Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0116/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0116/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

9.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

George Lyon, Britta Reimers f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0114/2011

Proċedura : 2011/2538(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0116/2011
Testi mressqa :
B7-0116/2011
Testi adottati :

B7‑0116/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf u tal-ikel[1], kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw[2],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar is-Samit tal-FAO u s-Sigurtà tal-Ikel,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika[3],

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)0450),

–   wara li kkunsidra l-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel (rapport McGuinness) (2008/2153(INI)),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (Rapport Sabru) (2010/2112(INI)),

–   wara li kkunsidra l-Policy Research Working Paper "Placing the 2006/08 Commodity Price Boom into Perspective" minn J. Baffes u T. Haniotis, World Bank Development Prospects Group, Lulju 2010,

–   wara li kkunsidra l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea "Prospects for Agricultural Markets and Income in the EU 2010-2020", Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Ikel fl-1996 u s-Samit Dinji dwar is-Sigurtà tal-Ikel f'Ruma mis-16 sat-18 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-tielet Samit ta' Berlin tal-Ministri tal-Agrikoltura 2011,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea bit-titolu: "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" tat-2 ta' Frar 2011 (COM(2011)25),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi f'Jannar 2011, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel tal-FAO għola 'l fuq mir-rekord tal-2008, u laħaq l-ogħla livell minn meta l-FAO bdiet tkejjel il-prezzijiet tal-ikel fl-1990 u kellu medja ta' 231, speċjalment minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taz-zokkor, iż-żjut u x-xaħmijiet, u ċ-ċereali,

B.  billi l-prezzijiet internazzjonali taċ-ċereali laħqu medja ta' 245 punt, 3% iktar meta mqabbla ma' Diċembru 2010 iżda xorta taħt ir-rekord ta' April 2008; billi dan ġie kkawżat miż-żieda kontinwa fil-preżżijiet tal-qamħ u l-qamħirrum filwaqt li l-prezzijiet tar-ross naqsu f'Jannar 2011,

C. billi bejn l-2003 u l-2008, il-prezzijiet nominali tal-enerġija u l-metalli żdiedu b'230%, dawk tal-ikel u l-metalli prezjużi rduppjaw, u dawk tal-fertilizzanti żdiedu b'erba' darbiet,

D. billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-Ewropa u teħtieġ koerenza u koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE u lilhinn, jiġifieri l-PAK, il-politika dwar l-enerġija, il-programmi ta' riċerka, il-politiki kummerċjali u dwar l-iżvilupp, u r-regolament finanzjarju,

E.  billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa u l-fatt li l-konsumaturi jingħataw ikel ta’ kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli huma, fost oħrajn, l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni,

F.  billi l-volatilità riċenti tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija u billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-agħar lill-pajjiżi u l-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli,

G. billi d-dħul agrikolu tal-UE huwa 50% inqas mid-dħul medju tal-UE; billi din is-sitwazzjoni ġiet aggravata aktar bil-kriżi ekonomika attwali,

H. billi fl-2007 u l-2008 kien hemm rvellijiet f'22-il pajjiż madwar id-dinja minħabba ż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-ikel,

I.   billi l-Unjoni Ewropea hija d-donatur ewlieni globali fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda fuq livell internazzjonali, il-parti tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (OCA) allokata għall-agrikoltura kompliet tonqos b’mod kostanti mis-snin tmenin; billi, fl-isfond tat-tkabbir fil-popoalzzjoni u l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija tirdoppja sal-2050 u l-produzzjoni globali tal-ikel se jkollha tkompli tiżdied,

J.   billi t-tisħiħ tal-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se żżid ir-reżistenza u l-adattabilità għax-xokkijiet mil-lat tal-ikel,

K. billi waqt laqgħa reċenti tal-Kumitat għas-Sigurtà Globali tal-Ikel fil-FAO, l-UE saħqet fuq il-problema tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u l-Panel ta’ Esperti ta’ Livell Għoli l-ġdid ġie mitlub jirrapporta dwar il-kawżi u l-miżuri fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet,

L.  billi l-UE ma għandhiex l-istrumenti biex tantiċipa l-iżvilupp fil-prezzijiet tas-suq dinji u tiddependi wisq fuq previżjonijiet magħmula minn pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti tal-Amerika,

