imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun
Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tagħlimiet li għandna nisiltu għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa wara l-inċident nukleari fil-Ġappun
B7‑0242/2011
Il-Parlament Ewropew,
– Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 153 (Politika Soċjali), 168 (Is-Saħħa Pubblika), 192 (L-Ambjent) and 194 (Enerġija) tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel,
– wara li kkunsidra d-diżastru nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima Daiichi fil-Ġappun,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-inċident nukleari ewlieni li seħħ fl-impjant tal-enerġija ta' Fukushima Daiichi, sussegwentement għat-terremot devastanti u tsunami ta' wara, għandu konsegwenzi qawwija ħafna għas-saħħa, l-ambjent u l-kontaminazzjoni ta' prodotti tal-ikel, li l-effetti sħaħ tagħhom mhux se jkunu magħrufa qabel ma jgħaddu bosta snin,
B. billi l-avvenimenti traġiċi f’Fukushima juru għal darba oħra li "riskju żero" ma jeżistix fil-qasam nukleari, għalkemm dan il-kunċett ta’ “riskju żero” huwa waħda mill-prekundizzjonijiet tal-aċċettabilità tal-enerġija nukleari, minħabba l-konsegwenzi enormi f’każ ta' inċidenti; billi l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe "test tal-istress" qatt mhija se tirriżulta fil-kisba ta' "riskju żero",
C. billi, fid-dawl tad-diżastru nukleari attwali fil-Ġappun, huwa importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jersqu b'mod urġenti lejn ekonomija bbażata kompletament fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli effiċjenti,
D. billi kemm l-IAEA kif ukoll il-Euratom huma impenjati favur il-promozzjoni tal-industriji nukleari filwaqt li għandhom ir-rwol antagonist li fl-istess ħin huma responsabbli għat-tfassil ta' standards ta' sikurezza nukleari fid-dinja kollha u fl-UE rispettivament,
E. billi d-WHO hija l-awtorità internazzjonali tas-saħħa li fuqha n-nies tad-dinja jiddependu biex tistabbilixxi linji gwida u standards tas-saħħa fl-oqsma kollha tas-saħħa; billi l-ftehim WHA 12-40, iffirmat fit-28 ta' Mejju 1959, bejn id-WHO u l-IAEA fil-fatt jimpedixxi li d-WHO tipprovdi informazzjoni essenzjali, twettaq azzjoni xierqa u tissodisfa r-rwol kostituzzjonali tagħha fil-qasam tas-saħħa u r-radjazzjoni,
F. billi xi Stati Membri u pajjiżi ġirien bnew - jew qed jippjanaw il-bini ta’ - faċilitajiet nukleari f’żoni ta’ riskju sismiku u ta’ għarar qawwi,
1. Jesprimi, wara t-terremot, it-tsunami u l-katastrofu nukleari, is-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu Ġappuniż u joffri l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-vittmi ta’ dan id-diżastru triplu; ifaħħar il-mobilizzazzjoni, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Ġappuniż, tal-ħaddiema f’Fukushima u tal-awtoritajiet b'reazzjoni għal dan id-diżastru;
2. Jinnota li l-inċident nukleari ewlieni ta' Fukushima huwa l-aktar wieħed riċenti minn ħafna inċidenti u aċċidenti oħra relatati mal-qasam nukleari, li jseħħu sena wara l-oħra madwar id-dinja kollha - inkluż fl-UE, fit-tipi kollha ta' faċilitajiet nukleari u f’kull tip ta' disinn ta' reattur (eż. Three Mile Island (l-Istati Uniti tal-Amerika), Chernobyl (l-Ukraina), Windsccale (ir-Renju Unit), Tihange u Fleurus (il-Belġju), Civaux 1 u Blayais 2 (Franza), Phillipsburg, Krümmel u Brunsbüttel (il-Ġermanja), Kozloduy 5 (il-Bulgarija), Paks (l-Ungerija), Forsmark u Barseback 2 (l-Isvezja), Kashiwazaki (il-Ġappun), eċċ.);
3. Jinnota li, minkejja li tlieta mis-sitt reattur fl-impjant ta' Fukushima Daiichi ma kienux qed joperaw fil-mument tat-terremot tal-11 ta’ Marzu 2011, il-vireg ta’ fjuwil użat tagħhom fit-tankijiet ta’ ħażna ġarrbu ħsarat kbar u kienu ta’ kontribut għall-kontaminazzjoni ta’ radjuattività; jinnota wkoll li avvenimenti simili diġà seħħew fl-Ewropa (eż. f’Paks, l-Ungerija, fl-2003);
