imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Marietta Giannakou, Hans-Gert Pöttering, Gabriele Albertini, Tunne Kelam, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Lena Kolarska-Bobińska, Elena Băsescu, Michael Gahler, Alf Svensson, Laima Liucija Andrikienė, Inese Vaidere, Vito Bonsignore, Simon Busuttil, Joachim Zeller, Tokia Saïfi, Michèle Striffler, Andrzej Grzyb, Krzysztof Lisek, Vytautas Landsbergis, Artur Zasada, Salvatore Iacolino, Dominique Vlasto, Alfredo Pallone, Philippe Juvin, Traian Ungureanu, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Ernst Strasser, Roberta Angelilli, Véronique Mathieu, Nadezhda Neynsky, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
B7‑0173/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1970(2011), tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), tas-26 ta' Frar 2011,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar li timplimenta r-riżoluzzjoni tal-KSNU u li timponi miżuri restrittivi addizzjonali kontra dawk responsabbli għall-azzjonijiet vjolenti fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili,
– wara li kkunsidra s-sospensjoni, fit-22 ta' Frar, tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti mir-Rappreżentat Għoli/Viċi President Catherine Ashton dwar il-Libja (20 ta' Frar, 23 ta' Frar, 26 ta' Frar, 27 ta' Frar),
– wara li kkunsidra d-diskors li għamel Štefan Füle- Il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, dwar avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fl-Afrika ta' Fuq, fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew fi Brussell, fit-28 ta' Frar 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dimostrazzjonijiet riċenti f’diversi pajjiżi Għarab fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani talbu t-tneħħija ta' reġimi awtoritarji u riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u talbu għal-libertà, id-demokrazija u kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar għaċ-ċittadini,
B. billi mill-15 ta' Frar, il-protesti kontra r-reġim Libjan, li fil-bidu kienu paċifiċi, kienu soġġetti għal attakki ta' vjolenza straordinarja; billi l-Kurunell Gaddafi uża l-forzi armati u milizji tal-Libja biex iwaqqaf il-protesti b'mod vjolenti, anke bl-użu indiskriminatorju ta' armi tan-nar awtomatiċi, suldati mħarrġa biex jisparaw mill-bogħod u ajruplani militari, kontra ċ-ċittadini; billi dan irriżulta f'numru ta' vittmi li qed jiżdied b'rata mgħaġġla ħafna u fejn numru kbir ta' nies indarbu u ġew arrestati,
C. billi wara ġranet sħaħ ta' kunflitti vjolenti bejn id-dimostranti u l-forzi tal-gvern, id-dimostranti issa rnexxielhom jieħdu l-kontroll ta' diversi bliet importanti, inkluża l-belt ta' Bengażi; billi wara li lliberaw il-parti tal-Lvant tal-pajjiż, d-dimostranti li jopponu lill-mexxej Muammar Gaddafi qegħdin jersqu lejn il-kapital Tripoli fejn il-ġlied għadu għaddej,
D. billi l-forzi li jopponu lir-reġim ta' Gaddafi ħadu l-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-kampi tal-gass u ż-żejt, u billi sanzjonijiet tal-enerġija kontra l-Libja, għalhekk, se jmorru kontra l-iskop tagħhom,
E. billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, f'dawn l-aħħar jiem aktar minn 140,000 persuna ħarbu lejn pajjiżi ġirien (b'mod partikolari l-Eġittu u t-Tuneżija) u diversi eluf weħlu fil-fruntieri u jeħtieġu għajnuna fil-pront; billi dan iwassal għal sitwazzjoni ta' emerġenza umanitarja li timplika azzjoni fil-pront min-naħa tal-UE,
F. billi skont ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) 1970 (2011) l-attakki sistematiċi u ġeneralizzati mwettqa mil-Libja kontra ċ-ċittadini jistgħu jirrappreżentaw delitti kontra l-umanità,
G. billi permezz tar-Riżoluzzjoni 1970(2011) tas-26 ta' Frar, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti waqt li aġixxa skont il-Kapitolu VII tal-Karta, impona embargo fuq l-armi u adotta sanzjonijiet kontra Muammar Gaddafi u l-persuni responsabbli għar-ripressjoni, filwaqt li rrefera s-sitwazzjoni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali,
H. billi mit-22 ta' Frar, l-UE ssospendiet n-negozjati li kienu għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja u l-kuntratti ta' kooperazzjoni kollha mal-Libja; billi fit-28 ta' Frar il-Kunsill tal-UE adotta miżuri restrittivi addizzjonali fil-konfront tal-Libja,
I. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal għaqda flimkien b'mod paċifiku huma drittijiet tal-bniedem inaljenabbli li għandhom jiġu rispettati u protetti,
J. billi, hekk kif r-rewwixta tkompli, is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja qiegħda tiddeġenera fejn provvisti mediċi, flimkien ma' fjuwil u ikel, qegħdin isiru aktar skarsi billi skont l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati, aktar minn 140,000 persuna ħarbu mil-Libja lejn it-Tuneżija u l-Eġittu li huma pajjiżi ġirien,
