Proċedura : 2011/2616(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0171/2011

Testi mressqa :

B7-0171/2011

Dibattiti :

PV 09/03/2011 - 6
CRE 09/03/2011 - 6

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 9.2
CRE 10/03/2011 - 9.2

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 153kWORD 99k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2011
7.3.2011
PE459.714v01-00
 
B7-0171/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u partikolarment il-Libja, inklużi l-aspetti umanitarji


Kristiina Ojuland, Marielle De Sarnez, Marietje Schaake, Sonia Alfano, Leonidas Donskis, Edward McMillan-Scott, Alexandra Thein, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u partikolarment il-Libja, inklużi l-aspetti umanitarji  
B7‑0171/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola l-aspetti speċifiċi tar-rifuġjati fl-Afrika, ta' Settembru 1969, li l-Libja ilha firmatarja tagħha mis-17 ta' Lulju 1981,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u fid-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 19(2) tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) li talbet moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 63/168 tat-18 ta' Diċembru 2008 tal-AĠNU li talbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fit-23 ta' Lulju 2007 kemm mill-Kummissarju Ferrero-Waldner kif ukoll mis-Segretarju għall-Affarijiet Ewropej El Obeidi,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007 u t-tnedija uffiċjali fit-12-13 ta' Novembru 2008 tan-negozjati dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Libja,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2011 dwar l-Iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar,

–   wara li kkunsidra l-kummenti tat-22 ta' Frar 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton fi tmiem iż-żjara tagħha fl-Eġittu, fejn ħabbret is-sospensjoni tan-negozjati mal-awtoritajiet Libjani dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Libja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2011 tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-Libja, il-kummenti tagħha fil-marġini tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tad-Difiża tal-25 ta' Frar 2011, id-Dikjarazzjoni tagħha tas-27 ta' Frar 2011 f'isem l-Unjoni Ewropea dwar ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU u l-aħħar żviluppi rigward is-sitwazzjoni fil-Libja, kif ukoll id-diskors tagħha tat-28 ta' Frar 2011 lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija għall-Istampa tal-KSNU tat-22 ta' Frar 2011 dwar il-Libja u r-Riżoluzzjoni tal-KSNU tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja li ġiet adottata unanimament (UNSCR 1970/2011),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Frar 2011 biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, UNSCR 1970/2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Marzu 2011 biex jiġi adottat regolament li jimplimenta d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' Frar dwar sanzjonijiet kontra l-Libja, li daħlet fis-seħħ bil-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Marzu 2011 biex ilaqqa' Kunsill Ewropew straordinarju nhar il-Ġimgħa 11 ta' Marzu 2011 fid-dawl tal-iżviluppi fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u partikolarment fil-Libja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja u b'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 lill-Kunsill dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (2010/2268(INI),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara dimostrazzjonijiet li saru f'pajjiżi ġirien favur il-libertà u riformi kbar, fil-15 ta' Frar bdew protesti fil-belt ta' Benghazi li nfirxu fil-pajjiż kollu sa Al Bayda, Al-Quba, Darnah u Az Zintan; billi d-dimostranti ħadu l-kontroll ta' diversi bliet partikolarment fil-Lvant tal-Libja,

B.  billi l-biċċa l-kbira tad-dimostrazzjonijiet li mmobilizzaw lil dimostranti kontra l-Gvern ħabbtu wiċċhom ma' reżistenza brutali mill-forzi tar-reġim, inklużi attakki b'ajruplani tal-gwerra u ħelikopters tal-Forza tal-Ajru Libjana fuq id-dimostranti u l-użu ta' merċenarji, ġellieda barranin u ħabsin li nħelsu biex jikkontrobattu l-mewġa ta' protesti,

C. billi rappreżentanti fl-ogħla livell tar-reġim ripetutament żergħu l-mibegħda sal-lum permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi, heddew lid-dimostranti, organizzaw kontrodimostrazzjonijiet, u wissew li se jsir massakru jekk il-protesti jissoktaw,

D. billi l-Lega Għarbija fit-22 ta' Frar 2011 eskludiet lid-delegazzjonijiet Libjani temporanjament mil-laqgħat tagħha, filwaqt li kkundannat il-vjolenza li l-forzi ta' Muammar al-Gaddafi użaw kontra l-popolazzjoni,

E.  billi r-reazzjoni vjolenti u brutali tar-reġim kontra l-popolazzjoni Libjana wasslet mhux biss għad-diżerzjoni ta' diversi suldati fil-pajjiż, iżda anke għar-riżenja ta' membri tar-reġim,

