Proċedura : 2011/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0258/2011

Testi mressqa :

B7-0258/2011

Dibattiti :

PV 06/04/2011 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2011 - 6.7

Testi adottati :

P7_TA(2011)0152

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 116kDOC 69k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0256/2011
4.4.2011
PE459.795v01-00
 
B7-0258/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Côte d'Ivoire


Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Côte d'Ivoire  
B7‑0258/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi jinsab imħasseb bil-fatt li faqqgħet gwerra ċivili fil-Côte d'Ivoire bejn Outtara, ir-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali ta' Novembru 2010, u Gbagbo,

B.  billi l-kombattenti pro-Ouattara daħlu f'Abidjan, fejn qiegħed iseħħ ġlied qalil bejn is-suldati leali għall-president fil-kariga u l-armata ta' Alassane Outtara,

C. billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-forzi ta' Ouattara kkommettew eżekuzzjonijiet kapitali extraġudizzjarji kontra allegati sostenituri ta' Gbagbo u kontra kombattenti detenuti fit-territorju ta' Ouattara,

D. billi kienu kommessi abbużi tad-drittijiet tal-bniedem anki mis-suldati leali għal Gbagbo kontra s-sostenituri ta' Ouattara,

E.  jinsab estremament inkwetat bl-atroċitajiet ulterjuri kontra d-drittijiet tal-bniedem u bir-rappreżalji kontra l-fazzjonijiet avversarji li se jkomplu jaggravaw it-tbatija taċ-ċivili,

F.  billi fallew l-isforzi diplomatiċi favur soluzzjoni paċifika għall-istall politiku postelettorali li fih iż-żewġ kandidati Ouattara u Gbagbo jiddikjaraw ir-rebħa,

G. billi l-komunità internazzjonali, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS irrikonoxxew lil Ouattara bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali tal-Côte d'Ivoire,

H. billi l-forzi ribelli, li qed jiġġieldu biex Ouattara jidħol fil-kariga tiegħu bħala president demokratikament elett, ħadu kontroll ta' bosta bliet, fosthom Yamoussoukro, il-kapitali politika tal-Côte d'Ivoire,

I.   billi, skont l-istimi tan-NU, madwar 500 ruħ, il-maġġoranza tagħhom ċivili, tilfu ħajjithom u madwar miljun ruħ ġew spostati, il-biċċa l-kbira tagħhom ħarbu minn Abidjan,

J.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reklutament ta' suldati tfal min-naħa taż-żewġ fazzjonijiet,

K. billi dan l-inkwiet se jħalli impatt inkalkolabbli fuq ħajjet il-popolazzjoni u fuq il-qagħda ekonomika tal-pajjiż u b'riżultat ta' dan il-popolazzjoni se tbati minn din is-sitwazzjoni,

L.  billi l-elezzjonijiet perjodiċi huma wieħed mill-mezzi demokratiċi tal-espressjoni tal-pluraliżmu politiku u għandhom ikunu organizzati skont regoli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u l-eżitu għandu jiġi rispettat mill-partiti kollha,

M. filwaqt li jfakkar li l-għan tal-elezzjoni kien li jinġieb fi tmiemu d-deċennju ta' kriżi politika li firdet il-pajjiż,

1.  Jiddispjaċih bil-fatt li l-istall politiku postelettorali ma ssolvix paċifikament u falla kull sforz diplomatiku dirett lejn dan il-għan;

2.  Jikkundanna t-telf traġiku ta' ħajjiet u ta' proprjetajiet fil-vjolenza postelettorali u jistieden lil Gbagbo u lil Ouattara jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt,

3.  Jistieden lil Ouattara u lil Gbagbo jieħdu r-responsabilità tagħhom bil-għan li jevitaw li jkun hemm vjolenza u rappreżalji wara l-ġlied fil-pajjiż u juru l-impenn tagħhom favur tranżizzjoni demokratika paċifika;

4.  Jistieden lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-mexxejja tradizzjonali tal-Côte d'Ivoire kif ukoll lill-komunità internazzjonali jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itemmu l-polarizzazzjoni politika tal-pajjiż;

5.  Jistieden lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti taħtar Rapporteur Speċjali biex jinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li min hu responsabbli jittella' quddiem tribunal kompetenti u imparzjali;

6.  Jinsab konvint li r-ritorn tal-paċi, tal-ġustizzja u tal-fiduċja f'sistema demokratika jikkostitwixxi obbligu għar-rikonċiljazzjoni u għall-istabilità tal-pajjiż u jappella għalhekk biex titwaqqaf Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni, simili għal dik tal-Afrika t'Isfel, biex tittratta l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-drittijiet tal-vittmi;

7.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha biex tibgħat għajnuna umanitarja għall-persuni spostati internament u lir-rifuġjati Ivorjani fil-pajjiżi ġirien;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lin-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE.

 

Aġġornata l-aħħar: 11 t'April 2011Avviż legali