K. billi l-fluss tal-massa u kontinwu ta' persuni spostati wassal ukoll għal sitwazzjonijiet drammatiċi fil-qasam tas-saħħa, u l-interventi umanitarji li ġew mobilizzati minn xi Stati Membri huma rispons effikaċi għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni affettwata,
L. billi l-UE għandha interess kruċjali f'Afrika ta' Fuq demokratika, stabbli, prosperuża u paċifika,
M. billi l-protesti tal-massa f'għadd kbir ta' pajjiżi Għarab urew li reġimi awtoritarji li ma jħaddnux id-demokrazija ma jistgħux jiżguraw l-istabbiltà u li l-valuri demokratiċi ma jistgħux jinfirdu minn sħubijiet ekonomiċi u politiċi,
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan, u b'mod partikolari maż-żgħażagħ Libjani li qegħdin iservu ta' mutur għad-demokrazija u biex issir bidla fir-reġim, u jesprimi s-sostenn tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi, ekonomiċi u soċjali leġittimi tagħhom, jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur sfaċċat u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, u b'mod partikolari r-ripressjoni vjolenti tad-dimostranti mir-reġim ta' Gaddafi, u tal-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li lkoll huma paċifiċi u favur id-demokrazija;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu intenzjonat u sproporzjonat tal-forza u juri dispjaċir profond għan-numru konsiderevoli ta' mwiet u għan-numru għoli ta' nies li ndarbu; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;
3. Jitlob għalhekk għaż-żarmar immedjat tar-reġim brutali u dittatorjali tal-Kurunell Gaddafi u jitlob lill-istess Gaddafi biex iċedi immedjatament sabiex ma jkunx hemm aktar tixrid tad-demm u biex transizzjoni politika paċifika, tkun tista' sseħħ; jistieden lill-awtoritajiet Libjani biex iwaqqfu immedjatament il-vjolenza biex tkun tista' tinstab soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni li tissodisfa l-aspettattivi leġittimi tal-poplu Libjan; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, ineħħu kull restrizzjoni kontra l-libertà tal-espressjoni, anke permezz tal-internet, u jagħtu aċċess immedjat lill-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-midja barranija;
4. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jieħdu kull miżura possibbli biex jiżolaw kompletament lil Gaddafi u lir-reġim tiegħu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali;
5. Jitlob biex kumitat ta' investigazzjoni internazzjonali indipendenti jinvestiga l-inċidenti li wasslu għall-imwiet, għall-korrimenti u għall-arresti matul l-avvenimenti li seħħew fil-Libja mill-15 ta' Frar; jenfasizza li dawk responsabbli għall-attakki kontra ċ-ċittadini huma individwalment responsabbli għal delitti kriminali f'għajnejn il-liġi internazzjonali, u għandha ssir ġustizzja minnhom u ma jista' jkun hemm l-ebda impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, l-fatt li l-KSNU rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u jistieden lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Qorti u mal-Prosekutur tagħha ħalli ssir ġustizzja fil-pront;
6. Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-1 ta' Marzu 2011 li tissospendi d-drittijiet ta' sħubija tal-Libja fil-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem. Din is-sħubija, mill-bidu nett, kienet paradoss, speċjalment fid-dawl tal-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Libja;
7. Huwa tal-fehma li l-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja teħtieġ azzjoni determinata u miftiehma mill-komunità internazzjonali; jilqa' għalhekk l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) mill-KSNU li timponi embargo fuq l-armi, tiffriża l-beni, u tiċħad il-ħruġ ta' viża f'isem Muammar Gaddafi jew f'isem persuni oħra involuti fir-ripressjoni vjolenti tal-protesti; jieħu nota li l-UE kienet l-ewwel li implimentat is-sanzjonijiet deċiżi mill-KSNU u li l-miżuri tal-UE imorru lil hinn minnhom, u jimponi sanzjonijiet awtonomi; jilqa' għalhekk d-deċżijoni tal-Kunsill li tipprojbixxi kull kummerċ mal-Libja ta' tagħmir li jista' jintuża fir-ripressjoni interna, kif ukoll l-estensjoni tal-lista ta' persuni soġġetti għal iffriżar tal-beni u ċ-ċaħda li toħroġ viża f'ismihom;
8. Jesprimi tħassib profond li s-sitwazzjoni fil-Libja li qed tiddeġenera tista' twassal għal spustjar straordinarju ta' persuni li qegħdin jaħarbu kemm lejn il-fruntiera tat-Tuneżija kif ukoll lejn dik tal-Eġittu u l-Ewropa;
9. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-aġenzija Frontex biex jiżguraw li l-miżuri kollha meħtieġa, li jinkludu riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati, ikunu stabbiliti biex jiżguraw li l-UE tkun tista' tagħti rispons xieraq fil-każ ta' moviment migratorju tal-massa, b'konformità mal-Artikolu 80 tat-TFUE;