M. billi ċ-ċaqliq tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jista’ jsir fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi l-prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jirriżultaw fi dħul ogħla għall-bdiewa speċjalment minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-irziezet u minħabba d-diverġenza li dejjem qed tiżdied bejn l-ispejjeż tal-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur,

N. billi d-data tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel turi li hemm bżonn ta' trasparenza u aktar informazzjoni fir-rigward tal-iżviluppi fil-produzzjoni u s-suq,

1.  Jinnota li l-prezzijijiet tal-prodotti agrikoli huma mistennija jibqgħu ogħla mill-medja storika tagħhom fil-futur qrib, u dan ibiddel it-tendenza fit-tul tagħhom li jinżlu;

2.  Jikkunsidra li jridu jittieħdu diversi fatturi inkunsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu analizzati ċaqliq fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-prezzijiet tal-ikel u tendenzi fit-tul bħall-effett tal-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija, it-tendenzi ta' domanda globali, it-tnaqqis fiż-żidiet tal-produzzjoni, fenomeni meteoroloġiċi estremi u t-tibdil fil-klima;

3.  Jitlob li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-inċertezza fundamentali fir-rigward taż-żieda fl-interazzjoni bejn iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija u l-prodotti li ma jirrigwardawx l-enerġija, speċjalment l-ikel;

4.  Jinnota n-nuqqas ta' evidenza li hemm biex tiġi stabbilita rabta ċara bejn l-ispekulazzjoni u l-volatilità estrema tal-prezzijiet dinjija tal-prodotti tal-ikel, u l-inċertezza akbar fir-rigward ta' tendenzi fit-tul tal-prezzijiet tal-ikel;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi mill-ġdid l-analiżi tagħha dwar il-kawżi taċ-ċaqliq fis-suq u tikkjarifika aktar l-interazzjoni bejn l-ispekulazzjoni u s-swieq agrikoli, kif ukoll is-swieq tal-enerġija u l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel; jenfasizza li dawn il-passi għandhom jittieħdu bħala parti mill-isforzi biex jiġu rregolarizzati s-swieq finanzjarji fl-livell dinji u f'dak tal-UE;

6.  Jikkunsidra li tali analiżi fil-fond twassal għal fehim aħjar tal-fatturi li jaffettwaw t-tendenzi tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel fuq perjodu ta’ żmien qasir u fit-tul, sabiex b'hekk ikun hemm għażla iktar xierqa tal-miżuri ta' politika li jnaqqsu l-effett taċ-ċaqliq fil-prezzijiet;

7.  Jinnota l-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża li tqiegħed il-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u l-ispekulazzjoni fis-swieċ agrikoli u r-rabta potenzjali tagħhom mas-sigurtà globali tal-ikel fl-aġenda tal-G20;

8.  Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta tat-tielet Samit ta' Berlin tal-Ministri tal-Agrikoltura tat-22 ta' Jannar 2011 iffirmat minn 48 pajjiż li titlob b'mod partikolari għal titjib fil-kapaċità tas-swieq agrikoli biex jiffunzjonaw sew u li tirrikonoxxi l-importanza tal-kummerċ biex jinħoloq bilanċ bejn l-atturi differenti fis-swieq agrikoli;

9.  Jitlob għal iktar trasparenza, informazzjoni ta' kwalità aħjar u l-provvsita ta' informazzjoni fil-ħin fuq ir-riservi u l-istokks tal-prodotti tal-ikel, u l-iffissar tal-prezzijiet fuq livell internazzjoni, kif meħtieġa fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu: "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima";

10. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji biex tiġġieled l-eċċessi tal-ispekulazzjoni fuq is-swieq tal-prodotti bażiċi; jenfasizza li dawn il-passi għandhom jittieħdu bħala parti mill-isforzi biex jiġu rregolarizzati s-swieq finanzjarji fl-livell dinji u f'dak tal-UE;

11. Jitlob li s-soluzzjonijiet sabiex tiġi miġġielda l-volatilità tal-prezzijiet ikunu koordinati fuq livell internazzjonali; Jitlob li l-abbużi u l-manipulazzjonijiet tal-prezzijiet agrikoli jkunu miġġielda fuq livell internazzjonali peress li dawn jirriskjaw is-sigurtà globali tal-ikel;