F.  billi wara l-adozzjoni b'kunsens mill-UNHRC ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja fil-15il-Sessjoni Speċjali fil-25 ta' Frar, li tikkundanna vjolazzjonijiet gravi u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u tiġbed l-attenzjoni li wħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità, l-AĠNU fit-2 ta' Marzu 2011 iddeċidiet li tissospendi l-adeżjoni tal-Libja fil-UNHRC, kif irrakkomanda l-UNHRC,

G. billi b'reazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja li ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fit-3 ta' Marzu 2011 nieda investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità li twettqu fil-Libja, fost oħrajn minn Muammar al-Gaddafi u membri taċ-ċirku ta' ġewwa; billi r-Riżoluzzjoni 1970 tal-KSNU tawtorizza wkoll lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jikkonfiskaw u jarmu materjal ipprojbit marbut mal-militar,

H. billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Frar 2011 timponi miżuri restrittivi addizzjonali, b'mod partikolari projbizzjoni tal-ħruġ ta' viżi u l-iffriżar tal-beni, kontra min hu responsabbli għat-trażżin vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fil-Libja, biex b'hekk ġiet implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurà tan-NU tas-26 ta' Frar dwar il-Libja,

I.   billi l-Istati Uniti bagħtu żewġ bastimenti tal-gwerra, inkluż bastiment ta' attakk amfibju, fil-Mediterran, biex isegwu l-iżviluppi fil-Libja,

 

J.   billi l-vjolenza kontinwa u r-repressjoni brutali fil-Libja qed jiġġeneraw fluss dejjem jiżdied ta' nies lejn il-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija, li l-biċċa l-kbira minnhom huma ħaddiema migranti mill-Eġittu u mill-Afrika ta' Fuq u l-Afrika Sub-Saħarjana kif ukoll ċittadini Libjani; billi skont ċerti sorsi l-Libja tospita madwar 80,000 Pakistani, 50,000 Bengali u 2,000 Nepaliż; billi l-volum ta' dan l-eżodu huwa mistenni jiżdied b'mod sinifikanti fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin; billi l-Italja, Franza, Spanja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju ħabbru pjan biex jibagħtu bastimenti u ajruplani navali fil-fruntiera bejn it-Tuneżija u l-Libja primarjament biex jiffaċilitaw l-evakwazzjoni ta' ċittadini Eġizzjani lejn l-Eġittu,

 

K. billi l-Kunsill Ewropew straordinarju nhar il-Ġimgħa 11 ta' Marzu 2011 mistenni jeżamina bir-reqqa r-rapport tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni dwar l-adattament rapidu tal-istrumenti tal-UE kif ukoll ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar l-appoġġ għall-proċessi ta' tranżizzjoni u trasformazzjoni,

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni brutali tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi, inklużi l-attakki armati mingħajr distinzjoni kontra ċ-ċivili, li ssarrfu fil-mewt ta' eluf ta' ċivili u għadd kbir ta' nies midruba; jiddenunzja l-inċitament għall-ostilità kontra l-popolazzjoni ċivili espressa mill-ogħla livell tar-reġim minn Muammar al-Gaddafi u ibnu Saif al-Islam;

2.  Jappoġġja bi sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1970 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tikkundanna l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u jiddeċiedi li jressaq il-kwistjoni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali filwaqt li jimponi embargo tal-armi fuq il-pajjiż u projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-beni għall-familja ta' Muammar al-Gaddafi; jappoġġja bil-qawwa t-tnedija mill-Prosekutur tal-QKI ta' investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità li twettqu minn Muammar al-Gaddafi u persuni oħra taċ-ċrieki ta' ġewwa tiegħu;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex jikkunsidraw sew, fil-qafas tar-Riżoluzzjoni 1970 tal-KSNU u tar-Riżoluzzjoni 1674 tal-KSNU rigward il-possibilità ta' protezzjoni lill-popolazzjoni, l-istabbiliment ta' 'no-fly zone' bl-għan li r-reġim ma jitħalliex jattakka l-popolazzjoni b'koordinazzjoni man-NU, il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana;

4.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu favur il-ġlieda tal-poplu Libjan għal-libertà, ir-riformi demokratiċi u t-tmiem tar-reġim awtoritarju; jistieden lill-UE tibda djalogu mal-forzi tal-oppożizzjoni u tappoġġjahom fiż-żona meħlusa biex tassisti lill-popolazzjoni u tissodisfa l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi tagħha, inkluża l-għajnuna medika;

5.  Jappoġġa bi sħiħ id-deċiżjoni tal-UNHRC li jibgħat kummissjoni internazzjonali indipendenti ta' inkjesta fil-Libja biex tinvestiga dwar il-ksur tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-deċiżjoni tal-AĠNU tat-2 ta' Marzu 2011 biex tissospendi l-adeżjoni tal-Libja fil-UNHRC;

