Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0124/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0124/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

10.2.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Adrian Severin, Hannes Swoboda, Kader Arif, Harlem Désir, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, Wolfgang Kreissl-Dorfler, María Muniz De Urquiza, Raimon Obiols, Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Carmen Romero López, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0120/2011

Proċedura : 2011/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0124/2011
Testi mressqa :
B7-0124/2011
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0124/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

 wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran, b'mod partikolari fit-Tuneżija u l-Eġittu, li sar waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Frar 2011,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-Eġittu u r-reġjun tal-4 ta’ Frar 2011,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu tal-31 ta' Jannar 2011,

 wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy dwar il-qagħda fl-Eġittu tad-29 ta’ Jannar 2011,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-RGħ/VP tal-UE Catherine Ashton dwar l-Eġittu tal-4 ta’ Frar, tat-3 ta’ Frar, tat-28 ta’ Jannar, tas-27 ta' Jannar 2011 kif ukoll l-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Poplu tal-Eġittu tas-6 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Lvant Nofsani; billi l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Eġittu demokratiku, prosperuż u stabbli billi tinkoraġġixxi u tappoġġa t-tiġdid tal-pajjiż;

B.   billi d-dimostrazzjonijiet fl-Eġittu, u f’pajjiżi Għarab oħra, bit-talba għal bidla politika, ekonomika u soċjali, li trid isseħħ immedjatament, esprimew domanda popolari qawwija għal demokrazija ġenwina u kundizzjonijiet soċjali aħjar,

C.  billi d-dimostrazzjonijiet fl-Eġittu rriżultaw f'mijiet ta’ mwiet u numru kbir ta’ nies midruba u arrestati,

D.  billi l-armata irreaġixxiet b’mod responsabbli u żammet lura milli tuża l-forza kontra d-dimostranti u milli tindaħal fl-iżviluppi politiċi attwali; billi l-protesti li bdew b’mod paċifiku kulma jmur qed isiru aktar vjolenti, bl-attakki kontra d-dimostranti minn individwi armati, u bil-pulizija jisparaw il-gass tad-dmugħ u l-balal tal-lastku u jużaw il-kanuni tal-ilma,

E.   billi l-bidla fl-Eġittu teħtieġ djalogu immedjat, serju u miftuħ bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi u soċjali demokratiċi kollha, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, liema djalogu għandu jwassal biex jittieħdu miżuri urġenti, konkreti u deċiżivi bl-għan li jiġu implimentati riformi veri u sinifikanti,

F.   billi d-dimostrazzjonijiet fl-Eġittu, u f’pajjiżi Għarab oħra, juru li r-reġimi awtoritarji u l-estremiżmu fundamentalista mhumiex l-uniċi alternattivi politiċi fid-dinja Għarbija;

G.  billi kemm-il darba fl-aħħar snin it-tfittxija għall-istabilità ngħatat prevalenza fuq il-valuri tad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; billi l-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehiniet ta’ assoċjazzjoni jeħtieġ li jkunu msaħħa minn mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom,

H.  billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab li jitneħħa l-istat ta' emerġenza, li ilu jeżisti mill-1981, li tissaħħaħ id-demokrazija, u li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu;

I.    billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2011 ikkonferma li l-UE ħadet l-impenn li takkumpanja, permezz ta’ ħidma bi sħab, il-proċess ta’ trasformazzjoni tal-Eġittu billi timmobilizza, iġġedded u tadatta l-istrumenti eżistenti biex tappoġġa riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali kif ukoll li l-UE tinsab lesta tgħin lill-poplu Eġizzjan f’dan il-proċess ta’ trasformazzjoni, waqt li tqis żviluppi ulterjuri,

J.    billi l-Kunsill Ewropew, fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-Eġittu u r-reġjun tal-4 ta’ Jannar 2011, ikkonferma li l-UE hija determinata li tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għall-proċessi ta’ transizzjoni fir-reġjun bil-għan tal-ħolqien ta’ governanza demokratika, tal-pluraliżmu, ta’ opportunitajiet imtejba għall-prosperità ekonomika u l-inklużjoni soċjali kif ukoll it-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali,

1.   Jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u t-talba għal kondizzjonijiet soċjali aħjar espressa mill-poplu fl-Eġittu u f’pajjiżi Għarab oħra; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mad-dimostranti paċifiċi u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom; jesprimi wkoll l-appoġġ tiegħu għat-talba li l-President Ħosni Mubarak jirriżenja u huwa tal-fehma li jekk dan jirtira f’mument xieraq jiffaċilita t-transizzjoni politika; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw it-transizzjoni paċifika għal demokrazija ġenwina;

