imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Werner Schulz, Raül Romeva i Rueda
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011
B7‑0358/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari dik dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Rostov-on-Don tas-17 ta' Ġunju 2010 u dik dwar l-Istat tad-Dritt fir-Russja tas-17 ta' Frar 2011,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għadhom għaddejjin u li bdew fl-2008 għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,
– wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u b'mod partikolari l-aħħar laqgħa li saret fl-4 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2011 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-każ ta' Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' April 2011 mill-kelliema tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar iż-żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Lavrov fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergey Lavrov, dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Mejju 2011 mill-kopresidenti tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja f'Sochi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qed jagħmlu ftit li xejn progress minkejja l-interdipendenza kummerċjali u ekonomika dejjem tikber minħabba n-nuqqas ta’ fehim u fiduċja fuq kwistjonijiet ekonomiċi u politiċi fundamentali li żammew lill-partijiet milli jibnu sħubija strateġika ġenwina,
B. billi l-iżvilupp ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tista' tinbena biss fuq valuri komuni kondiviżi; billi huwa importanti ħafna li tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali bejn iż-żewġ sħab fl-istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u fora kollha bil-għan li tittejjeb il-governanza globali u jiġu indirizzati sfidi komuni,
C. billi fl-1 ta’ Ġunju 2010, fi tmiem is-Samit tagħhom, l-UE u r-Russja adottaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet tal-Isħubija l-ġdida għall-Modernizzazzjoni bl-għan li jimmodernizzaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet taż-żewġ partijiet; billi parti kbira ħafna ta' dawn il-prijoritajiet huma ta’ natura ekonomika, kummerċjali u regolatorja; billi, sena wara, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni UE-Russja għandha tiġi evalwata u vvalutata kif jixraq biex tiġi vverifikata l-effikaċja tagħha rigward, b'mod partikolari, il-programm ta' ħidma, li fih proposti u proġetti konkreti għal koperazzjoni u assistenza fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt,
D. billi fis-Samit tagħhom f'St. Petersburg ta' Mejju 2003, l-UE u l-Federazzjoni Russa adottaw l-objettivi li jwaqqfu spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali; billi ħafna huma l-problemi li għadhom qed iwasslu għal dewmien mhux mistenni rigward il-pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' dawn l-erba’ spazji komuni,
E. billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi d-deċiżjoni tar-Russja li tirtira l-firma tagħha mit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT) jkompli jikkomplika dawn ir-relazzjonijiet, inaqqas ir-ritmu tan-negozjati tal-FSK l-ġdid u jaffettwa b'mod negattiv id-Djalogu tal-Enerġija u l-iżviluppi potenzjali futuri tiegħu, billi l-kompetizzjoni bejn l-UE u r-Russja rigward kwistjonijiet ta' enerġija qed tiżdied f'żoni ta' interess komuni bħall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Ażja Ċentrali,
F. billi l-enerġija hija strument ewlieni fil-politika barranija tar-Russja; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u bbażat fuq il-valuri fil-konfront tar-Russja; billi huwa tal-ikbar importanza li l-UE titkellem b’vuċi waħda u turi solidarjetà interna b’saħħitha,
G. billi minkejja approċċ iktar pożittiv mill-awtoritajiet Russi, il-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda fir-Russja għadhom mhedda u l-inizjattivi u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, tal-avversarji politiċi, tal-midja indipendenti u taċ-ċittadini ordinarji ta’ spiss jiġu ristretti jew ostakolati u jikkawżaw tħassib partikolari fit-Tramuntana tal-Kawkasu u f'partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa,
H. billi diversi proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar snin, b'mod partikolari l-każijiet ta' Mikhail Khordorkovsky u Sergey Magnitsky, qajmu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li l-indħil politiku, in-nuqqasijiet proċedurali, il-korruzzjoni, l-għeluq, in-nuqqas ta' ġustizzja u t-theddid tax-xhieda għadhom impediment serju għall-ġustizzja fir-Russja u l-investigazzjonijiet dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' spiss huma ineffikaċi, difettużi u jirriżultaw f'impunità,
I. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010 talbet lill-Kunsill tal-UE jikkunsidra projbizzjoni fuq id-dħul ta' dawk l-uffiċjali Russi involuti fil-mewt ta' Sergey Magnitsky, u l-iffriżar tal-beni tagħhom;
J. billi, bħala membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha li tirrispetta l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda,
K. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem f'ħafna każijiet u sentenzi; billi l-implimentazzjoni tas-sentenzi għadha substandard b’mod drastiku; billi r-responsabilità għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sentenzi taqa’ fil-parti l-kbira tagħha fuq l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji,
L. billi l-elezzjonijiet imminenti fir-Russja (Duma Statali f'Diċembru 2011 u elezzjonijiet Presidenzjali fl-2012) se jkunu l-indikaturi għall-komunità internazzjonali dwar il-konformità tal-liġi elettorali Russa man-normi u l-istandards internazzjonali u Ewropej kif ukoll dwar il-progress tal-iżviluppi demokratiċi u l-istat attwali tal-istat ta' dritt fir-Russja,
M. billi l-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja, stabbilit f'Marzu 2010, jipprovdi l-qafas għall-inklużjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ta' forum rikonoxxut uffiċjalment fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE u mill-Federazzjoni Russa jistgħu jinġabru u jaħdmu fuq proġetti konġunti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat ta' dritt, l-ambjent, kwistjonijiet soċjali u kwalunkwe suġġetti oħrajn,
N. billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi għandu jiżviluppa djalogu miftuħ, liberu u orjentat lejn ir-riżultati fir-rigward tal-kriżijiet f'dawn il-pajjiżi rigward, b'mod partikolari, il-kunflitti ffriżati bl-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità u tiġi appoġġata l-integrità territorjali tal-pajjiżi kkonċernati,
O. billi s-sigurtà fl-Ewropa għadha kwistjoni sensittiva ħafna u ta' diviżjoni kbira u l-UE u r-Russja m'għandhom iżommu lura minn ebda sforz biex jegħlbu d-differenzi eżistenti u l-opinjonijiet diverġenti u biex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni f'dan il-qasam,
1. Jistenna li s-samit imminenti f'Nizhny Novgorod joħloq il-momentum għal titjib sostanzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li jwitti t-triq għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid li jikkorrispondi għall-ambizzjonijiet taż-żewġ naħat biex jibnu sħubija strateġika ġenwina; jenfasizza li dawn il-ftehimiet għandhom ikunu jorbtu legalment u għandhom jinkludu b'mod komprensiv l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet; itenni l-fehma tiegħu li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti integrali mill-ftehim il-ġdid, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola effikaċi u operazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jirrimarka li l-isfidi komuni li qed jaffaċċjaw kemm l-UE kif ukoll ir-Russja, bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja, kwistjonijiet relatati mal-enerġija u mas-sigurtà tal-enerġija, l-irvellijiet fid-dinja Għarbija u l-kunflitti ffriżati fil-viċinat komuni jirrikjedu reazzjonijiet komuni u kooperazzjoni aħjar fil-ġestjoni tal-kriżijiet;
3. Jantiċipa b'ħerqa l-inizjattiva biex jinħareġ rapport konġunt dwar il-progress fir-rigward tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni li jkollu l-għan li jidentifika proġetti speċifiċi biex is-sħubija ssir realtà li tiffunzjona fl-oqsma ewlenin tagħha; huwa tal-fehma, madankollu, li l-kunċett ta’ modernizzazzjoni ma jistax jiġi limitat għal kooperazzjoni ekonomika u innovazzjoni teknoloġika iżda għandu jkun akkumpanjat minn proċess ambizzjuż ta’ riformi domestiċi li jinkludu l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u sistema legali affidabbli, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-iżvilupp mingħajr xkiel ta’ soċjetà ċivili ġenwina; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu jiddefinixxu l-passi li jeħtieġ li jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
4. Jenfasizza li bħalissa r-relazzjonijiet mar-Russja jistgħu jkunu biss ta' natura prammatika, b'attenzjoni miżmuma ffukata fuq il-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid UE-Russja fiż-żmien opportun, u permezz ta' konċentrazzjoni fuq koperazzjoni prattika, proġetti konġunti u l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru sa issa; jinnota l-progress kajman li sar fir-rawnds ta' taħdidiet dwar il-Ftehim il-ġdid UE-Russja u jistieden lill-partijiet involuti sabiex jimxu fuq approċċ ibbażat fuq valuri u interessi ġenwinament kondiviżi u komuni;
