biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-pożizzjoni tal-Parlament dwar is-16-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u r-rieżami tal-2011 u l-prijoritajiet tiegħu għalihom
Richard Howitt, Véronique De Keyser, Jörg Leichtfried, Maria Eleni Koppa, Raimon Obiols
f’isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Parlament dwar is-16-il Sessjoni tal-Kunsill tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem u r-rieżami tal-2011 u l-prijoritajiet tiegħu għalihom
B7‑0160/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), b'mod partikulari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(1), u tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inkluż l-irwol tal-UE(2), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNCHR(3), tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti(4), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti(5), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar l-eżitu tas-Samit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14-16 ta' Settembru 2005(6) u tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja fl-2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u specjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll sessjonijiet preċedenti tar-Revizjoni Perjodika Universali (UPR),
– wara li kkunsidra is-16-il Sessjoni tal-UNHRC u l-ħdax-il rawnd tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li ser jinżamm bejn it-2 u t-13 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-UNHRC li ser isseħħ tul l-2011,
– wara li kkunsidra l-bidliet istituzzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verzjoni li tohrog mit-Trattat ta’ Lisbona,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-unità u tal-integrità Ewropea(8),
B. billi l-UNHRC hija pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU, billi ġie fdat il-kompitu u r-responsabilità importanti li jsaħħaħ il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,
C. billi r-reviżjoni tal-UNHRC qed timxi fuq żewġ binarji, b'mod li l-istatus tal-korp se jiġi diskuss fi New York, u l-proċeduri f'Ġinevra; billi, fl-istess ħin, il-parteċipanti internazzjonali kollha għandhom jaħdmu għat-tneħħija ta' standards doppji u l-evitar tas-selettività u l-politiċizzazzjoni meta jkunu qed jiġu kkunsidrati kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem,
D. billi l-kwistjonijiet ta' sovranità u ġurisdizzjoni domestika ma jistgħux jibqgħu jintużaw biex jipproteġu stati mill-iskrutinju tar-rekords tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
E. billi l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi bħala parteċipant globali fil-kuntest tan-NU b'mod ġenerali u fil-UNHCR b'mod speċifiku, u billi l-inklużjoni ta' approċċ ġdid inkorporat fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jkun strumentali biex l-Unjoni tiġi megħjuna taġixxi b'mod aktar effikaċi u rikonoxxibbli biex taffaċċja u tindirizza l-isfidi globali b'mod koerenti, konsistenti u effiċjenti,
F. billi l-ħolqien ta' direttorat għad-Drittijiet tal-Bnidem u d-Demokrazija fi ħdan is-SEAE;
G. billi delegazzjoni mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewopew se tmur Ġinevra għas-16-il Sessjoni tal-UNHRC, kif sar fis-snin ta' qabel għas-sessjoniet tal-UNHRC, u qabel dan, għall-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,
1. Jenfasizza l-importanza tas-16-il Sessjoni tal-UNHRC u b'mod partikolari tal-proċess ta' reviżjoni tal-UNHRC, li joffri opportunità unika għall-evalwazzjoni ta' kif il-Kunsill implimenta il-mandat tiegħu u joffri okkażjoni għall-Kunsill biex isaħħaħ il-metodi ta' ħidma tiegħu biex ikun aktar effikaċi u biex joffri reazzjonijiet sistematiċi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-fatt li l-rieżami tal-HRC ħatret żewġ ko-faċilitaturi għal dan il-proċess, il-Marokk u l-Liechtenstein;
2. Jilqa' l-fatt li fl-aġenda tas-16-il Sessjoni regolari hemm, fost l-oħrajn, ir-rapporti dwar "Id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi", u dwar "Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu", kif ukoll laqgħat estensivi dwar id-drittijiet tat-tfal;
