imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0316/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża riveduta
Renate Weber, Sophia in 't Veld, Sarah Ludford, Sonia Alfano, Cecilia Wikström, Alexander Alvaro, Norica Nicolai, Nathalie Griesbeck, Gianni Vattimo
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża riveduta
B7‑0379/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), relatati mar-rispett għal, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija, adottata fit-18 ta' April 2011 mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Ungeriża u ffirmata mill-President tal-Ungerija fil-25 ta' April 2011, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012 (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-Kostituzzjoni’),
– wara li kkunsidra l-Opinjonijiet Nru CDL(2011)001 u CDL(2011)016 tal-Kummissjoni ta' Venezja għad-Demokrazija permezz tal-Liġi tal-Kunsill tal-Ewropa, rispettivament dwar tliet mistoqsijiet legali li tqajmu fil-proċess tal-t-tfassil tal-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija, u dwar il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni Nru 12490 imressqa fil-25 ta' Jannar 2011 fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar,‘Ostakli serji fl-oqsma tal-istat ta' dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija’,
– wara li kkunsidra s-sentenza Nru 30141/04 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Schalk u Kopf vs. l-Awstrija), u b'mod partikulari l-obiter dicta tagħha,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali mressqa fil-Parlament Ewropew dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża l-ġdida u l-istqarrijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-kostituzzjoni Ungeriża riveduta u d-dibattitu sussegwenti li seħħ fit-8 ta' Ġunju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE, u r-rispett ċar għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-għarfien tal-valur legali tal-imsemmija drittijiet, libertajiet u prinċipji, li huwa affermat ulterjorment fis-sħubija imminenti tal-UE fil-KEDB,
B. billi għalkemm it-tfassilu l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri, l-Istati Membri attwali u dawk li se jissieħbu, u l-UE, għandhom id-dmir li jiżguraw li l-kontenuti u l-proċessi huma konformi mal-valuri tal-UE, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-KEDB, u li l-kelma u l-ispirtu tal-kostituzzjonijiet adottati ma jikkontradiċċux dawn il-valuri u strumenti. billi dan jintwera biċ-ċar mill-fatt li għadd mill-Istati Membri attwali tal-UE kellhom jirrevedu u jemendaw il-kostituzzjonijiet tagħhom biex jiżguraw is-sħubija fl-UE jew jadattaw il-kostituzzjonijiet tagħhom għall-ħtiġijiet sussegwenti tat-Trattati tal-UE, notevolment fuq talba mill-Kummissjoni tal-UE,
C. billi, kif il-Kummissjoni ta' Venezja tinnota b'dispjaċir, il-"proċess ta' tiswir ta' kostituzzjoni, inklużi t-tfassil u l-adozzjoni finali tal-Kostituzzjoni l-ġdida, kienu affetwati minn nuqqas ta' trasparenza, nuqqas fid-djalogu bejn il-maġġoranza u l-oppożizzjoni, opportunitajiet insuffiċjenti għal dibattitu pubbliku adegwat, u skadenza stretta ħafna" u li l-kostituzzjoni hija “struttura ġeneralment aċċettata għal proċessi demokratiki komuni...(li hi) prekundizzjoni għal proċess ta' tiswir ta' kostituzzjoni totalment ta' suċċess u leġittimu ”(1)li “għandu jkun ibbażat fuq l-ikbar konsensus possibbli fis-soċjetà Ungeriża”(2)
D. billi l-Kostituzzjoni ġiet ikkritikata ħafna minn NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u minn organizzazzjonijiet, inklużi minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, u kienet adottata esklussivament bil-voti tad-deputati tal-partiti fil-gvern, għalhekk b'nuqqas tal-kunsens politiku u tas-soċjetà msemmija hawn fuq,
E. billi l-Parlament Ewropew jaqbel mal-preokkupazzjonjiet espressi mill-Kummissjoni ta' Venezja, dwar l-indeboliment tas-sistema ta' kontrolli u bilanċi, b'mod partikulari fid-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat parlamentari ta' maġġoranza u d-dgħufija tal-Qorti Kostituzzjonali u l-qrati u l-imħallfin bħala garanti indipendenti tal-ordni legali, li jistgħu jpoġġu l-indipendenza tal-ġudikatura Ungeriża fir-riskju,