5. Jieħu nota tal-ftehim bilaterali ffinalizzat f'Diċembru 2008 li jippermetti l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jistieden lill-awtoritajiet Russi jadottaw qafas legali stabbli u ġust biex jirregolaw kif jixraq l-attività tan-negozji, l-investimenti diretti barranin u l-politika tal-kompetizzjoni; iqis li huwa tal-akbar importanza li jseħħ il-konsolidament ta' sistema ġudizzjarja affidabbli u ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha;
6. Jiddispjaċih li l-pjan direzzjonali mħabbar għall-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn ir-Russja u l-UE mhux se jiġi ppreżentat kif ippjanat fis-Samit UE-Russja li jmiss, filwaqt li d-dokument tal-pjan direzzjonali kien lest fil-bidu ta’ Mejju 2011, iżda jeħtieġ l-approvazzjoni tas-27 Stat Membru kollha kemm huma; itenni l-impenn għall-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jirrimarka, minkejja dan, li t-tħaffif tal-viżi u l-liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Federazzjoni Russa m'għandhom bl-ebda mod jipprivileġġaw id-detenturi ta' passaporti Russi li jgħixu f'reġjuni ta' kunflitti ffriżati b'detriment għaċ-ċittadini tal-Moldova u tal-Ġeorġja; jilqa’ d-deċiżjoni meħuda fil-qafas tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja li ssir talba għall-ħolqien ta’ sistema ta’ vjaġġar mingħajr viżi, bħala pass preliminari, għal detenturi ta’ passaporti tal-UE u tar-Russja, imwielda mill-1989 ’il quddiem;
7. Jirrimarka li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u b'mod partikolari d-Djalogu tal-Enerġija jirrappreżentaw elementi fundamentali tar-relazzjonijiet UE-Russja; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili bi qbil mal-objettivi tagħha; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza, trasparenza u r-rispett tat-trattati internazzjonali għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura, l-investiment u qafas ġudizzjarju affidabbli; jantiċipa b'ħerqa d-definizzjoni ta' pjan direzzjonali fit-tul bl-għan li jiddiskuti r-rwol tar-riżorsi tal-enerġija Russi għat-taħlita enerġetika tal-UE sal-2050;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness magħha jiġu inklużi fi Ftehim ġdid ta' Sħubija bejn l-UE u r-Russja; jilqa’ l-iffirmar fi Frar 2011 ta’ Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija aġġornat biex jitjieb aktar il-koordinament f’każ ta’ emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda;
9. Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet b'effett ta' serra u l-parteċipazzjoni tagħha f'negozjati internazzjonali għal qafas politiku komprensiv għal wara l-2012 fil-qasam klimatiku skont il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kyoto; f'dan il-kuntest jenfasizza li biex jintlaħaq it-tnaqqis meħtieġ ta' bejn 25% u 40% sal-2020 meta mqabbel mal-emissjonijiet tal-1990 għall-pajjiżi tal-Anness I, il-pajjiżi industrijalizzati kollha jeħtieġ li jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta' miri li jirrappreżentaw tnaqqis sinifikanti mil-livelli attwali ta' emissjonijiet u li jżidu l-qbid tal-karbonju fil-foresti;
10. Ifakkar li għad hemm reatturi nukleari tat-tip ta' Chernobyl qrib il-fruntieri tal-UE u jitlob lir-Russja tagħlaqhom immedjatament; iħeġġeġ sadanittant lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprojbixxu l-importazzjoni ta' enerġija nukleari li ma tissodisfax l-ogħla standards tas-sigurtà u tas-sikurezza nukleari; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' indipendenza u serjetà tat-testijiet proposti tal-istress, xi ħaġa li ma tagħtix lill-Euratom il-kredibilità meħtieġa biex tippromwovihom matul is-Samit UE-Russja;
11. Jilqa' r-rieda tal-kontroparti Russa li tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv u miftuħ rigward il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mir-rappreżentanti tal-UE fil-laqgħa tal-konsultazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Mejju, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-funzjonament tas-soċjetà ċivili, il-kooperazzjoni f'fora internazzjonali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll il-każijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti; jenfasizza, madankollu, li l-kliem għandu jiġi segwit b'fatti konkreti; jiddispjaċih dwar l-oppożizzjoni kontinwa min-naħa tar-Russja għall-involviment ta' ministeri u aġenziji li ma jkunux il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, it-twettiq ta' konsultazzjonijiet b'mod alternattiv fir-Russja u fl-UE u laqgħat ma' NGOs Russi u internazzjonali;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrikonoxxu l-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja bħala proġett konġunt fil-qafas tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward rwol aktar importanti għall-forum tas-soċjetà ċivili fil-marġni tas-samits UE-Russja;
13. Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji qiegħed fil-qalba tal-impunità fir-Russja u jfisser it-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti ta’ proċessi politikament motivati, proċedimenti inġusti u nuqqas ta’ investigazzjoni ta’ delitti serji bħalma huma l-każijiet ta' qtil, fastidju u vjolenza oħra;
14. Iħeġġeġ lill-uffiċjali Russi jindirizzaw il-persekuzzjoni tal-korporazzjonijiet kummerċjali, bħal Hermitage Capital, Royal Dutch Shell, British Petroleum, Ikea, News Corporation, Yukos, Rosneft, Euroset u oħrajn, permezz ta' abbuż ġudizzjarju u amministrattiv tal-poter;
15. Iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi jwettqu dmirijiethom b’mod effettiv, imparzjali u indipendenti biex iġibu lill-ħatja quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw li jkun osservat proċess ġust fil-prosekuzzjoni tal-imputati kollha fis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż; iħeġġeġ lir-Russja twettaq rieżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni domestika u tar-regoli ta’ prattika legali;
16. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President Medvedev li jitlob lill-esperti legali fil-qafas tal-Kunsill Presidenzjali għad-Drittijiet tal-Bniedem jinvestigaw il-każ ta' Khodorkovsky/Lebedev u jibdew investigazzjoni dwar l-akkużi kriminali kontra Sergey Magnitsky; jinkoraġġixxi lill-kumitat investigattiv jippubblika rapport indipendenti u dettaljat mill-aktar fis possibbli;
17. Jilqa' l-passi pożittivi mill-awtoritajiet Russi li jikkoperaw u jinvestigaw il-każ ta’ Sergey Magnitsky, iżda jinsisti li l-awtoritajiet Russi jipproċedu kontra min hu responsabbli u jqis l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni tad-dħul fl-UE ta’ uffiċjali Russi involuti f’dan il-każ u jħeġġeġ l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE jikkooperaw fl-iffriżar tal-kontijiet tal-bank u l-assi l-oħra ta’ dawn l-uffiċjali Russi fl-Istati Membri kollha tal-UE; jinnota li l-Kumitat Investigattiv tar-Russja fit-30 ta' Mejju ddikjara li l-prosekuturi sabu lill-investigatur ewlieni tal-pulizija Oleg F. Silchenko mhux ħati ta' ebda mġiba ħażina fil-każ tas-Sur Magnitsky; ifakkar li minkejja djanjożi medika gravi, is-Sur Silchenko ordna t-trasferiment tas-Sur Magnitsky lejn ħabs b'faċilitajiet mediċi inadegwati u ripetutament irrifjuta talbiet għal ultrasound li kien preskritt għas-Sur Magnitsky minn tabib;
18. Iqis is-sentenza tal-Qorti tal-Belt ta' Moska tal-24 ta' Mejju 2011 li tikkonferma l-verdett ta' ħtija ta' Mikhail Khordorkovsky u tas-sieħeb kummerċjali tiegħu Platon Lebedev f'każ ta' approprjazzjoni indebita bħala motivata politikament u jikkundanna b'mod qawwi l-indħil politiku fil-proċess preċedenti; jiddeplora l-multitudni ta’ vizzji fil-proċedimenti ġudizzjarji u jikkundanna l-pressjoni u t-theddid ripetuti fuq xhieda mill-prosekuzzjoni; huwa tal-fehma li dan huwwa daqqa ta' ħarta kritika oħra għar-rispett tal-istat tad-dritt li jagħmel aktar problematika l-aġenda ta' modernizzazzjoni;
19. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jqisu u jadottaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Mejju 2011 li sabet vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-ewwel kawża ta' Khodorkovsky u b'mod partikolari kundizzjonijiet degradanti ta' priġunerija, kundizzjonijiet inumani u degradanti fl-awla tal-qorti, l-illegalità tal-arrest tiegħu bit-theddida ta' armi tan-nar, id-detenzjoni mhux ġustifikata u r-rifjut tal-qrati domestiċi li jipprovdu lil Khodorkovsky bi smigħ ġust meta eżaminaw mill-ġdid id-detenzjoni tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Catherine Ashton tinkludi l-każ Khodorkovsky fl-aġenda tas-samit imminenti bejn l-UE u r-Russja;
20. Jinnota l-iżviluppi riċenti fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Anna Politkovskaya iżda jfakkar li ċ-ċirkostanzi tal-qtil għad iridu jiġu investigati bir-reqqa u jittama li jkun jista' jsir progress sostanzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-qtil; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li dawk kollha responsabbli għall-qtil tas-Sa Politkovskaya jitressqu quddiem il-ġustizzja, jistieden lill-prosekuturi jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u jirrispettaw l-istat tad-dritt;