3. Jilqa' n-nomini ta' din is-sena ta' Rapporteurs Speċjali dwar dawn is-suġġetti kruċjali u jieħu nota tar-rapporti li għandhom jitressqu mir-Rapporteurs Speċjali dwar it-tortura u trattamenti jew kastigi krudili, inumani jew degradanti oħrajn, dwar il-libertà tar-reliġjon jew twemmin, u dwar is-sitwazzjoni ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkontribwixxu għal dawn id-dibattiti b’mod attiv;
4. Jilqa' d-direttorat il-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u jappoġġa t-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UE, ibbażat fi Brussell, dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) li jkun jinkludi esperti dwar id-drittijiet tal-bniedem mis-27 Stat Membru, peress li Brussell qegħda f'pożizzjoni aħjar biex wieħed jimmonitorja l-politiki tal-UE u li se jgħin biex tiġi organizzata l-ħidma multilaterali fir-rigward tal-ħidma bilaterali;
5. Jappoġġja l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE ta' livell għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u jerġa' jisħaq dwar il-ħtieġa ta' strateġiji għall-pajjżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
6. Jisħaq fuq l-importanza li l-UE jkollha pożizzjonijiet komuni dwar il-kwistjonijiet li se jiġu diskussi waqt is-16-il Sessjoni, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-prattika tal-UE li jiġi preżentat "messaġġ wieħed, imma b'ħafna ilħna", li ħadmet tajjeb f'dawn l-aħħar snin, pereżempju, fl-inizjattivi tal-UE kontra l-piena kapitali;
Il-hidma tal-Kunsill ghad-Drittijiet tal-Bniedem
7. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE sabiex jopponu attivament kull tentattiv li jimmina l-kunċett tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendena tad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex iħeġġu lill-UNHRC sabiex jagħti l-istess attenzjoni lid-diskriminazzjoni abbażi ta' kull każ, inkluż ġeneru, diżabilità, razza jew oriġini etnika, età, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin;
8. Ifakkar l-importanza tal-interdipendenza tad-drittijiet ċiivili, politiċi u ekonomiċi, soċjali u kulturali. Jitlob li l-ilma u s-sanità jitqiesu bħala dritt fundamentali għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-bniedem;
9. Jinsab imħasseb li l-akbar ostaklu biex il-UNHRC jwettaq il-mandat tiegħu b'mod aktar effikaċi huwa "l-politika tal-blokkijiet" li ta' spiss tiddomina, u l-impatt tagħha fuq l-għażla tal-pajjiżi u s-sitwazzjonijiet li jirċievu l-attenzjoni tal-UNHRC; itenni l-fehma li l-kapaċità tal-UNHRC li jindirizza s-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi b'mod effikaċi, f'waqtu u xieraq hija ċentrali għall-awtorità u l-kredibilità tiegħu;
10. Jemmen li l-HRC għandu jkun armat aħjar biex jindirizza kemm is-sitwazzjonijiet kroniċi u dawk ta' emerġenza, forsi permezz tal-espansjoni tas-sett ta' strumenti li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, billi jintużaw panels, mhux biss waqt, imma anke bejn is-sessjonijiet, u billi jsiru sessjonijiet fir-reġjuni 'l bogħod minn Ġinevra; jiddispjaċih li f'bosta okkażjonijiet il-UNHRC ma kienx kapaċi jindirizza sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem serji b'mod urġenti u f'waqtu minħabba in-nuqqas ta' strumenti adegwati u jappoġġja l-idea ta' 'kebbiesa' (triggers) independenti; ifittex b'mod attiv il-ħolqien ta' mekkaniżmi tal-UNHRC partikolari li jirrejaġixxu fil-pront għall-kriżijiet tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju, it-Tuneżija, l-Eġittu, l-Iran u l-Belarus;
11. Jilqa' l-inizjattiva tal-Istati Uniti għall-inklużjoni ta' resżoluzzjoni dwar l-Iran; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw bil-qawwa l-installazzjoni ta' Mekkaniżmu Speċjali dwar l-Iran; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lis-SEAE jikkoordinaw l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet komuni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li l-UE għandha taġixxi b'mod kompletament indipendenti sabiex ikunu effettivi u kredibbli;