4. Jirrikonoxxi li sakemm l-impjanti u l-faċilitajiet nukleari jibqgħu joperaw dejjem se jibqa' riskju residwu; minħabba li l-possibilità ta' inċident serju fil-futur ma tistax tiġi eskluża kompletament, jirrikonoxxi wkoll li mhuwiex għaqli li tiġi injorata l-possibilità li jseħħ xi inċident mhux mixtieq sempliċiment abbażi tal-probabilità remota li dan jiġri jew abbażi tar-riżultati ta' kwalunkwe ‘test tal-istress’;
5. F'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE biex jabbandunaw l-impenn tagħhom għat-teknoloġija tal-enerġija nukleari li ġġorr magħha riskju għoli u, fir-rigward ta’ dawk li diġà jużaw l-enerġija nukleari, biex issa jibdew tneħħija gradwali. Dan jimplika:
• L-ebda bini ġdid ta' kwalunkwe faċilità nukleari, inkluża t-terminazzjoni ta' dawk il-proġetti diġà ppjanati jew li jinsabu taħt kostruzzjoni;
• Fil-proċess ta’ tneħħija nukleari gradwali, ir-reatturi u faċilitajiet nukleari oħra li joħolqu riskji akbar għandhom jingħalqu immedjatament, jiġifieri r-reatturi nukleari kollha u installazzjonijiet nukleari oħrajn fir-reġjuni sismiċi jew żoni kostali b'riskju sinifikanti ta’ inondazzjoni tal-baħar jew tsunami, ir-reatturi kollha bla konteniment sekondarju jew sħiħ tal-pressjoni, ir-reatturi nukleari tal-ilma jagħli kollha (BWR) li jużaw sistema tat-tkessiħ unika u l-ħżin ta’ fjuwil użat barra mill-konteniment u l-installazzjonijiet nukleari kollha mibnija qabel l-1980;
• Projbizzjoni immedjata fuq l-ipproċċessar mill-ġdid ta' fjuwil użat fl-UE;
• L-elaborazzjoni qabel tmiem l-2011 ta’ strateġija biex jiġi spostat il-fjuwil użat kollu mit-tankijiet għal ħżin niexef hekk kif il-livell tas-sħana residwa jippermetti dan;
• Projbizzjoni immedjata fuq il-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils nukleari b’ossidu mħallat (MOX);
6. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni tinforza l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE tar-responsabilità ta' terzi persuni sħiħa tal-operaturi nukleari u d-detenturi ta’ liċenzja tal-iskart nukleari għal inċidenti u l-ġestjoni tal-iskart fit-tul fir-rigward ta’ kwalunkwe ħsara kkawżata minn attivitajiet bħal dawn, inkluża ħsara lill-ambjenti tal-art, tal-ilma u tal-baħar;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' implimentazzjoni u miżuri qawwija biex isir progress lejn ekonomija li tuża enerġija ta' riskju baxx b'miri intermedji konkreti sabiex l-għan ta' ekonomija bbażata kważi 100% fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli effiċjenti, isir realtà sal-2050; jinsisti li l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li ġej jirrifletti dan l-objettiv;
8. Jitlob, fit-triq lejn din l-ekonomija effiċjenti f’sens ta’ enerġija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas legali ambizzjuż għall-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija sabiex jitnaqqas il-konsum assolut tal-enerġija tagħna mill-inqas b’20% fl-2020, bi 33% sa l-2030 u b’50% sal-2050 meta mqabbel mal-konsum ta' enerġija attwali tal-UE;
9. Jitlob, fit-triq lejn ekonomija bi kważi 100% ta’ enerġija rinnovabbli sal-2050, li l-mira legalment vinkolanti tal-użu ta' enerġiji rinovabbli għall-2020 tiżdied għal 30% u tiġi stabbilita mira intermedjarja ġdida ta' 45% li għandha tintlaħaq sal-2030, sabiex dawn l-enerġiji jiġu sfruttati;
10. Ifakkar li, fil-proposta tagħha tal-2008 li twaqqaf qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari, il-Kummissjoni tilfet opportunità ċara li tipproponi t-twaqqif ta' standards komuni li jiggarantixxu livell għoli ta' sikurezza nukleari(1); ifakkar li din il-proposta kienet taqa’ taħt it-Trattat Euratom fejn il-Parlament Ewropew ma għandu l-bda setgħa koleġiżlattiva; jiddeplora li l-istituzzjonijiet dak iż-żmien warrbu standards ta’ sikurezza vinkolanti(2); jiddeplora wkoll li l-Istati Mrmbri lanqas biss ikkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' April 2009(3) biexi jagħmlu l-prinċipji ta’ sikurezza sempliċi tal-IAEA rekwiżit legali u mhux volontarju;
11. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid l-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta ir-rieżami tagħha skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tinforza l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE ta’ standards ta’ sikurezza komprensivi, vinkolanti u effikaċi li jirriflettu l-aktar prattiki moderni fil-livell regolatorju u operattiv u l-Aħjar Teknoloġija Disponibbli fil-faċilitajiet nukleari kollha sakemm finalment jingħalqu;