21. Jikkundanna l-attakki vjolenti u l-iffastidjar kontinwu ta' attivisti ċivili u ġurnalisti li mmanifestaw b'mod paċifiku u li qed jirrapportaw dwar il-qerda tal-Foresta ta' Khimky u jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw il-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jagħmlu kull sforz biex inaqqsu l-ħsara lill-ambjent fil-każ ta' Khimky; jitlob lill-awtoritajiet Russi jerġgħu jikkunsidraw rotot alternattivi għall-awtostrada Moska-San Pietruburgu biex jevitaw li jgħaddu mill-foresta ta' Khimky;
22. Jiddispjaċih ħafna li l-awtoritajiet tal-belt ta’ Moska, għas-sitt sena konsekuttiva, ma tawx permess li ssir il-mixja Gay Pride, kuntrarjament għall-obbligu tagħhom bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa li jiddefendu l-libertà tal-għaqda, u filwaqt li injoraw is-sentenza finali f'April 2011 mill-Qorti Ewropea tad-Drittijet tal-Bniedem li tobbliga lir-Russja tawtorizza dan it-tip ta’ ġemgħat fil-ġejjieni; jiddispjaċih dwar il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna naqas milli jagħti l-appoġġ pubbliku tiegħu lill-organizzaturi tal-parata, u jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-Kummissjoni, u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea jesprimu d-diżapprovazzjoni tal-UE waqt is-Samit UE-Russja fid-9 ta' Ġunju; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tiżgura li fil-futur id-delegazzjonijiet tal-UE u l-membri tal-korp diplomatiku tal-UE jimplimentaw b’mod attiv il-Kaxxa tal-Għodda għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tat-Tgawdija tad-Drittijiet Kollha tal-Bniedem għal Persuni LGBT, anke permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ għal manifestazzjonijiet pubbliċi għad-drittijiet tal-persuni LGBT;
23. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-kandidati u l-partiti kollha jiġu ttrattati b'mod ġust u ugwali fl-elezzjonijiet parlamentari ta' Diċembru 2011 bi qbil mal-istandards li tgħabbew bihom bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE; jitlob, bħala pass kruċjali, li jitnaqqsu l-ostakoli għar-reġistrazzjoni ta' partiti ġodda, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-kandidati u l-partiti kollha matul il-kampanja elettorali u li jiġi garantit aċċess għax-xandir għall-partiti u l-kandidati kollha; jistieden lill-awtoritajiet Russi jippermettu missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet internazzjonali fl-aktar stadju bikri;
24. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet riċenti mill-President Russu Medvedev fir-rigward tat-taqlib fil-pajjiżi Għarab u b'mod partikolari fir-rigward tal-kriżi Libjana, meta ssieħeb fit-talba li Gaddafi u l-gvern tiegħu jirriżenjaw; jinnota b'interess il-fatt li r-Russja bagħtet mibgħut f'Bengażi u jħeġġeġ lir-Russja taħdem id f'id mal-UE bl-għan li ssib soluzzjoni għall-kunflitt;
25. Jilqa' r-rieda tar-Russja li wieħed jimxi 'l quddiem rigward ftehim ta' qafas fil-qasam tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jiddeplora, f'dan ir-rigward, iż-żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar fil-25 u s-26 ta' April 2011 li tikkontradixxi din ir-rieda u ddgħajjef aktar ir-relazzjonijiet mal-Ġeorġja, li hija wieħed mill-pajjiżi tal-viċinat komuni, u jistieden lir-Russja tirrispetta għalkollox il-punti tal-ftehim tal-2008 għal waqfien mill-ġlied;
26. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jintensifikaw l-isforzi bl-għan li jsir progress konkret fir-rigward tal-kunflitt f'Transnistria u, f'dan ir-rigward, jistedinhom jieħdu f'idejhom in-negozjati 5+2 uffiċjali bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni fil-futur l-aktar qrib (inizjattiva ta' Meseberg);
27. Jilqa' l-inizjattivi Russi biex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn il-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan dwar il-kunflitt f'Nagorno-Karabakh iżda jħeġġeġ lill-gvern Russu biex itemm il-konsenji kollha ta' armi lill-partijiet fil-kunflitt biex inaqqas it-tensjoni u jwitti t-triq għal soluzzjoni dejjiema u komprensiva;
28. Jilqa' r-ratifika tat-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) il-ġdid bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika fit-22 ta' Diċembru 2010; jitlob li jkun hemm djalogu komprensiv ulterjuri bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluż it-twaqqif tat-tarka ta' difiża tal-missili;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.