6.  Jiddispjaċih rigward in-nuqqas ta' reazzjoni immedjata mill-Kunsill għar-repressjoni vjolenti Libjana, b'mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-evakwazzjoni tar-residenti tal-UE u l-ħtieġa urġenti ta' għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni Libjana kif ukoll fir-rigward tal-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati xierqa; jinnota f'dan ir-rigward il-miżuri u l-inizjattivi reċenti meħuda minn xi Stati Membri tal-UE biex jikkontribwixxu għall-evakwazzjoni ta' ħaddiema migranti Eġizzjani lejn l-Eġittu;

7.  Huwa preokkupat ħafna dwar il-kriżi umanitarja li qed tikber hekk kif 170,000 migrant qed jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, filwaqt li l-biċċa l-kbira minnhom huma mblukkati fil-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija u oħrajn f'kampijiet tar-refuġjati fit-Tuneżija, l-Eġittu u n-Niġer; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex jimmobilizzaw il-mezzi xierqa biex jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni ta' emerġenza u biex jirreaġixxu korrettament biex jappoġġjaw lil min qed jaħrab il-mewt u l-persekuzzjoni u lil min qed jiġġieled għal-libertà u d-demokrazija fil-Libja;

8.  Jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 li tipprojbixxi l-forniment ta' armi, munizzjon u materjal relatat lil-Libja; jiġbed l-attenzjoni li, skont sorsi indipendenti, fl-2009 valur ta' EUR 79 miljun f'armi ta' kalibru żgħir intbagħat mill-Italja lill-Gvern Libjan u li dawn l-armi kienu jintużaw ta' kuljum mill-pulizija u l-armata Libjana għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-popolazzjoni Libjana; jenfasizza li l-Belġju, il-Bulgarija, il-Portugall, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit ukoll biegħu l-armi lil-Libja, minn armi ħfief u ta' kalibru żgħir sa inġenji tal-ajru u apparart ta' interferenza elettronika, u li dawn il-fornimenti jikkontradixxu wħud mill-kriterji tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE;

9.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kunsill jivverifika jekk sarx ksur fil-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE fil-qasam tal-esportazzjoni ta' armi u jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jkun rispettat bi sħiħ mill-Istati Membri kollha;

10. Jilqa' favorevolment ukoll id-deċiżjoni li jiġu ffriżati l-beni tad-dittatur Libjan Muammar al-Gaddafi u ta' ħames membri tal-familja tiegħu kif ukoll ta' 20 individwu ieħor responsabbli għat-trażżin vjolenti tal-popolazzjoni ċivili mill-15 ta' Frar 'l hawn; jitlob li ssir riċerka rapida u preċiża kif ukoll verifika eżatta ta' dawn il-beni;

11. Huwa tal-fehma li ladarba l-gvern proviżorju jkun ħa l-kontroll tas-sitwazzjoni, il-VP/RGħ u l-Kummissjoni għandhom jgħinu lill-awtoritajiet Libjani jistabbilixxu fond fiduċjarju li fih ikunu jistgħu jittrasferixxu d-dħul kollu mill-bejgħ ta' żejt u gass, filwaqt li jiġu stipulati regoli ċari u trasparenti għall-ġestjoni tiegħu bl-għan li tibbenefika l-popolazzjoni kollha;

12. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill isaħħu l-koordinazzjoni mal-Istati Membri biex tiġi organizzata l-azzjoni Ewropea vis-à-vis l-Libja u biex jiġu evitati ripetizzjonijiet inutli;

13. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li biex demokrazija tkun stabbli, jinħtieġu elementi elettorali u kostituzzjonali sodi; ifakkar li l-UE għandha esperjenza sinifikanti fl-appoġġ għall-iżvilupp ta' strutturi kostituzzjonali u tal-istat tad-dritt permezz tal-missjonijiet tagħha ta' mmaniġġjar tal-kriżijiet, partikolarment fil-Kosovo u fl-Afganistan, u ilha timmonitorja u tappoġġja diversi elezzjonijiet; jistieden lill-VP/RGħ tibda t-tħejjijiet għall-involviment u l-appoġġa tal-UE fil-Viċinat tan-Nofsinhar, partikolarment l-appoġġ għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt, u ta' prerekwiżiti kostituzzjonali u elettorali għal demokrazija stabbli fir-reġjun;

14. Jappoġġja l-proposta tal-Istati Uniti li titqies l-eventwalità ta' eżilju għal Mohammad Gheddafi u jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-opportunità li tali proposta sseħħ;

15. Jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-UE li tissospendi n-negozjati mal-Libja dwar ftehim qafas li jinkludi l-koperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil;