12. Jiddispjaċih ħafna dwar id-dgħufija tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011 fir-rigward tal-hekk imsejħa “testijiet tal-istress”, b’mod partikulari peress li saru volontarji;
13. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta valutazzjoni sħiħa tar-riskju u s-sikurezza (testijiet tal-istress) għall-installazzjonijiet nukleari kollha; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni flimkien mal-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) tinforza l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE ta’:
• Rieżami tas-sikurezza tal-installazzjonijiet eżistenti u ppjanati kollha, inklużi l-iskart radjuattiv u t-tankijiet tal-vireg tal-fjuwil użat, sa mhux iktar tard mill-aħħar tal-2011. F’dan il-kuntest, jitlob proċess trasparenti, komprensiv u mmexxi b’mod indipendenti li jwassal għal valutazzjoni sħiħa tar-riskju u tas-sikurezza obbligatorja (“testijiet tal-istress”);
• Il-kriterji, l-parametri u l-kontenut ġenerali għandhom jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ esperti indipendenti innominati mill-partijiet interessati kollha; Il-Parlament Ewropew u l-pubbliku jeħtieġu aċċess sħiħ għad-dokumenti użati għal dawk it-testijiet u aġġornamenti regolari; jitlob, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni, biex sa mhux iktar tard mill-15 ta' April, tippreżenta skeda ta' żmien konkreta u preċiża flimkien mal-ismijiet tal-korpi u l-esperti indipendenti li se jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-kriterji preċiżi li se jkunu japplikaw għal dawn it-"testijiet tal-istress";
• Dawn it-testijiet tal-istress m’għandhomx jiddependu biss fuq analiżi probabilistika tas-sikurezza (PSA, PRA), iżda wkoll fuq analiżi deterministika. Dan ifisser li biex jiġi pprovat li kwalunkwe installazzjoni nukleari individwali tista’ tiflaħ saħansitra akkumulazzjoni ta’ avvenimenti raru, inkluż żball tal-bniedem.
• Kull faċilità nukleari li ma tissodisfax dawn it-testijiet, inkluża valutazzjoni tal-kapaċità tagħha li tiflaħ għar-riskju ta' tiġrif ta' ajruplan kummerċjali, attakk terroristiku, u fejn ir-riskju ta' rilaxxi radjuattivi fl-ambjent (PSA livell 2) u għall-popolazzjoni (PSA livell 3) ma jistax jiġi eskluż se jingħalqu sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2012;
• L-estensjoni ta’ ħajja teknika ta’ tletin sena tal-faċilitajiet nukleari se tiġi pprojbita indipendentement mir-riżultati tat-“testijiet tal-istress”;
14. Jiddispjaċih min-nuqqas ta’ informazzjoni, informazzjoni mhux preċiża u d-dewmien biex il-pubbliku jiġi infurmat u s-sottovalutazzjoni kontinwa tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u ta’ Tokyo Electric Power Company (TEPCO) l-operatur tal-impjant nukleari ta’ Fukushima;
15. Barra minn hekk jiddispjaċih mir-rwol doppju u antagonist tal-IAEA, fil-promozzjoni tal-enerġija nukleari u fit-twaqqif globali ta’ standards ta’ sikurezza nukleari; jistieden lill-Istati Membri tal-IAEA jiżguraw l-indipendenza totali tal-Aġenzija mill-industrija nukleari; jistieden ukoll lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tiddeċieda dwar separazzjoni ċara tar-rwol tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari u tas-sikurezza nukleari;
16. Jinnota l-importanza tat-tixrid ta' informazzjoni serja u indipendenti fuq is-saħħa u l-konsegwenzi ambjentali matul u wara inċidenti nukleari bħall-avvenimenti katastrofiċi f’Fukushima Daiichi u Chernobyl; jirrikonoxxi li r-rwol doppju tal-IAEA u l-ftehim WHO/IAEA iffirmat fl-1959 (ftehim WHA 12-40) ostakolaw it-tixrid ta' tali informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tad-WHO jissottomettu it-terminazzjoni tal-ftehim WHO/IAEA WHA 12-40, li jostakola d-WHO milli tieħu kwalunkwe inizjattiva jew azzjoni biex tikseb l-għanijiet tagħha, jiġifieri l-preservazzjoni u titjib tas-saħħa, għall-votazzjoni matul l-Assemblea Ġenerali tad-WHO li jmiss;
17. Jinnota bi tħassib kbir li qed tiġi rrapportata kontaminazzjoni sinifikanti tal-arja, il-ħamrija, l-ikel u l-prodotti tal-ikel ġurnata wara l-oħra wara l-inċident ta’ Fukushima;
18. Iħeġġeġ lill-Gvern Ġappuniż ikabbar iż-“żona ta’ esklużjoni” għar-eġjuni fejn qed tiġi rreġistrata radjuattività għolja; barra minn hekk jitlob iktar trasparenza dwar il-livelli ta’ radjuattività u kontaninazzjoni u biex il-pubbliku jingħata data u informazzjoni regolari u trasparenti dwar ir-riskji ulterjuri, b’mod partikulari fir-rigward tal-kontaminazzjoni tal-ikel u tal-prodotti tal-ikel mhux biss mill-jodju u ċ-ċesju iżda wkoll minn radjunukledi oħra bħalma huma l-istronzju u l-plutonju;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont ir-regolament tal-UE li jirregola t-tkejjil tal-ikel ikkontaminat f’każ ta’ inċident nukleari, biex immedjatament jadottaw livelli permessibbli massimi fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata protezzjoni tal-popolazzjoni l-iktar vulnerabbli u skont l-avvanzi xjentifiċi fil-valutazzjoni tad-dożi ta’ espożizzjoni u impatti fuq is-saħħa; barra minn hekk jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju ewlieni ta’ regolamentazzjoni f’dan il-qasam huwa l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u mhux il-preżervazzjoni ta' interess kummerċjali jew is-suq intern;
20. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 297/2011 tal-25 ta’ Marzu li jippermettu l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ikel u tal-għalf ikkontaminati li joriġinaw minn ċerti provinċji Ġappuniżi b'kontaminazzjoni fil-livelli massimi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 3954/87, u minflok tiġi pprojbita l-importazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ ikel u prodotti tal-ikel importati mir-reġjuni kkontaminati tal-Ġappun. Fl-istess ħin, għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ kumpens għall-bdiewa u s-sajjieda Ġappuniżi għat-telf ekonomiku li jirriżulta minn dawn il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet;
21. Jitlob il-projbizzjoni ta' ċerti kategoriji ta' ikel u prodotti tal-ikel importati mir-reġjuni kkontaminati tal-Ġappun filwaqt li fl-istess ħin jiġu stabbiliti miżuri ta' kumpens għall-bdiewa u s-sajjieda Ġappuniżi għat-telf ekonomiku li jirriżulta minn dawn il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffinanzjaw programmi xjentifiċi indipendenti fiż-żoni kkontaminati, madwar Chernobyl jew Fukushima, biex itejbu l-għarfien tal-konsegwenzi fuq medda ta' żmien qasira u fit-tul tal-irradjazzjoni u l-kontaminazzjoni fuq in-nies u l-ambjent; jitlob li r-riżultati ta’ dawn il-programmi jiġu ppubblikati b’mod sħiħ;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal ċaqlieqa immedjata u profonda fil-politika tal-enerġija li twassal għal ekonomija Ewropea bbażata kompletament fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli effiċjenti sa mhux iktar tard mill-2050;
24. Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u banek pubbliċi oħrajn jiffriżaw il-finanzjament pubbliku għall-fużjoni nukleari, inkluż l-ITER, jew għall-fissjoni, ħlief għad-dekommissjonar ta' faċilitajiet nukleari;
25. Bħala kwistjoni ta’ demokrazija, involviment tal-Parlament Ewropew, trasparenza u aċċess pubbliku sħiħ għall-informazzjoni, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jittrattaw l-enerġija nukleari bħal kwalunkwe sors ieħor ta’ enerġija skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; għalhekk jitlob ir-revoka tat-Trattat Euratom;
26. Jitlob lill-Kummissjoni tissepara l-kompiti tal-politika tal-enerġija tagħha, inkluża l-promozzjoni nukleari, mil-kompiti ta’ sikurezza tagħha; jitlob li dawn il-kompiti tal-aħħar ikunu taħt ir-responsabilità tad-Direttorati Ġenerali tagħha għall-Ambjent u s-Saħħa;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Euratom u l-ENSREG.
Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill (Euratom) li twaqqaf qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari – Rapporteur Gunnar Hokmark - A6-0236/2009 –3.4.2009.