F. billi l-Kostituzzjoni tonqos milli tiddikjara għadd ta' drittijiet u obbligi, li l-Ungerija, dovut għall-obbligi internazzjonali tagħha, hija obbligata li tirrispetta u tippromwovi, bħall-projbizzjoni tal-piena tal-mewt, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-għomor il-ħabs mingħajr libertà kondizzjonata u sospensjoni jew restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali b'ordni legali speċjali,
G. billi l-Kostituzzjoni, permezz tal-valuri stabbiliti fiha kif ukoll kliem mhux ċar meta tiddefinixxi kunċetti bażiċi bħall-"familja" u d-dritt għall-ħajja mill-mument tal-konċepiment, iġġorr ir-riskju ta' diskriminazzjoni kontra ċerti gruppi fis-soċjetà, jiġifieri minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali, familji b'ġenitur wieħed, nies li jgħixi f'unjoni ċivili u nisa,
H. billi l-Kostituzzjoni ma tiggarantixxix b'mod espliċitu li l-Ungerija tirrispetta l-integrità territorjali ta' pajjiżi oħra, u li n-nuqqas ta' din id-dispożizzjoni flimkien mal-kliem mhux ċar tal-preambolu, b'mod partikulari l-partijiet rigward l-obbligi tal-istat Ungeriż lejn Ungeriżi etniċi li jgħixu barra mill-pajjiż, jistgħu joħolqu bażi legali għal azzjonijiet li pajjiżi ġirien jistgħu jikkunsidraw bħala indħil fil-kwistjonijiet interni tagħhom, u dan jista' jwassal għal tensjonijiet fir-reġjun,
I. billi l-Kostituzzjoni tipprovdi lill-Preambolu tagħha b'sinifikat legali, li jista' jkollu implikazzjonijiet legali u politiċi u jista' jwassal għal inċertezza legali, u billi l-inkorporazzjoni tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tista' tikkawża kompetenzi li jikkoinċidu bejn il-qrati Ungeriżi u dawk internazzjonali, kif issemma fl-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni ta' Venezja,
J. billi l-Kostituzzjoni titlob li jiġu adottati aktar minn 30 mill-hekk imsejħa liġijiet kardinali, suġġetti wkoll għall-maġġoranza kostituzzjonali ta' 2/3, li jistipulaw għadd kbir ta' kwistjonijiet rigward is-sistema istituzzjonali tal-Ungerija, l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll politiki kulturali, reliġjużi, soċjoekonomiċi u finanzjarji, li l-adozzjoni tagħhom issa tagħmel parti mill-proċess kostituzzjonali, u billi l-Kostituzzjoni tipprovdi lill-Preambolu tagħha b'sinifikat legali, li jista' jkollu implikazzjonijiet legali u politiċi, u dan jista' jwassal għal inċertezza legali,
K. billi skont il-Kostituzzjoni, numru ta' kwistjonijiet, bħal regoli speċifiċi tal-leġislazzjoni dwar il-familja u r-regoli bażiċi tas-sistemi tat-taxxa u tal-pensjoni, li normalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-gvern jew id-deċiżjoni regolari tal-entità leġiżlattiva, ukoll se jkunu regolati mil-liġijiet kardinali, u b'hekk jorbtu l-idejn ta' kull gvern futur li ma jkollux maġġoranza ta' żewġ terzi u jnaqqsu s-sinifikat ta' elezzjonijiet futuri u aktar possibilitajiet għal maġġoranza ta' żewġ terzi biex jikkonsolidaw il-preferenzi politiċi tagħhom, u b'hekk l-irregolar ta' regoli speċifiċi u dettaljati permezz ta' atti kardinali jista' jpoġġi l-prinċipju tad-demokrazija fir-riskju,
L. billi, kif sottolinjat mill-Kummisjoni ta' Venezja, politiki kulturali, reliġjużi, soċjoekonomiċi u finanzjarji m'għandhomx ikunu kkonsolidati f'liġi kardinali,
M. billi entità mhux parlamentari, il-Kunsill tal-Baġit, b'leġittimità demokratika limitata, se jkollha s-setgħa ta' veto għall-adozzjoni tal-baġit ġenerali mill-Assemblea Nazzjonali, u f'dan il-każ il-Kap tal-Istat jista' jxoljiha, u jnaqqas severament l-azzjoni tal-leġiżlatura eletta b'mod demokratiku; billi s-sistema effettiva ta' erba' kummissarji parlamentari se titnaqqas għal ombudsman ġenerali wieħed u żewġ deputat ombudsman, u dan jista' ma jipprovdix l-istess livell ta' ħarsien tad-drittijiet u mhux se jinkludi l-kompetenzi tal-eks Kummissarju għad-Dejta Personali u għal-Libertà tal-Informazzjoni; il-kompetenzi ta' dan tal-aħħar se jkunu trasferiti lil awtorità li l-funzjoni tagħha mhijiex speċifikata,
