Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0229/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0229/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (13 ta’ Mejju 2011)

30.3.2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Eleni Theocharous, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Michèle Striffler, Maurice Ponga, Alf Svensson f'isem il-Grupp tal-PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0228/2011

Proċedura : 2011/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0229/2011
Testi mressqa :
B7-0229/2011
Testi adottati :

B7‑0229/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (9-13 ta’ Mejju 2011)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-NU għal Politika tal-Iżvilupp (CDP) biex jidentifikaw il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati ta' Settembru 1990,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) imsejjaħ 'Il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati - Rapport 2002 - Kif jiskappaw min-Nassa tal-Faqar”,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Brussell għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati addottat fit-Tielet Konferenza tan-NU dwar l-LDCs , fi Brussell, f'Mejju 2001,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-SĠ tan-NU dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għal-LDCs għad-Deċenju 2001-2010 (A/65/80),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 63/27 tal-2009 tal-AĠ tan-NU dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni ta’ Brussell għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati għad-deċenju 2001-2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/213 tal-2010 tal-AĠNU dwar ir-Raba’ Konferenza dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-UE "Kollox ħlief Armi"

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju f'Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-Pożizzjoni tal-UE fil-perspettiva tar-Raba’ Konferenza tan-NU dwar l-LDCs,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou u l-protokolli relatati tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1971 in-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxew li l-LDCs kienu “l-aktar sezzjoni fqira u dgħajfa” tal-komunità internazzjonali; u billi n-numru ta’ LDCs kważi rdoppja – minn 25 għal 49 – minn meta nħolqot din il-kategorija ta’ pajjiżi,

B.  billi mill-1981 ‘l hawn il-komunità internazzjonali stabbiliet tliet programmi ta' azzjoni, biex jimmobilizzaw l-appoġġ globali għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-LDCs ,

C. billi t-tielet konferenza tan-NU dwar l-LDCs bi programm ta’ 10 snin li jiddefinixxi miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-imsieħba tagħhom fl-iżvilupp sabiex jitnaqqas il-faqar estrem u l-ġuħ kroniku permezz ta’ intervenzjonijiet ffokati fuq oqsma konnessi ma’ xulxin;

D. billi, fil-perspettiva tat-tmiem tal-Programm ta’ Brussell, l-AĠNU li ltaqgħet fir-4 Konferenza tan-NU f’Istambul dwar il-pajjiżi l-anqas żviluppati sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u lezzjonijiet li tgħallmu, jidentifikaw politiki u sfidi li l-LDCs se jħabbtu wiċċhom magħhom fid-deċenju li ġej u l-azzjonijiet meħtieġa;

E.  billi matul id-deċenju li għadda tliet pajjiżi biss, il-Botswana, il-Kap Verde u l-Maldive għaddew il-livell gradwatorju tal-LDCs,

F.  billi minkejja xi riformi politiċi fil-fond l-LDCs ma kinux kapaċi jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ risorsi amministrattivi u finanzjarji li ġarrbu,

G. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika, kif ukoll is-sikurezza tal-ikel u l-kriżi tal-enerġija taw prova tal-vulnerabilità estrema tal-LDCs għal xokkijiet esterni u komplew ibiddlu l-iżvilupp uman tagħhom,

H. billi nofs il-popolazzjonijiet tal-LDCs - li jirrapreżentaw aktar minn 800 miljun persuna – mhumiex kapaċi jissodisfaw id-drittijiet funadmentali tagħhom u l-bżonnijiet bażiċi f’termini ta’ sikurezza tal-ikel u awtosuffiċjenża; billi l-LDCs jiġbru flimkien ħafna fatturi tal-faqar, inkluż in-nuqqas ta’ edukazzjoni, saħħa u infrastruttura soċjali, kif ukoll vulnerabilità kbira għad-diżastri nazzjonali;

I.   billi l-medja tal-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tela’ biss minn 0.34 għal 0.39 bejn l-2000 u l-2010; u l-medja tal-LDCs qed ilaħħqu biss ma’ tnejn mis-seba’ indikaturi tal-MDGs;

J.   billi minkejja ż-żieda l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (l-ODA) għadha lura ħafna mill-mira ta’ 0.2% li ffissa l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Brussell u l-maġġoranza tal-LDCs għadhom qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar estrem, man-nuqqas ta' kapaċità produttiva u man-numru dejjem jikber ta' nies qiegħda,

K. billi l-istaġnar ekonomiku jirriżulta l-aktar min-nuqqas ta’ stabbilità, inkwiet ċivili, governanza fqira u korruzzżżjoni; u billi kważi terz tal-LDCs ġew milquta jew huma milquta minn konflitti vjolenti,

L.  billi d-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u d-deċiżjoni approvata mill-Kunsill f'Mejju 2005, jinvolvu politika koerenti li tinkludi l-oqsma tal-kummerċ, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, il-bidla l-bidla fil-klima, it-trasport, l-enerġija, is-sikurezza alimentari, il-migrazzjonijiet kif ukoll il-politiki komuni tas-sajd u tal-agrikoltura tagħha;

M. billi l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli jimplika appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li huma komponenti essenzjali tal-politika għall-iżvilupp tal-UE,

1.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-AĠNU li tlaqqa’ r-raba’ Konferenza tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati f’Mejju 2011 bħala opportunità għall-komunità internazzjonali sabiex tafferma mill-ġdid l-impenn globali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-LDCs u timmobilizza miżuri addizzjonali favurhom;

