Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0119/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0119/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

9.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Nirj Deva, James Nicholson, Jan Zahradil, Janusz Wojciechowski, Michał Tomasz Kamiński f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0114/2011

Proċedura : 2011/2538(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0119/2011
Testi mressqa :
B7-0119/2011
Testi adottati :

B7‑0119/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra tal-2008 għall-Azzjoni,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, tax-Xjenza u tat-Teknoloġija għall-Iżvilupp (IAASTD) ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra l-Prospettiva Agrikola 2008-2017 maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OKŻE),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjoni tas-Samit Dinji tal-FAO dwar is-Sigurtà tal-Ikel li sar f'Ruma mis-16 sat-18 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 imħejji mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP intitolat “Beyond the Midpoint: Achieving the Millennium Development Goals (MDGs)”, ippubblikat f’Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-"Kontroll tas-Saħħa" tal-politika agrikola komuni tal-UE tal-20 ta' Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-eżiti tal-laqgħa Plenarja ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li seħħet fi New York bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra r- Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-laqgħa għolja tal-FAO u s-Sigurtà tal-Ikel,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, inklużi l-Istati Membri tagħha, tibqa’ d-donatur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp, li tammonta għal 56% tat-total tad-dinja, li swiet EUR 49 biljun fl-2009, xi ħaġa li hi kkonfermata mill-pleġġijiet kollettivi tal-gvernijiet tal-UE li jiħqu 0.56% u 0.70% Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp bħala perċentwal tad-Dħul Gross Nazzjonali (ODA/GNI) sal-2010 u l-2015 rispetttivament,

B.  billi l-Unjoni Ewropea għadha produttur ewlieni tal-ikel, b'17% tal-produzzjoni dinjija tal-qamħ, 25% tal-produzzjoni dinjija tal-ħalib, 13% tal-produzzjoni dinjija tat-tjur, 20% tal-produzzjoni dinjija tal-majjal u 30% mill-produzzjoni dinjija taċ-ċanga; billi l-UE hija wkoll importatur kbir ta’ prodotti agrikoli, u għandha livell ta’ provvista ħafna aktar baxx mil-limitu ta’ awtosuffiċjenza f’bosta prodotti bażiċi agrikoli,

C. billi l-popolazzjoni dinjija hija mistennija taqbeż id-9 biljuni fl-2050 u d-domanda globali għall-ikel hija mistennija tirdoppja fl-istess żmien; billi l-FAO tan-NU qed tistenna li l-produzzjoni agrikola globali ser teħtieġ żieda ta' 70 fil-mija bejn issa u dak iż-żmien; jeħtieġ li dan isir bl-użu ta' inqas ilma u pestiċidi u b'inqas disponibbiltà ta' art agrikola minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima,

D. billi t-tnaqqis ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil ġabu għall-agħar is-sitwazzjoni tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC), biex b'hekk parzjalment reġġgħu lura l-progress li sar fl-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar,

E.  billi, globalment, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel wasslet miljuni ta’ nies fil-faqar u l-ġuħ; billi ż-żidiet fil-prezzijiet globali tal-ikel fl-2008 kkawżaw irvellijiet f'numru ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż il-Ħaiti u partijiet tal-Ażja; billi t-taqlib aktar riċenti f'partijiet tat-Tramuntana tal-Afrika ukoll ġie attribwit għat-tħassib rigward iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel,

F.  billi ż-żidiet tal-2008 fil-prezzijiet tal-ikel kienu konsegwenza ta' numru ta' fatturi strutturali, bħat-tkabbir fil-popolazzjoni globali, żidiet fid-dħul f'ekonomiji emerġenti u l-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda fis-suq u tkabbir aktar bil-mod fil-produttività; billi fatturi temporanji wkoll kellhom rwol bħall-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, ir-restrizzjonijiet kummerċjali u l-iżviluppi fir-rati tal-kambju;

G. billi ħafna mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex qed jilħqu l-potenzjal tagħhom ta’ produzzjoni tal-ikel,

H. billi ostakolu serju għal produzzjoni agrikola akbar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa li l-bdiewa ż-żgħar spiss ma jkollhomx aċċess għal mikrokreditu għal investiment fi żrieragħ , fertilizzanti u mekkaniżmi ta' tisqija mtejba u għall-firxa meħtieġa ta' għodod ta' ħarsien tal-uċuħ tar-raba' biex jipproteġu l-ħsad tagħhom mill-organiżmi li jagħmlu l-ħsara u mill-mard, xi kultant minħabba l-fatt li l-art ma tkunx tagħhom u għaldaqstant ma jkollhom ebda garanzija fuq is-self,

I.   billi l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fuq il-biedja, l-iktar it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-uċuħ minħabba nuqqasijiet ripetuti ta' ilma, nixfiet jew, f'kuntrast ma' dan, għargħar u valangi, jitfgħu piż tqil fuq l-attivitajiet agrikoli fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li t-tnejn li huma qed jonqsu b'mod sinifikanti li jilħqu livelli ta' awtosuffiċjenza fir-rigward ta' diversi prodotti bażiċi agrikoli;

J.   billi prattiki agrikoli mhux sostenibbli, bħad-deforestazzjoni mhux kontrollata, jikkontribwixxu b’mod dirett għall-iskarsezza ta’ art tajba għall-ħrit u ta’ kwalità tajba għall-produzzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa,

L-isfidi u l-politika tal-iżvilupp tal-UE

1.  Jenfasizza l-importanza enormi tal-ġestjoni finanzjarja soda rigward l-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja kollha tal-UE - billi jiġi żgurat li dejem tintuża fejn il-ħtieġa tkun l-akbar, l-aktar għaliex l-istituzzjonijiet Ewropej involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna jridu jkunu jwieġbu bis-sħiħ liċ-ċittadini u l-kontributuri tat-taxxa Ewropej;

2.  Jinnota li l-effetti ta' sottoinvestiment għal żmien twil fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali dan l-aħħar tħarrxu aktar bil-kriżijiet ekonomiċi, finanzjarji u tal-ikel, fost fatturi oħra, jenfasizza li filwaqt li sar progress, sal-lum l-isforzi globali naqsu milli jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-impenji li saru fis-Samits Dinjija tal-Ikel; jinnota li għandhom jittieħdu passi b'mod kollettiv biex din ix-xejra titreġġa' lura;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-bdiewa ż-żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw aċċess akbar għad-drittijiet tal-proprjetà, għal mikrokreditu li jinkludi skemi ta' mikrokreditu mhux għall-profitt li joperaw qrib il-ħtiġijiet tal-produtturi lokali tal-ikel, kif ukoll ix-xiri ta' fertilizzanti, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ifqar;

4.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiżviluppaw kapaċitajiet konġunti ta' riċerka u taħriġ f'metodi tal-biedja sostenibbli u teknoloġiji ġodda, l-iktar permezz ta' sħubijiet pubbliċi privati u impriżi konġunti; inkluż li jinħoloq żieda fil-valur fil-punt tal-ġbir u l-ħażna tal-ikel permezz ta' imballaġġ u proċessar;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali biex jassistu lill-Programm Dinji tal-Ikel (WFP – World Food Programme) biex dan jiffaċċja l-isfidi l-ġodda fil-ġlieda kontra l-ġuħ kawża tal-prezzijiet tal-ikel u taż-żejt li dejjem qed jogħlew, tal-kambjamenti drastiċi fit-temp u kawża ta’ stokkijiet tal-ikel dejjem jonqsu;

6.  Jilqa’ bi pjaċir l-assistenza tal-Faċilità tal-Ikel stabbilita mill-UE b’baġit ta’ EUR 1 biljun biex mill-2009 sal-2011 tipprovdi għajnuna rapida lil aktar minn 50 pajjiż ta’ prijorità madwar id-dinja li qed jiffaċċjaw żidiet kbar fil-prezzijiet tal-ikel, bl-għan li tiżdied il-kapaċità ta' produzzjoni u l-provvista tal-ikel lokali, kif ukoll jinħolqu faċilitajiet aħjar ta' ħżin biex jiġi eliminat it-telf li bħalissa huwa għoli żżejjed, biex b’hekk jissaħħu l-komunitajiet agrikoli lokali; iqis, madankollu, li estensjoni ulterjuri ta' din il-faċilità tal-ikel, jew l-allokazzjoni addizzjonali ta' finanzjament, m'għandhomx ikunu awtomatiċi, iżda għandhom jiġu deċiżi abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt indipendenti tal-effiċjenza tal-ħlasijiet tal-fondi biex tittejjeb is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi benefiċjarji kollha;

Produzzjoni tal-ikel sostenibbli u kummerċ internazzjonali

7.  Jinnota li l-għargħar riċenti fi Queensland, l-Awstralja, li qered ħafna ettari ta' art agrikola produttiva, flimkien ma' avvenimenti klimatiċi oħrajn madwar id-dinja, se jkollhom impatt serju fuq il-ħsad globali ta' din is-sena;

8.  Jinnota li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-Unjoni Ewropea u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u konsisteni biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll fil-livell globali; iqis li huwa importanti li jintgħaraf il-valur tal-kulturi ta' biedja u ikel kollha tad-dinja; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi;

9.  jirrikonoxxi li l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali attwali wrew li mhumiex kapaċi jinnormalizzaw il-provvista tas-suq u l-kummerċ, l-iktar minħabba li għadhom jeżistu ostakli sinifikanti għall-kummerċ internazzjonali fis-settur tal-agrikoltura, kif ġie identifikat bil-miżuri protezzjonisti li ttieħdu minn bosta pajjiżi bħala reazzjoni għaż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-ikel; Din iż-żieda riċenti tal-prezzijiet tal-ikel għandha ġġiegħel lill-gvernijiet madwar id-dinja jistenbħu għall-fatt li l-produzzjoni agrikola ma tistax titqies bħala xi ħaġa garantita u li l-ostakli mhux raġjonevoli għall-kummerċ jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għan-nuqqas ta' effiċjenza fil-forniment globali ta' prodotti agrikoli;

10. Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-prezzijiet tal-inputs tal-irziezet (żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, żrieragħ u fjuwil) li rriżultat f’żieda fl-ispejjeż li ma ġietx ikkumpensata bl-istess mod għall-bdiewa kollha (b’mod partikolari fis-settur tat-trobbija) u li naqqret b’mod sinifikanti kwalunkwe żieda potenzjali fid-dħul tal-irziezet li seħħet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-ikel, u b’hekk tnaqqas l-istimulu għaż-żieda fil-produzzjoni; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-inputs jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, xi ħaġa li tagħmel il-kriżi tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja agħar;

11. Iqis li biex wieħed jitma' populazzjoni dinjija li hi mistennija taqbeż id-9 biljuni sal-2050, il-produzzjoni agrikola jkollha tiżdied b'70% bejn issa u dak iż-żmien filwaqt li għandhom jintużaw inqas art, ilma u pestiċidi;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq is-sħab kummerċjali tal-UE bħar-Russja biex iżommu lura milli jieħdu miżuri protezzjonisti bħala reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.