12. Jinsisti li l-prezzijiet għoljin għall-prodotti bażiċi tal-ikel jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà globali tal-ikel u tal-popolazzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif muri mit-taqlib aktar riċenti fit-Tramuntana tal-Afrika minħabba l-prezzijiet għoljin tal-ikel;

13. Jinsisti li l-komunità internazzjonali għandha tadotta approċċ fit-tul u tibni fuq l-esperjenza tal-kriżi tal-ikel 2007-2008, kif talbet l-FAO fl-aħħar ta' Jannar 2011, ħalli jiġu evitati n-nuqqas ta' koordinazzjoni u deċiżjonijiet ta' politiki meħuda malajr li jistgħu jaggravaw il-kriżi;

14. Jinnota madankollu li s-sitwazzjoni attwali ta' prezzijiet għoljin tal-ikel madwar id-dinja hija differenti minn dik tal-2008 fis-sens li d-diffikultajiet fil-provvista ma laħqux l-istess livell u ma jistgħux neċessarjament jiġu spjegati mill-istess fatturi;

15. Jitlob lill-gverninijiet nazzjonali, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-FAO, ma jadottawx miżuri ta' restrizzjonijiet fl-esportazzjoni peress li dawn joħolqu aktar inċertezza fis-swieq u jaffettwaw ħażin is-swieq dinjin;

16. Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tneħħi gradwalment ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni sal-2013 jekk dan il-pass huwa rifless fit-tneħħija mis-sħab tal-WTO ta' miżuri simili u miżuri li għandhom effett ekwivalenti;

17. Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-mekkaniżmi ta' ġestjoni ta' riskji u s-salvagwardji implimentati għandhom jiġu adottati f'mod koordinat fuq livell internazzjonali ħalli jiġi evitat aktar tfixkil fis-swieq;

18. Jilqa' l-istrument ta' monitoraġġ tal-prezz tal-ikel tal-UE stabbilit mill-Eurostat u l-istabbilment tal-Forum ta' Livell Għoli għal katina tal-provvista tal-ikel li tiffunzjona aħjar;

19. Jikkunsidra li l-produtturi primarji qed jiġu "magħfusa" bejn il-prezzijiet għoljin tal-mezzi tal-produzzjoni u l-prezzijiet baxxi għall-konsumatur, minħabba l-pożizzjonijiet b'saħħithom tal-proċessaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-kumpanijiet tal-mezzi tal-produzzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikaw kompletament minn prezzijiet ta' produzzjoni ogħla;

20. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura, fil-kuntest ta' aktar konsolidazzjoni, li fis-settur tal-elementi produttivi, inklużi l-fertilizzanti, jiffunzjona suq li jopera b'mod liberu, ladarba l-enerġiji u l-fertilizzanti huma prodotti essenzjali biex jiġu kkultivati prodotti li jikkontribwixxu ħafna għall-provvista tal-ikel;

21. Jemmen li għandu jiġi żgurat kummerċ ħieles u ġust; jitlob li jintlaħqu ftehimiet kummerċjali bbilanċjati, peress li dawn huma element essenzjali tar-reazzjoni għall-kwistjoni tas-sigurtà globali tal-ikel;

22. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-ilħiq ta' ftehim fil-livell tal-WTO sabiex ir-Round ta' Doha jasal għal konklużjoni ambizzjuża u bbilanċjata fi żmien utli;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjoni li hija tieħu fuq il-kummerċ u l-agrikoltura mhumiex ma jkunux f'konflitt bejniethom u tirrikonoxxi li hemm bżonn ta' sett bilanċjat ta' objettivi li jiżgura l-progress fil-kummerċ filwaqt li jipprovdi lill-bdiewa Ewropew b'futur sostenibbli;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproteġi għal kollox l-interessi tal-produtturi Ewropej f’negozjati tal-kummerċ bilaterali mal-Merkosur u pajjiżi terzi oħrajn billi jiġu evitati konċessjonijiet li jistgħu jqiegħdu l-produzzjoni tal-ikel tal-UE f’riskju;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.