16. Jikkundanna bil-qawwa l-ftehim bilaterali bejn l-Italja u l-Libja dwar il-Ħbiberija, is-Sħubija u l-Koperazzjoni; jenfasizza li dan il-ftehim kien qed jikser il-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għall-proċeduri ta' talba għall-asil, u jħeġġeġ lill-Italja tinnegozja l-ftehim mill-ġdid u mill-aktar fis possibbli mal-awtoritajiet proviżorji Libjani sabiex ikun konformi mad-dritt internazzjonali;

17. Jikkritika bil-qawwa l-fatt li xi gvernijiet tal-UE opponew l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet kontra r-reġim Libjan u jitlob lil dawn il-pajjiżi, li kellhom relazzjonijiet mill-qrib ħafna mar-reġim, biex jużaw ir-relazzjonijiet privileġjati tagħhom biex iġiegħlu lil Gheddafi jitlaq il-poter minnufih;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw djalogu kompletament ġdid mal-pajjiżi sħab tal-Mediterran dwar il-migrazzjoni sabiex jiġi adottat Patt Ewro-Mediterranju dwra il-Mobilità filwaqt li jitqies il-fatt li, bi prinċipju, il-politika Ewropea tal-migrazzjoni ma tistax tiddependi mill-koperazzjoni ma' reġimijiet awtoritarji; jenfasizza li tali politika riveduta tista' ttejjeb aktar l-appoġġ tal-UE għall-proċess ta' tranżizzjoni li għaddej lejn id-demokrazija;

19. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipprovdi l-mezzi neċessarji kollha biex tappoġġja lill-awtoritajiet Tuneżini u Eġizzjani sabiex tingħeleb il-kriżi umanitarja attwali li qed taffaċċja b'mod partikolari l-popolazzjoni li qed taħrab mil-Libja lejn il-fruntieri Eġizzjani u Tuneżini; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tappoġġja lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u ċivili fl-azzjoni umanitarja tagħhom;

20. Jistieden lill-Kunsill jagħmel progress rapidu lejn sistema effikaċi tal-UE dwar l-asil ibbażata fuq id-dritt internazzjonali, il-ġestjoni tajba u s-solidarjetà;

21. Jistieden lill-Istati Membri jelenkaw il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħhom bil-għan li tiġi attivata d-Direttiva 2001/55/KE dwar il-Protezzjoni Temporanja u biex tinqasam ir-responsabbiltà għat-trasferiment ta' persuni protetti skont din l-iskema lejn Stati Membri oħra tal-UE, u jistieden lill-Kunsill biex, mingħajr aktar dewmien, jadotta l-Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni, biex tidħol fis-seħħ l-iskema prevista ta' risistemazzjoni; ifakkar li l-politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni għandha tkun regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri;

22. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jkunu lesti biex jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza u jimmobilizzaw il-mezzi xierqa kemm f'livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, filwaqt li jevitaw li jagħtu importanza żejda lir-riskju ta' influss massiv ta' refuġjati bl-għan li jingħataw fondi tal-UE biex tkun tista' tiġi affrontata s-sitwazzjoni attwali, li tista' tkun fattur ta' attrazzjoni, toħloq isteriżmu mhux raġonevoli u turi nuqqas ta' appoġġ veru lil min qed jiġġieled għad-demokrazija u qed jaħrab il-mewt u l-persekuzzjoni fil-Libja; jemmen li l-kriminalizzazzjoni tal-migranti irregolari li ħarbu mill-inkwiet, il-persekuzzjoni u l-mewt mhijiex ir-reazzjoni korretta min-naħa tal-UE f'sitwazzjoni ta' kriżi bħal din u jitlob is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' tali miżuri;

23. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-operazzjonijiet ta' Frontex, inklużi l-operazzjonijiet nazzjonali, li jsiru fuq il-baħar ma jwasslux għar-rimpatriju ta' persuni lejn il-Libja jew pajjiż ieħor fejn ħajjithom tkun f'riskju skont il-prinċipju ta' non-refoulement stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw reviżjoni tal-mandat ta' Frontex li tinkludi taħriġ speċifiku dwar il-leġiżlazzjoni ta' protezzjoni internazzjonali u tal-UE għall-uffiċjali ta' Frontex;

24. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-Analiżi Strateġika tal-PEV, jadottaw il-miżuri u l-finanzjament meħtieġa biex il-Libja tkun tista' tiġi inkluża bi sħiħ fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u taqsam il-valuri u l-prinċipji tal-proċess Ewro-Mediterranju kif ukoll il-prinċipji li huwa msejjes fuqhom.

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2011Avviż legali