12. Jilqa' l-bgħit ta' missjoni ta' livell għoli tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fit-Tuneżija mis-27 ta' Jannar sat-2 ta' Frar 2011 u jħeġġeġ bil-qawwa l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tagħha; itenni t-talba tiegħu biex titwaqqaf kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-avvenimenti ta' wara s-17 ta' Diċembru 2010;
13. Jappoġġa l-intenzjoni li tintbagħat missjoni tal-OHCHR fl-Eġittu biex tivvaluta s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem wara l-bidla tal-mexxejja tal-pajjiż;
14. Jilqa' l-adozzjoni permezz ta' kunsens ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja fil-15-il Sessjoni Speċjali tal-25 ta' Frar li tikkundanna l-vjolazzjonijiet evidenti u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Libja bl-indikazzjoni li wħud minnhom jistgħu jirriżultaw li huma reati kontra l-umanità, u jitlob li tinbagħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti fil-Libja biex tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u jilqa' d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali biex tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHCR; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni b'kunsens tal-UNGA tal-1 ta' Marzu 2011 biex tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHCR
16. Jilqa' l-fatt li, fuq inizjattiva tan-Niġerja u l-Istati Uniti, l-14-il Sessjoni Speċjali ttrattat is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Côte d'Ivoire fil-kuntest tal-konklużjoni tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010, u kkundannat il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u stiednet lill-partijiet kollha jirrispettaw kompletament id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; itenni l-appoġġ tiegħu għall-eżitu tal-elezzjonijiet kif rikonoxxut min-NU u jistieden lill-atturi kollha jirrikonoxxu l-awtorità ta' Alassane Ouattara bħala l-president elett; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Unjoni Afrikana li twaqqaf grupp tal-Kapijiet ta' Stat biex ikun hemm soluzzjoni paċifika u negozjata għall-kriżi postelettorali fil-Côte d'Ivoire;
17. Fid-dawl tar-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar/Burma, jerġa jiddikjara t-talba tiegħu biex l-UE tappoġġa b'mod pubbliku t-twaqqif ta' kummissjonijiet ta' inkjesta tan-NU biex jivvalutaw il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u jivvalutaw il-punt sa kemm dawn jikkostitwixxu reati kontra l-umanità; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-RDPK mar-Rapporteur Speċjali u jitlob għall-estensjoni ta' mandat tar-Rapporteur Speċjali għall-Mjanmar/Burma;
18. Iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi u tappoġġa b'mod proattiv, fis-sessjoni li ġejja tal-HRC, riżoluzzjoni relatata mar-rapport dwar is-segwitu tal-kumitat ta' esperti indipendenti għall-missjoni internazzjonali għas-sejba tal-fatti dwar il-kunflitt ta' Gaza, sabiex tiġi żgurata r-responsabilità għall-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tappoġġa riferiment lill-Assemblea Ġenerali u l-mekkaniżmi tal-Ġustizzja Internazzjonali fil-każ tal-partijiet Iżraeljani u Palestinjani li naqsu milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet skont l-istandards internazzjonali; barra min hekk jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà biex jimmonitorja attivament il-konformità mas-sejbiet tas-"Segwitu għar-Rapport tal-missjoni internazzjonali għall-kisba ta' informazzjoni dwar l-inċident tal-flotilla umanitarja", billi jiżgura ż-żamma tal-prinċipji ta' responsabilità u obbligazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa għal koerenza bejn il-politika tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u tal-azzjoni esterna tal-UE fil-livelli kollha; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem għandhom l-ewwel jiġu diskussi fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael; jinsab imħasseb b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael tal-21 ta' Frar 2011 ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-UE dwar din il-kwistjoni;
19. Jilqa' l-istqarrijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-ewwel żjara tagħha fit-territorji okkupati Palestinjani u l-Iżrael u b'mod partikolari, il-messaġġ qawwi li wasslet dwar l-illegalità ta' kull attività ta' insedjament u li "l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali mhumiex negozjabbli";