2.  Jitlob li jkun hemm evalwazzjoni komprensiva tal-Programm ta’ Azzjoni ta’ Brussell u jqis li l-programm il-ġdid għandu jġib miegħu riżultati konkreti, b'miri u indikaturi ċari, abbażi ta' monitoraġġ effiċjenti u trasparenti u b'mekkaniżmi ta' tkomplija;

3.  Jenfasizza li bħala prinċipju l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandha tkun disponibbli għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw iżda l-LDCs iridu jingħataw attenzjoni speċjali billi l-eradikazzjoni tal-faqar tibqa’ mira primarja;

4.  Ifakkar fil-mira tal-gradwazzjoni mill-kategorija ta’ LDC u jindika l-qafas stipulat mis-Samit tal-MDG f’Settembru 2010 sabiex titħaffef l-eradikazzjoni tal-faqar, jinħoloq tkabbir sostenibbli u inklusiv, governanza tajba u trawwim ta’ kapaċitajiet;

5.  Jerġa’ jafferma l-importanza li tintlaħaq il-mira tal-Għajnuna għall-Iżvilupp minn 0.15% għal 0.20% sabiex l-LDCs jimmobilizzaw għal dan l-iskop ir-riżorsi domestiċi u, bħala miżura komplementarja, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi;

6.  Iqis li l-UE, bħala l-akbar donatur ta’ għajnuna, għandha tkompli tmexxi l-appoġġ għal-LDCs bl-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni u bl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni mal-imsieħba tal-LDCs b’mod li jinkuraġġixxi r-responsabilizzazzjoni u l-obbligi reċiproċi;

7.  Ifakkar li l-għan fuq tul ta’ żmien tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonmiku sostenibbli; jenfasizza għalhekk il-bżonn tal-identifikazzjoni tal-bżonnijiet u l-istrateġiji, tad-diversifikazzjoni u l-preparazzjoni għal-liberalizzazzjoni billi tisseddaq il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ forniment u kummerċ, u ż-żieda fl-abilità tal-LDCs li jattiraw l-investiment;

8.  Jenfasizza li huwa kompitu tal-gvernijiet tal-LDCs li jorganizzaw it-tranżizzjoni għal produzzjoni aktar diversifikata; jistieden lill-UE sabiex tappoġġja msieħba fit-trawwim tal-kapaċità tagħhom li jimxu fuq proċess ta’ mmaniġġjar ta’ żvilupp koerenti, billi huwa essenzjali li tiġi żgurata r-responsabbiltà tal-LDCs għall-proċess ta’ żvilupp tagħhom,

9.  Jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri ġodda għall-integrazzjoni tal-LDCs f’ekonomija globali u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-swieq Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-għajnuna relatata mal-kummerċ sabiex tgħin il-pajjiżi l-aktar fqar jindirizzaw il-kompetizzjoni li tirriżulta mil-liberalizzazzjoni tas-suq;

10. Itenni li l-inizjattiva ‘Kollox ħlief Armi’ tal-UE għandha tkompli tikkostitwixxi l-pern tar-relazzjonijiet tal-UE mal-LDCs billi toffri aċċess ħieles u bl-ebda kwoti għall-prodotti tal-LDCs; jenfasizza li s-sistema ġiet ikkompletata b’regoli ta’ oriġini aktar sempliċi u aktar faċli għall-iżvilupp għas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzata (GSP) tal-UE li għandha tiffaċilità l-kummerċ mal-LDCs;

11. Iqis li l-pajjiżi żviluppati kollha u l-biċċa kbira ta’ pajjiżi emerġenti għandhom jifħu s-swieq tagħhom għall-prodotti tal-LDCs b’inizjattivi simili;

12. Huwa konxu mill-fatt li ‘Kollox ħlief Armi’ ma’ laħqitx kompletament il-miri oriġinali tagħha u għalhekk il-kwalità u l-volum ta’ kummerċ minn LDCs għas-suq tal-UE ma laħqux l-aspettativi, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ infrastutturi adegwati għall-kummerċ u l-portijiet; huwa favur l-iżvilupp ta’ tali infrastrutturi li jibqgħu ċ-ċavetta sabiex jiżdiedu kapaċitajiet kummerċjali;

13. Jenfasizza l-importanza ta’ kummerċ reġjonali u integrazzjoni reġjonali bħala fatturi kruċjali għat-tkabbir tal-perspettivi u d-daqs tas-swieq tal-LDCs; f’dan il-kuntest jenfasizza li FSEs ((Ftehim ta' Sħubija Ekonomika ) li jkunu bilanċjati u komprensivi jistgħu jwasslu għal appoġġ partikolari għat-trawwim ta’ tkabbir u l-faċilizzazzjoni tal-kapaċità kummerċjali;

14. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni reġjunali u involviment akbar ta’ dawk kollha interessati, inklużi atturi nazzjonali u reġjunali, parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat;

15. Jitlob li tingħata prijorità għas-sikurezza tal-ikel u l-kapaċità produttiva fl-agrikultura f’LDCs permezz ta’ miżuri effettivi għall-volatilità tal-prezzijiet, prezzijiet regolati għall-materja prima, il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-vulnerabilità tal-LDCs;

16. Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma vitali għall-effettività ta’ politiki għall-iżvilupp u li l-UE għandu jkollha approċċ aktar koordinat sabiex tindirizza kwistjonijiet ta’ stabbilità f'LDCs, u għandha tappoġġja sforzi sabiex jinkisbu l-kapaċitajiet sabiex jitrawmu stati paċifiċi, demokratici u inklusivi;

17. Iħeġġeġ lill-imsieħba tal-UE u tal-LDCs sabiex iseddqu l- koperazzjoni fil-promozzjoni ta’ governanza tajba, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza sesswali;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.