara, u b'hekk is-sitwazzjoni li qed jaffrontaw il-komunitajiet Insara hija tali li bosta jaqtgħuha li jitilqu minn djarhom biex ifittxu s-sikurezza f'partijiet oħra ta' pajjiżhom fejn hemm sigurtà aħjar, jew saħansitra jsiru rifuġjati barra minn pajjiżhom,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-komunitajiet Insara, jiġru fejn jiġru;
2. Jenfasizza li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza, diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin kontra l-komunitajiet membri ta' komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin, inklużi l-hekk imsejħa "apostati" u dawk li m'għandhomx twemmin;
3. Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar l-attakki jihadi ta' dan l-aħħar kontra l-Insara Kopti u Assirjani u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jitlob li l-Gvernijiet tal-Eġittu u tal-Iraq jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-Insara u tal-membri tal-minoranzi reliġjużi l-oħra fil-pajjiżi tagħhom; dan skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali li rratifikaw;
4. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u ta' repressjoni, u dwar ġrajjiet vjolenti reċenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi ta' l-Afrika, ta' l-Ażja u tal-Lvant Nofsani;
5. Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-minoranzi Nsara; iħeġġeġ lill-Gvernijiet biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara tal-Lvant Nofsani jew kontra reliġjonijiet jew minoranzi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jgħaddu mill-qrati;
6. Jistieden lill-Gvernijiet Għarab ikkonċernati ,li għandhom dmir jipproteġu l-komunitajiet reliġjużi kollha, biex jiggarantixxi li l-Insara Kopti u Assirjani u membri ta' komunitajiet u minoranzi reliġjużi oħra jgawdu l-firxa sħiħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali – inkluż id-dritt li jagħżlu u jibdlu r-reliġjon tagħhom liberament – u biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni u ripressjoni kontrihom;
7. Jistieden lill-gvernijiet tan-Niġerja u tal-Filippini biex bl-istess mod jipproteġu ċ-ċittadini kollha tagħhom irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin, inklużi l-Insara, u biex iġibu quddiem il-ġustizzja dawk kollha responsabbli għall-vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin;
8. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fil-qafas tar-relazzjonijiet tal-UE, biex jagħtu attenzjoni partikulari lis-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Insara madwar id-dinja, permezz tal-promozzjoni ta' impenn strateġiku mill-pajjiżi kkonċernati fuq il-bażi tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; u biex jagħtu attenzjoni partikolari meta jkunu qed ifasslu u jimplimentaw programmi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' dawk l-istess pajjiżi;
9. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, fid-dawl tal-avvenimenti li ġraw dan l-aħħar u tal-ħtieġa dejjem tkber li tiġi analizzata u mifhuma l-evoluzzjoni ta' żviluppi kulturali u reliġjużi fir-relazzjonijiet internazzjonali u fis-soċjetajiet kontemporanji, biex tiżviluppa kapaċità permamenti għal riċerka strateġika, l-iżvilupp tal-politika u tħarriġ dwar ir-reliġjon u kwestjonijiet ta' konvinzjoni fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħmlu kontribuzzjonijiet ulterjuri għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bl-użu ta' kull strument tal-politika barranija tal-UE;
11. Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-31 ta' Jannar 2011 biex jesprimi l-appoġġ sod tiegħu għal-libertà reliġjuża ta' kulħadd u biex ileħħen impenn qawwi għad-difiża tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra fil-Lvant Nofsani u f'reġjuni oħra fejn jinsabu ppersegwitati;
12. Jappoġġa l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenta u estremista;
13. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jallokaw aktar fondi għall-attivitajiet tal-UNHCR u għall-għajnuna umanitarja ġestita minn dik l-organizzazzjoni;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Eġittu, tal-Filippini, tal-Iraq u tan-Niġerja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.