MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
9.2.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Mairead McGuinness, Albert Deß, Gay Mitchell, Jean-Paul Gauzès, Michel Dantin, Béla Glattfelder, Elisabeth Jeggle, Peter Jahr, Filip Kaczmarek, Sandra Kalniete, Jarosław Kalinowski, Giovanni La Via, Astrid Lulling, Véronique Mathieu, Mariya Nedelcheva, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Maria do Céu Patrão Neves, Czesław Adam Siekierski, Michèle Striffler, Artur Zasada, Sławomir Witold Nitras f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0114/2011
B7‑0117/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)0450),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE (COM(2008)0321),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Maputo dwar l-Agrikoltura u s-Sigurtà fl-Ikel iffirmata fl-2003, fejn gvernijiet Afrikani impenjaw ruħhom għal allokazzjoni minima ta' 10% tal-baġits nazzjonali tagħhom għall-agrikoltura,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-prezzijiet tal-ikel laħqu l-quċċata għas-seba' xahar konsekuttiv bejn l-2010 u 2011, fejn laħqu l-ogħla livelli minn mindu l-FAO bdiet tkejjel il-prezzijiet tal-ikel fl-1990,
B. billi ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi saru fattur ta’ distabilizzazzjoni fl-ekonomija globali u fl-2008 wasslu għal irvellijiet u fermenti f'għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-aktar riċenti fl-Alġerija, fit-Tuneżija u fl-Eġittu,
billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tikkalkula li n-numru ta' nies malnutriti fid-dinja naqas globalment fl-2010 għal 925 miljun persuna, meta mqabbel ma' aktar minn biljun persuna fl-2009, filwaqt li l-ammont ta' nies li jbagħtu l-ġuħ għadu saħansitra ogħla minn dak qabel il-kriżi ekonomika,
D. billi skont l-FAO, it-tkabbir stmat fil-popolazzjoni dinjija minn 7 għal 9.1 biljun ruħ se jeħtieġ żieda ta' 70% fil-produzzjoni agrikola sal-2050,
E. billi l-isfida hija li jiġi prodott “aktar minn anqas”, b’enfasi fuq il-produzzjoni sostenibbli minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi naturali,
billi l-karestija u l-faqar għadhom jeżistu fl-Unjoni Ewropea; billi 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar (60 % tad-dħul medju tal-pajjiż li fih tgħix il-persuna); u billi fix-xitwa li għaddiet 16-il miljun ċittadin tal-UE ngħataw għajnuna alimentari permezz ta' istituzzjonijiet tal-karità,
G. billi l-ħażniet tal-ikel globali huma aktar limitati minn qabel, fejn waqgħu għal-livell rekord matul l-kriżi tal-ikel tal-2007/2008, iżda rkupraw xi ftit dan l-aħħar,
H. billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa, il-provvediment ta' ikel lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli u s-salvagwardja ta' dħul adegwat għall-bdiewa ilhom l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) minn meta bdiet u għadhom objettivi ewlenin tal-UE sal-lum,
I. billi l-volatilità tal-prezzijiet fl-agrikoltura hija fin-natura tagħha permanenti, peress li l-prezzijiet jirrispondu sproporzjonatament għal varjazzjonijiet żgħar fil-livell ta' produzzjoni, ta’ spiss bħala riżultat tal-ispekulazzjoni,
J. billi l-produzzjoni dinjija tal-ikel tista’ tiġi ostakolata b’mod regolari minn firxa ta’ fatturi inklużi l-impatt tal-annimali li jagħmlu l-ħsara u l-mard, id-disponibilità ta' riżorsi naturali u d-diżastri naturali, kif ġara fl-2010 minħabba n-nixfa u n-nirien li damu ħafna fir-Russja u l-għargħar enormi fil-Pakistan,
K. billi t-tibdil fil-klima se jirriżulta f’każijiet aktar frekwenti ta’ diżastri naturali, u b’hekk tiddgħajjef is-sigurtà tal-ikel,
L. billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija,
M. billi l-katina tal-provvista għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha fl-analiżi tal-prezzijiet u tal-evoluzzjoni tagħhom; billi s-settur tal-ikel huwa frammentat u l-katina tal-provvista hija kumplessa ħafna, minħabba li tinkludi fiha ħafna intermedjarji,
N. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni (bit-titolu "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" COM 2009/0591) tidentifika problemi gravi bħall-abbuż tas-saħħa tax-xerrej dominanti, prattiki kuntrattwali inġusti (inklużi ħlasijiet li jsiru tard), modifiki kuntrattwali unilaterali, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għan-negozjati, aċċess limitat għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet u d-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ matul il-katina alimentari, marbutin mill-qrib maż-żieda fil-konċentrazzjoni fis-setturi tal-produzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut,
O. billi d-dħul tal-bdiewa waqa’ b’mod drammatiku fl-2009 wara deċennju ta’ staġnar tad-dħul, l-aktar minħabba kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u spejjeż dejjem telgħin tal-produzzjoni; billi d-dħul agrikolu huwa aktar baxx b’mod sinifikanti (b’estimu ta’ 40 % għal kull unità tax-xogħol) mill-bqija tal-ekonomija, u billi d-dħul għal kull abitant f’żoni rurali huwa ferm aktar baxx (b’madwar 50 %) minn f’żoni urbani,
P. billi skont memorandum ippublikat mill-Eurostat f'Mejju 2010 l-impjieg agrikolu fl-UE naqas b'25% mis-sena 2000 (minn 14.9 miljun impjieg full-time għal 11.2 miljun),
1. Jafferma li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-UE u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u kontinwa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, filwaqt li jkun żgurat livell ta' għajxien ġust għall-bdiewa;
2. Jikkunsidra li r-riforma tal-PAK għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni attwali, u tiżgura l-ewwel pilastru b'saħħtu biex isostni d-dħul agrikolu, il-kontinwzzjoni tal-attività agrikola f'żoni rurali u l-provvvediment ta' miżuri għas-sostenn tas-suq;
3. Jisħaq fuq il-fatt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u prosperuż, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel;
4. Jenfasizza l-importanza tal-PAK bħala l-mezz li jiżgura l-produzzjoni tal-ikel fl-UE; jemmen li l-PAK ipprovdiet lic-cittadini tal-UE bi provvista sigura tal-ikel minn mindu bdiet fl-1962; jisħaq dwar il-ħtieġa li l-agrikoltura Komunitarja jibqa' jkollha dak ir-rwol fil-futur;
5. Jiddikjara li l-UE għandha d-dmir li titma' liċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE hija importanti ferm f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni rigward id-dħul tal-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu l-prodotti lis-soċjetà;
6. Jemmen li d-dritt għas-sigurtà tal-ikel huwa dritt bażiku u fundamentali tal-bniedem u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;
7. Huwa konxju mill-isfida kbira li jġib it-tibdil fil-klima għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel, speċjalment permezz ta' żieda fil-frekwenza u fl-iskala ta' fenomeni klimatiċi, bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien u l-maltempati; jieħu nota tal-azzjonijiet unilaterali li ttieħdu minn pajjiżi jew reġjuni milquta minn fenomeni klimatiċi u l-effetti negattivi ta' tali miżuri fuq is-swieq globali;
8. Jenfasizza li l-agrikoltura hija setttur ewlieni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jizviluppaw, li jiddependu ħafna fuq komoditajiet primarji, u li huma partikolarment vulnerabbli għal tibdil fil-prezzijiet;
9. Jistieden lill-UE biex issostni l-miżuri mmirati lejn l-iżvilupp rurali, għal żieda fl-investiment agrikolu u fis-sigurtà tal-ikel, u li jindirizzaw b'mod partikolari l-bżonnijiet tal-ikel urġenti, il-biedja fuq skala żgħira u programmi għall-protezzjoni soċjali;
10. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu s-sjieda tal-art bħala għodda għat-tnaqqis tal-faqar u l-garanzija għas-sigurtà tal-ikel billi jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà u jiffaċilitaw l-aċċess tal-kreditu għall-bdiewa, in-negozji żgħar u l-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza kbira ta' investimenti ġodda għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' azjendi agrikoli fuq skala żgħira, għal tekonoloġiji għall-ġestjoni tal-ilma aktar effiċjenti u għar-restawr tan-nutrijenti tal-ħamrija;