20. Jiddispjaċih li, waqt li l-kriterji għal sħubija mal-UNHRC kif stabbiliti mir-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali, jimplikaw koperazzjoni sħiħa ma' dik l-entità, il-prattika attwali ta' wegħdiet volontarji kellha riżultati varjati u inadegwati ħafna; itenni għalhekk li l-membri kollha għandu jkollhom stediniet permanenti effettivi għall-Proċeduri Speċjali bħala livell minimu għas-sħubija, flimkien ma' rekord solidu ta' impenn għad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza ta' ambjent tassew kompetittiv fil-proċess elttorali; jitlob li tiġi eliminata l-possibilità li gruppi reġjonali jippreżentaw skjerament ta' kandidati prestabbilit għas-sħubija fil-UNHRC;
21. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-SEAE jinvolvu ruħhom attivament fir-rieżami tal-2011 tal-UNHRC biex isaħħu l-konformità mal-mandat tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UNHRC għandu jkun aktar mekkaniżmu ta' twissija bikrija u mekkaniżmu preventiv u li l-kompetenza tal-Proċeduri Speċjali għandha tintuża għal dan l-iskop; itenni li hemm bżonn għal proċess ta' rieżami trasparenti u li jikludi kollox, li jqis il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessat l-oħra relevanti kollha; jistieden lis-SEAE jinforma lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda attwali tar-rieżami;
22. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li r-rieżami għandu jippreserva l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (ONCHR) u jopponi kull tentattiv li l-OHCHR jiġi elevat għall-istess status tal-aġenziji l-oħra tan-NU peress li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq il-finanzjament u konsegwentement fuq l-indipendenza tiegħu; jilqa' l-ħatra riċenti ta' Assistent Segretarju Ġenerali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li se jmexxi l-uffiċċju tal-OHCHR fi New York; dan l-uffiċċju l-ġdid se jgħin isaħħaħ il-kuntatt, id-djalogu u t-trasparenza bejn l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-UNHCR; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament biex l-uffiċċji reġjonali tal-OHCHR jibqgħu miftuħin sabiex ikunu jistgħu jkomplu b'ħidmithom fuq il-post;
23. Jinsisti fuq is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-Proċeduri Speċjali u fuq il-garanzija tal-possibilità li l-UNHRC jindirizza vjolazzjonijiet speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' riżoluzzjonijiet u mandati speċifiċi għall-pajjiżi; jenfasizza l-importanza tal-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk huma soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili jew politiċi; jinnota bi tħassib li l-Mekkaniżmu għall-Ilmenti, mekkaniżmu uniku u universali orjentat lejn il-vittmi, ftit ipproduċa riżultati meta mqabbel man-numru kbir ta' lmenti li rċieva; jenfasizza l-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirzzata fir-rieżami tal-UNHRC;
L-Eżami Perjodiku Universali
24. Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-EPU bħala esperjenza kondiviża għall-gvernijiet kollha li jissottometti lill-membri kollha tan-NU għal trattament u skrutinju ugwali minkejja l-fatt li l-pajjiżi jridu jaċċettaw volontarjament li jgħaddu minnu u jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet; ifakkar li sa Diċembru 2011, l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti se jkunu ġew eżaminati taħt dan il-mekkaniżmu;
25. Jinsisti li hu essenzjali li jinżamm spazju għas-soċjetà ċivili fl-HRC sabiex tissaħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogu, jinfetħu opportunitajiet ġodda biex l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jidħlu fi djalogu fi Stati partikulari;
26. Jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-EPU billi jkunu permessi t-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet bil-miktub biex jiġu eżaminati mill-Grupp ta' ħidma u l-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tiegħu;