10. Jitlob biex l-effikaċja tas-sanzjonijiet tkun valutata b'mod kostanti; jilqa' f'dak il-kuntest id-diskussjonijiet dwar sanzjonijiet ulterjuri tal-UE li jinkludu wkoll l-iffriżar tal-assi ta' kumpaniji Libjani li għandhom xi rabta mar-reġim ta' Gaddafi;
11. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Istati Membri biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni u biex jagħmlu preparazzjonijiet biex ikunu lesti li jadottaw, b'kooperazzjoni mill-qrib man-NU, miżuri aktar ibsin, li jinkludu żoni ħielsa minn kull titjira u possibbilment miżuri militari oħra, biex ma jibqax ikun hemm tixrid tad-demm u biex ir-reġim ta' Gaddaffi jispiċċa iżolat għalkollox;
12. Jinsab profondament imħasseb bis-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja li qed tiddeġenera, kif ukoll bis-sitwazzjoni tar-rfuġjati li jinsabu fil-fruntieri tagħha u madwarhom; jenfasizza li eluf ta' persuni weħlu fuq in-naħa Libjana tal-fruntiera mal-Eġittu u t-Tuneżija u ma ngħatawx id-dritt li jaqsmu, u għaldaqstanat dan qed iwassal għal sitwazzjoni ta' emerġenza umanitarja; jistieden lill-awtoritajiet Libjani tal-preżent u tal-ġejjieni biex jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet umanitarji u jiggarantixxu s-sikurezza tal-persunal umanitarju; jenfasizza li l-UE għandha tevalwa b'urġenza l-bżonnijiet umanitarji fil-Libja u fil-pajjiżi ġirien u timmobilizza fil-pront l-għajnuna finanzjarja u umanitarja kollha meħtieġa; jilqa' l-miżuri li ttieħdu u l-fondi li ġew allokati s'issa mill-Kummissarju Georgieva u minn ECHOM kif ukoll l-għajnuna umanitarja pprovduta minn xi Stati Membri biex din l-isfida tiġi indirizzata;
13. Jilqa' t-tlaqqigħ fil-11 ta' Marzu, ta' Kunsill Ewropew straordinarju dwar l-iżviluppi fil-Libja u fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jistieden lir-Rappreżentatnt Għoli/Viċi President u lill-Istati Membri biex ifasslu strateġija komprensiva u koerenti għar-rispons umanitarju u politiku għas-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż;
14. Jistieden lill-UE biex tieħu rwol ewlieni anke fl-iżvilupp fit-tul politiku, ekonomiku u soċjali tal-Libja; jiltob f'dan il-kunstest li għandha tingħata prijorità lill-għajnuna għall-ħolqien ta’ istituzzjonijiet u għar-riformi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, governanza tajba u pluralistika, u Libja paċifika u demokratika; jitlob lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex tuża bis-sħiħ l-istrumenti finanzjarji esterni rilevanti kollha tal-UE;
15. Jistieden f'dan il-kuntest lill-UE biex tmantni djalogu permanenti mal-oppożizzjoni Libjana;
16. Huwa tal-fehma li l-bidliet rivoluzzjonarji li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani wrew biċ-ċar li l-impatt pożittiv u l-kredibbiltà fit-tul tal-UE f'dak ir-reġjun se jiddependu fuq kemm hi kapaċi twettaq politika komuni barranija koeżiva li hija bbażata fuq il-valuri u li se xxaqleb b'mod ċar lejn il-forzi demokratiċi ġodda; itenni t-talba tiegħu biex l-UE teżamina mill-ġdid il-politika tagħha għas-sostenn tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi;
17. Itenni t-talba tiegħu li jkun assoċjat fil-qrib mal-ħidma tat-Task force li twaqqaf biex jikkoordina r-rispons tal-UE għall-kriżi fil-Libja u f'pajjiżi oħra fir-reġjun Mediterran;
18. Jenfasizza darb'oħra li l-avvenimenti li seħħew fil-Libja, u f’pajjiżi oħra fir-reġjun, jitfgħu dawl fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effikaċi biex iħeġġu u jsostnu riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li r-Rieżami Strateġiku kontinwu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jirrifletti żviluppi attwali fir-reġjun u għandu joħroġ b’metodi ġodda mtejba biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu; jinsisti li r-rieżami tal-politika tal-viċinat irid jagħti prijorità lill-kriterji marbuta mal-indipendenza tal-ġudikatura, mar-rispett tal-libertajiet fundamentali, mal-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob għal koordinazzjoni aħjar mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi;
19. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tadatta għall-epoka ġdida u għaċ-ċirkostanzi l-ġodda u għandha tirrifletti dwar l-avvenimenti riċenti u taġixxi fil-konfront tagħhom sabiex tressaq proposti dwar kif l-aħjar tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tagħha u fir-reġjun, inkluża l-Libja, u dwar ir-riformi possibbli li jsaħħu r-rwol tagħha stess u tagħmlu koerenti u aktar effikaċi;
20. Iqis li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt f’pajjiżi terzi huma kriterji fundamentali biex jintlaqgħu l-aspettattivi tal-poplu kif ukoll biex jiġi attirat l-investiment barrani;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-awtoritajiet u lill-oppożizzjoni Libjani.