11. Itenni l-importanza tal-iżviluppi tal-agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-UE lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;
12. Jindika li huwa neċessarju li jiġu introdotti metodi aħjar ta’ produzzjoni agrikola, inklużi teknoloġiji li ma jiswewx ħafna flus, li tiġi pprovduta riċerka fl-agrikoltura, u li tissaħħaħ il-proporzjon produttività - sabiex titjieb is-sostenibilità u jittaffew l-effetti negattivi tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel;
13. Jindika li l-għajnuna umanitarja għall-ikel għandha tlaħħaq mal-bżonnijiet, mal-isfidi u mar-restrizzjonijiet strutturali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza li l-għajnuna fl-ikel tikkunsidra l-produzzjoni lokali, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-kapaċitajet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fejn ikun qed isir kontribut għall-bini tal-pedamenti għas-sigurtà fl-ikel fit-tul, tagħhom;
14. Ifakkar li s-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel għandhom rabta b’saħħitha ħafna; jagħraf li l-ispejjeż enerġetiċi huma fattur ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-profitabilità tal-agrikoltura, li huwa s-settur li jiddependi l-aktar miż-żejt; jinkoraġġixxi miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-bdiewa biex isiru aktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u jiżviluppaw sorsi alternattivi ta' provvista ta' enerġija; ifakkar li jinħtieġ appoġġ aktar konsistenti għar-riċerka u l-iżvilupp u għal servizzi ta' konsulenza;
15. Iqis, madankollu, li l-isforzi akbar biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u biex jintlaħqu l-miri 2020 iridu jqisu l-impatt fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jisħaq fuq il-bilanċ delikat involut biex tingħeleb l-isfida ikel/fjuwil;
16. Jieħu nota bi tħassib taż-żieda fl-ispejjeż marbutin mar-riżorsi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli, li qegħdin jogħlew b'rata aktar mgħaġġla mill- prezzijiet tal-prodotti agrikoli; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fl-ispejjeż marbutin mar-riżorsi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, u dan ikompli jaggrava l-kriżi tal-ikel fl-UE u fid-dinja; jenfasizza għalhekk li l-forniment u l-ispejjeż marbutin mar-riżorsi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli għandhom ikunu indirizzati b'urġenza;
17. Jenfasizza l-importanza ta' riċerka finanzjata minn fondi pubblici li tgħin biex tippromwovi s-sigurtà tal-ikel; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f’teknoloġiji ġodda individwali iżda wkoll f’sistemi ta’ biedja komprensivi li se jservu l-għan ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza f’dan ir-rigward l-irwol ta’ pijunier li jista’ jilgħab f'dan il-qasam, pereżempju, permezz ta’ pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;
18. Iqis li, f’konformità mat-Trattat tal-KE, huwa fl-interess pubbliku tal-UE li jinżamm livell xieraq tal-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumatur u li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta, speċjalment fir-rigward tal-prodotti strateġiċi bħal dawk agrikoli u tal-ikel;
19. Jemmen li jekk il-kompetizzjoni tipprovdi lill-konsumaturi b’ikel bi prezzijiet kompetittivi, jeħtieġ li l-bdiewa jiġu pprovduti bi dħul stabbli permezz ta’ prezzijiet li jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom u remunerazzjoni ġusta għal xogħolhom, dan kollu anki sabiex tiġi garantita s-sigurtà ta’ provvista ta' ikel ta' kwalità tajba;
20. Jesprimi t-tħassib tiegħu għal-livelli ta' dħul baxx tal-azjendi agrikoli tal-UE; jafferma li d-dħul li jonqos minħabba spejjeż ta' produzzjoni li qed jogħlew u l-volatilità tal-prezzijiet għandu impatt negattiv fuq l-abilità tal-bdiewa li jkomplu jipproduċu; jemmen bil-qawwa li s-sikurezza alimentari tkun kompromessa jekk dawn il-kwistjonijiet ma jiġux indirizzati b'mod suffiċjenti;
21. Jenfasizza l-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa fi żminijiet ta' volatilità estrema tas-suq u tal-prezzijiet; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa biex jippruvaw jippjanaw minn qabel fi żminijiet ta' volatilità estrema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi b'urġenza miżuri permanenti u b'saħħithom biex jindirizzaw il-volatilità fis-swieq agrikoli; jemmen li dan ikun fattur ewlieni sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea;
22. Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra tibdil kbir ta' prezzijiet mingħajr stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis għalhekk li r-rwol ta' strumenti ta' intervent fis-suq irid jisseddaq fil-PAK tal-futur;
23. Iqis li fost il-fatturi li jinfluwenzaw l-aktar il-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumaturi nsibu; żieda fil-konċentrament tul il-katina tal-provvista tal-ikel, il-livell tal-ipproċessar tal-prodotti, żidiet fil-prezzijiet marbutin ma' fatturi ta' spejjeż esterni oħra u spekulazzjoni tal-prodotti agrikoli;
24. Iqis li l-fatturi li jikkontribwixxu għal żidiet fil-prezzijiet fil-materjali agrikoli mhux irfinuti għandhom jinftehmu u jiġu indirizzati bis-sħiħ b'mod komprensiv u integrat; jenfasizza l-ħtieġa għal rispons politiku integrat u strateġija komprensiva biex tindirizza l-kwestjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-materjali agrikoli mhux irfinuti;
25. Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfidi fis-swieq tal-prodotti u tal-materjali mhux irfinuti u jilqa' l-attenzjoni li sal-lum il-ġurnata ngħatat lill-kwestjoni, min-naħa tal-Kummissjoni; iqajjem tħassib madankollu minħabba d-dipendenza tal-Kummissjoni fuq flussi ta' informazzjoni bħala soluzzjoni biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-iswieq; jemmen li x'aktarx jinħtieġ approċċ aktar b'saħħtu biex jindirizza din il-kwestjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza li qiegħda tiżdied fis-swieq tal-prodotti bażiċi;
26. Jemmen li s-swieq finanzjarji u agrikoli llum huma aktar interkonnessi minn qatt qabel; iqis li reazzjoni Ewropea waħidha m'għadhiex biżżejjed u li l-Ewropa għandha taġixxi flimkien ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-ikel;
27. Jitieden lill-G20 biex jikkoordina l-ħolqien ta' mekkaniżmi preventivi kontra tibdil eċessiv fil-prezzijiet u biex jaħdmu lejn regolamentazzjoni, imfassla speċifikament biex tindirizza l-kriżijiet agrikoli u tal-ikel; jistieden lill-G20 jiżgura l-konverġenza tar-regolamentazzjoni fl-ikel u fil-prodotti agrikoli u jinvolvi pajjiż li mhumiex parti mill-G20;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi proposti adegwati fir-reviżjonijiet li ġejjin tad-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq biex jindirizzaw l-elementi ta' tħassib fis-swieq tal-prodotti agrikoli u tal-ikel;
29. Isostni, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-istrument finanzjarji, li għandhom jipprovdu kummerċ aktar trasparenti; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lil impriżi agikoli li jkunu effiċjenti;
30. Jenfasizza r-rwol importanti previst attwalment tal-Awtorita Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) li tissorvelja s-swieq tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar il-possibbiltà li tagħti lill-ESMA aktar setgħat biex twaqqaf il-manipulazzjoni u l-abbużi fis-swieq tal-prodotti;
31. Iqis li sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel (kemm stokkijiet ta' emerġenza biex inaqqsu l-ġuħ, kif ukoll stokkijiet użati biex jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti ta' konsum) tkun ta' benefiċċju billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, tilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u ttaffi l-pressjoni fuq is-swieq dinjija tal-ikel;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.