27. Jieħu nota tal-possibilità li joffri l-EPU biex l-Istati jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għas-segwitu tal-konklużjonijiet tal-entitajiet tat-trattati u l-Proċeduri Speċjali;
28. Jerġa' jafferma l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu aktar orjentati lejn ir-riżultati u jitlob li jkun hemm aktar involviment minn esperti indipendenti u istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-EPU sabiex jiġi żgurat li hu mekkaniżmu ta' segwitu effikaċi; jikkunsidra li l-kompetenza indipendenti tista' tiġi inkluża fil-proċess tal-EPU billi jitqabbdu esperti biex josservaw il-proċess ta' eżami u jippreżentaw sommarju u analiżi tal-EPU waqt l-adozzjoni tar-rapport finali;
29. Jiddispjaċih li l-ewwel ċiklu tal-eżami ta' ċerti pajjiżi għadu ma laħaqx l-aspettattivi ta' proċess trasparenti, mhux selettiv u mhux konfrontazzjonali; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE meta ppruvaw jisfrondaw "il-mentalità ta' blokk", u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu assistenza teknika biex jgħinu fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
30. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jinvolvu rwieħhom fir-rieżami tal-UNHRC, biex jiżguraw li ma jkunx hemm distakk bejn l-ewwel u t-tieni ċikli tal-EPU, u jiżguraw li t-tieni ċiklu jiffoka fuq l-implimentazzjoni u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet; jappoġġa l-fehma li l-Istati sottomessi għall-EPU għandhom jipprovdu risposti ċari għal kull rakkomandazzjoni u kalendarji għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma; jinnota li t-tressiq ta' rapport ta' nofs it-terminu dwar l-istatus tal-implimentazzjoni jista' jikkontribwixxi għal dan il-proċess;
Il-Proċeduri Speċjali
31. Jerġa' jiddikjara li l-Proċeduri Speċjali qegħdin fil-qalba tal-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u li l-kredibilità u l-effikaċità tal-UNHRC fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiddependu fuq il-koperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jisħaq, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ tal-indipendenza u l-interattività tal-Proċeduri Speċjali mal-Kunsill hu fundamentali;
32. Jikkundanna t-tentattivi li tiddgħajjef l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali billi l-gvernijiet jitqegħdu f'pożizzjoni ta' sorveljanza fuq il-Proċeduri Speċjali, u jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe tip ta' kontroll jippolitiċizza u jagħmel ħsara lill-effikaċità tas-sistema;
33. Itenni li l-Proċeduri Speċjali dwar sitwazzjonijiet ta' pajjiżi huma strument essenzjali għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post; jisħaq fuq il-fatt li, minħabba elementi kruċjali bħall-perjodiċità tagħhom u l-kompetenza li huma bbażati fuqha, il-mandati tal-pajjiżi ma jistgħux jiġu sostitwiti mill-EPU;
34. Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jiddefendu l-integrità u r-responsabilità tal-UNHRS fir-rieżami billi jappoġġaw il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali, apparti l-adozzjoni ta' kriterji ta' għażla u proċess aktar trasparenti għall-ħatriet li jkun ibbażat fuq il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persuni nominati; jappoġġa l-proposta mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' twissija bikrija tal-Proċeduri Speċjali permezz ta' mekkaniżmu li jippermettilhom iqanqlu l-eżami awtomatiku ta' sitwazzjoni mill-UNHRS;
L-involviment tal-UE
35. Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fis-16-il sessjoni tal-UNHRC;
36. Jinsisti mas-SEAE, b'mod speċjali d-delegazzjoni tal-UE f'Ġinevra u New York, biex iżid il-koerenza, il-viżibilità u l-kredibilità tal-azzjoni tal-UE fil-UNHRC billi jkompli jiżviluppa programmi ta' kuntatt u koperazzjoni interreġjonali u speċjalment billi jagħmel lobbying mal-istati moderati fil-gruppi kollha;
37. Itenni f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kunċett tad-"difamazzjoni tar-reliġjonijiet" u, waqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi indirizzata bis-sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, jikkunsidra li l-inklużjoni ta' dan il-kunċett fil-Protokoll dwar standards komplementari dwar ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni mhijiex xierqa; jilqa' l-avveniment sekondarju organizzat mid-delegazzjoni tal-UE għall-kommemorazzjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; jiltob lill-UE tinvolvi ruħha mal-isponsors ewlenin tar-riżoluzzjoni biex issib alternattiva għar-riżoluzzjoni dwar id-difamazzjoni li se tiġi ppreżentata;
38. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-ħidma tal-UNHRC minn mindu twaqqaf, speċifikament billi sponsorjat jew kosponsorjat riżoluzzjonijiet, ħarġet dikjarazzjonijiet u interveniet fi djalogi u dibattiti interattivi; jirrikonoxxi l-impenji li għamlet l-UE biex tindirizza sitwazzjonijiet ta' pajjiżi fil-UNHRC u jisħaq fuq l-importanza li dawn l-impenji jiġu implimentati b'mod qawwi;
39. Jappoġġa l-inizjattiva konġunta tal-UE u l-GRULAC (il-Grupp tal-Istati tal-Amerika latina u tal-Karibew) għal riżoluzzjoni dwar it-tfal li jgħixu u jaħdmu fit-triq;
40. jappoġġa d-dikjarazzjoni interreġjonali li se titressaq dwar id-drittijiet tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru;
41. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull ma jistgħu biex jippreservaw il-mandat tal-proċeduri speċjali kollha u jitlob b'mod partikulari għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem;
42. Jiddispjaċih li bħala effett sekondarju tal-isforzi tagħha biex issib kunsens, l-UE ta' spiss tidher li qed tbaxxi l-ambizzjonijiet tagħha, u jemmen li l-UE għandha tkun ħafna aktar kuraġġuża meta tipproponi u/jew tappoġġa r-riżoluzzjonijiet tal-pajjiżi;
43. Jinnota bi tħassib li l-UE ma kinitx kapaċi teżerċità influwenza b'mod effikaċi fi ħdan is-sistema aktar estiża tan-NU; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tagħti prijorità lill-HRC, tikkoordina aħjar fost l-Istati Membri u jistieden lill-Kunsill jadotta linji gwida sabiex jiffaċilita l-koordinament u t-teħid tad-deċiżjonijiet f'dan il-kuntest, u jfittex li jibni koalizzjonijiet/alleanzi mas-sħab reġjonali fundamentali u l-istati moderati kollha fl-isforz li jegħleb il-loġika tal-blokkijiet fl-HRC;
44. Jiġbed l-attenzjoni, fuq livell prattiku, għall-importanza li jkun hemm Delegazzjoni tal-UE akbar u b'riżorsi tajbin f'Ġinevra u New York; jisħaq fuq il-fatt li dak li jiġri f'Ġinevra u f'New York irid ikun parti integrali tal-politika barranija tal-UE, waqt li tingħata attenzjoni biex jittejjeb il-koordinament intern, u jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta' azzjoni reċiproka tajba bejn il-livelli bilaterali u l-livelli multilaterali;
45. Jiddeplora l-fatt li r-riżoluzzjoni mqegħda mill-UE fuq il-mejda tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2010 bil-għan li ssaħaħ "l-istatus" tagħha sabiex tkun koerenti mal-arranġamenti istituzzjonali l-ġodda minħabba t-Trattat ta' Lisbona ġiet posposta; dan l-istatus imsaħħaħ jagħti l-possibilità lill-UE li tkun rappreżentata minn persuna stabbli (il-President tal-Kunsill Ewropew u/jew il-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjnonni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà), li titkellem b'leħen wieħed u jgħolli l-viżibilità u l-influwenza tal-UE bħala attur globali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi li għamel "it-task force speċjali" tas-SEAE biex jippromwovi l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE;
46. Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għas-16-il Sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tirrapporta lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward taż-żjara tagħha, u jikkunsidra li hu indispensabbli li tibqa' tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew lis-sessjonijiet relevanti tal-UNHRC;
Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati fil-politiki interni tagħhom sabiex jiġu evitati standards doppji u fil-prospettiva tal-proċess attwali tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), peress li jekk jonqsu milli jagħmlu dan b'mod fundamentali, tista' tiddgħajjef il-pożizzjoni tal-UE fil-UNHRC;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-64 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU stabbilit mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin;