Proċedura : 2011/2616(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0169/2011

Testi mressqa :

B7-0169/2011

Dibattiti :

PV 09/03/2011 - 6
CRE 09/03/2011 - 6

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 9.2
CRE 10/03/2011 - 9.2

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 121kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2011
7.3.2011
PE459.712v01-00
 
B7-0169/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Libja


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Marek Henryk Migalski f’isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Libja  
B7‑0169/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bejn il-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar l-iffirmar ta' ftehim ta' qafas għall-kooperazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1970/2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra s-sospensjoni tan-negozji dwar il-Ftehim ta' Qafas mit-22 ta' Frar 2011,

–   wara li kkkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti mir-Rappreżentant Għoli Ashton u mill-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra s-sospensjoni tan-negozji dwar il-Ftehim ta' Qafas mit-22 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra d-diskors li għamel Štefan Füle, il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, dwar avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fl-Afrika ta' Fuq, fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew fi Brussell, fit-28 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li għamel dwar is-sitwazzjoni s-Sur Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, matul laqgħa mal-ġurnalisti dwar l-Afrika ta' Fuq li saret fi Brussell fit-2 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-vjolenza fil-Libja issa laħqet livell insostenibbli; eluf ta' nies inqatlu jew indarbu u madwar 100 000 persuna ħarbu l-pajjiż biex ifittxu s-sikurezza u l-għajnuna umanitarja;

B.  billi l-għajnuna Ewropea għar-reġjun attwalment tammonta għal EUR 3 miljun,

C. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill Ewropew iqisu li s-sitwazzjoni fil-Libja hija theddida għas-sigurtà u l-paċi internazzjonali,

D.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kunsill tal-Ministri imponew fuq il-Libja sanzjonijiet immirati,

E.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU awtorizza l-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u delitti kontra l-umanità,

1.  Jitlob għat-tneħħija immedjata mill-poter tal-Kurunell Muammar Abu Minyar al-Gaddafi u jilqa' l-iffriżar tal-assi finanzjarji kollha tiegħu inklużi dawk tal-membri tal-familja tiegħu u ta' dawk li jaġixxu f'isimhom, inklużi l-assi li jinsabu fl-Isvizzera;

2.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni Ewropea jqisu l-possibbiltà li jirrikonoxxu l-awtorità ta' Bengażi u l-Kunsill Nazzjonali bħala l-Gvern tal-Libja u b'hekk iħallu lill-Kunsill Nazzjonali jistieden alleati barranin fil-pajjiż biex jassistuh f'kapaċità militari;

3.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni qawwija fuq l-awtoritajiet Libjani biex jiġi żgurat il-waqfien tal-qtil illegali ta' dimostranti innoċenti;

4.      Jinnota bi tħassib in-numru li dejjem qed jiżdied ta' refuġjati li qegħdin jaħarbu miż-żoni ta' vjolenza u li qed ifittxu l-għajnuna umanitarja fuq il-fruntieri Libjani;

5.      Jiddikkjara li livelli inaċċettabbli ta' forza ntużaw kontra dimostranti u ġie rappurtat li gass tad-dmugħ u munizzjon letali ntużaw mis-servizzi tas-sigurtà kontra ċittadini mhux armati;

6.      Iħeġġeġ it-tmexxija attwali Libjana tirrikonoxxi l-gravità tas-sitwazzjoni u jtenni li s-soċjetà ċivili qiegħda timbotta fid-direzzjoni tad-demokrazija;

7.      Jilqa' l-kundanna riċenti mill-mexxejja tal-Istati Membri u jtenni l-ħtieġa għal solidarjetà mill-Istati Membri tal-UE;

8.      Jilqa' l-pożizzjoni ħarxa li ħadu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Kunsill Ewropew;

9.      Jesprimi tħassib profond dwar il-kundizzjonijiet u s-sikurezza ta' dawk li qegħdin jaħarbu mill-pajjiż u joffri għajnuna finanzjarja lil dawk l-Istati Membri li qegħdin jilqgħu r-refuġjati;

10.    Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni fir-reġjun;

11. Jistieden lill-alleati tal-Punent u lill-Istati Għarab ħbieb biex iqisu serjament il-possibbiltà li l-awtorità ad interim tar-ribelli tiġi rikonoxxuta bħala l-gvern uffiċjali tal-Libja u biex jestendu l-għajnuna miltari meħtieġa biex tipproteġi lil nieshom kontra aktar massakri u jikkunsidraw b'mod attiv l-għażliet militari kollha inkluża żona ta' projbizzjoni tat-titjir u żona protetta, fejn persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs) jistgħu jsibu l-kenn jekk Gaddafi jerġa' jordna attakki ġodda fuq żoni ċivili;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijjiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern tal-Istat tal-Libja.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2011Avviż legali