2.   Jitlob li ssir transizzjoni politika mħaffa li tinvolvi lill-forzi politiċi u soċjali demokratiċi kollha u lis-soċjetà ċivili bl-għan li titwitta t-triq għar-rieżami tal-kostituzzjoni u tal-liġi elettorali, għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u għall-istabbiliment tad-demokrazija vera fl-Eġittu;

3.   Jiddispjaċih immens għan-numru ta' mwiet konsiderevoli u l-għadd għoli ta' feruti tul id-dimostrazzjonijiet; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu magħhom; jikkundanna l-użu tal-forza mill-pulizija u l-vjolenza minn individwi armati;

4.   Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani u l-forzi tas-sigurtà fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha u l-proprjetà tagħhom kif ukoll li jipproteġu l-wirt kulturali, u jitlobhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw iktar vjolenza kontra dimostranti paċifiċi; jinnota li l-armata Eġizzjana qagħdet lura mill-użu tal-forza kontra d-dimostranti u mill-indħil fl-iżviluppi politiċi li qed iseħħu;

5.   Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jeħilsu minnufih id-dimostranti paċifiċi kollha miżmuma taħt arrest kif ukoll biex jerġgħu jippermettu t-tħaddim tan-netwerks ta’ komunikazzjoni kollha, inkluż l-Internet, mingħajr dewmien; jikkundanna ċ-ċensura imposta mill-awtoritajiet Eġizzjani fuq in-netwerks ta’ komunikazzjoni u l-midja soċjali kif ukoll l-imġiba aggressiva u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

6.   Jiddispjaċih dwar ir-reazzjoni ta’ xi operaturi tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli u ta' xi fornutiri tas-servizzi tal-Internet Eġizzjani għal dak li seħħ reċentement fl-Eġittu u jistidinhom jitgħallmu minn din l-esperjenza;

7.   Jenfasizza mill-ġdid l-importanza tas-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu, b’rispett speċjali għal-libertà tal-kuxjenza, ir-reliġjon, il-ħsieb, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u tal-midja, il-libertà tal-assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, il-ħarsien tal-minoranzi, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali; itenni t-talba tiegħu għat-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza fl-Eġittu;

8.   Jenfasizza kemm hu importanti li jitħaffu konsiderevolment ir-riformi ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu ladarba l-libertà, l-iżvilupp ekonomiku u standard ogħla tal-ħajja huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fil-pajjiż;

9.   Jitlob li jingħataw appoġġ u linji gwida sinifikanti u effiċjenti mill-UE għall-bidla demokratika kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Eġittu, u f'pajjiżi ġirien oħra tan-Nofsinhar ikkonċernati, billi, b’mod urġenti, jiġu mobilizzati, rieżaminati u adattati strumenti eżistenti tal-UE li għandhom l-għan li jgħinu r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll bit-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

10.  Jenfasizza li l-eżami strateġiku kontinwu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll it-tiswir ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħha jridu jqisu u jirriflettu għalkollox l-iżviluppi attwali fir-reġjun; jinsisti wkoll li r-rieżami tal-PEV għandu jagħti prijorità lill-kriterji marbuta mal-pluraliżmu politiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-libertà tal-istampa u l-midja; iqis li l-Unjoni għall-Mediterran trid titnieda mill-ġdid f’dan l-ispirtu;

11.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex tippromwovi t-twaqqif ta’ task force, li tinvolvi l-Parlament Ewropew, li tippermetti risposta għall-ħtiġiet tal-akkumpanjament ta’ proċess ta’ transizzjoni demokratika kif espressi mill-atturi fil-bidla demokratika, b’mod partikulari rigward elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi u bini ta’ istituzzjonijiet bħall-ġudikatura indipendenti; jitlob lir-RGħ/VP biex tappoġġa t-trasformazzjoni demokratika wkoll billi tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet li ġejjin;

12.  Jenfasizza li l-avvenimenti fl-Eġittu, u f’pajjiżi oħra fir-reġjun, jaċċentwaw mill-ġdid il-ħtieġa urġenti tal-iżvilupp ta’ politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effiċjenti kif ukoll tat-tisħiħ tal-appoġġ baġitarju għalihom bl-għan tal-inkoraġġiment ta’ riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-ġirien tan-Nofsinhar tal-UE u l-appoġġ għalihom;

13.  Iħeġġeġ lill-Eġittu biex ikompli jimpenja ruħu għal paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani u jkompli jiżvolġi rwol attiv u kostruttiv fl-isforzi għaliha, b'enfasi speċjali fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani u l-proċess tar-rikonċiljazzjoni Palestinjana;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tal-Eġittu.