N. billi b'mod parallel mal-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida l-gvern tal-Ungerija u l-partiti fil-gvern għamlu sostituzzjonijiet fuq skala kbira f'ħafna pożizzjonijiet importanti, bħall-prokuratur ġenerali l-ġdid, il-President tal-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat, il-president tal-Kunsill tal-Baġit; billi skont il-kostituzzjoni l-ġdida, il-mandat attwali tal-President tal-Qorti Suprema se jintemm u l-President il-ġdid tal-Kurja se jkun elett direttament mill-Parlament Ungeriż, fejn il-partiti fil-gvern se jkollhom maġġoranza ta' żewġ terzi, u billi ħames membri tal-Qorti Kostituzzjonali għadhom kemm ġew proposti u eletti mill-partiti fil-gvern,
O. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddeċidiet li tipprepara rapport dwar il-Kostituzzjoni, inkluż fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja,
P. billi t-tfassil u l-adozzjoni tal-kostituzzjoni l-ġdida ma kienux imsemmija fil-programm elettorali tal-partiti fil-gvern,
Q. billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Sur Ban-ki Moon, stqarr li ‘hu japprezza kieku l-gvern Ungeriż ifittex parir u rakkomandazzjonijiet mill-pajjiż u mill-Kunsill tal-Ewropa jew min-Nazzjonijiet Uniti’ u jaħseb li l-Ungerija, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, għandha tindirizza l-istituzzjonijiet Ewropej għal pariri u reviżjoni tal-Kostituzzjoni,
R. billi l-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orbán, iddikjara li lest jissottometti l-Kostituzzjoni għal dan it-tip ta' reviżjoni,
1. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jindirizzaw il-bosta kwistjonijiet, preokkupazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet serji mqajma mill-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjonijiet tagħha u jimplimentawhom permezz ta' emendi lill-Kostituzzjoni, liġijiet kardinali, liġijiet ordinarji jew interpretazzjoni kostituzzjonali, kif indikat mill-Kummissjoni; jaqbel bis-sħiħ mal-kritika tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar in-nuqqas ta' ċarezza fil-Kostituzzjoni f'setturi ewlenin bħall-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali individwali u fuq għadd kbir ta' politiki kulturali, reliġjużi, morali, soċjoekonomiċi u finanzjarji li se jkunu kkonsolidati permezz tal-liġijiet kardinali minn maġġoranza ta' 2/3, waqt li għandhom jitħallew għall-vot ta' maġġoranza tal-leġiżlazzjoni eletta; jaqbel mar-rimarki tal-Kummissjoni rigward il-Preambolu b'rabta mal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi biex ifittxu attivament kunsens wiesa', biex jiżguraw trasparenza akbar, inklużjoni politika u soċjali reali u dibattitu pubbliku wiesa' fit-tfassil u l-adozzjoni li jmiss tal-liġijiet kardinali preskritti fil-Kostituzzjoni;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jemendaw il-Kostituzzjoni sabiex tipproteġi b'mod espliċitu d-drittijiet ċivili u soċjali fundamentali kollha f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Ungerija, tipprojbixxi l-piena tal-mewt, l-għomor il-ħabs mingħajr libertà kondizzjonata, id-diskriminazzjonijiet fuq il-bażi ta' orjentazzjoni sesswali, u tagħmilha ċara li ċ-ċittadini tal-Ungerija jiksbu drittijiet fundamentali mat-twelid, mingħajr ma jkunu marbuta ma' obbligi;
4. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ungerija jemendaw il-Kostituzzjoni, b'mod partikulari l-preambolu tagħha, sabiex tiżgura protezzjoni ugwali tad-drittijiet ta' kull ċittadin, irrispettivament mill-grupp reliġjuż, sesswali, etniku jew grupp tas-soċjetà ieħor tagħhom, tirrifletti l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u tinkludi dikjarazzjoni aktar espliċita dwar is-separazzjoni tal-knisja u l-istat u dwar il-libertà tal-istampa bħala dritt individwali u mhux biss bħala obbligu tal-Istat;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jemendaw il-Kostituzzjoni, inluż il-preambolu tagħha, sabiex tiggarantixxi b'mod espliċitu li l-Ungerija tirrispetta l-integrità territorjali ta' pajjiżi oħra b'rabta ma' Ungeriżi etniċi li jgħixu barra l-pajjiż;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jerġgħu jaffermaw l-indipendenza tal-ġudikatura, billi jiżguraw b'mod espliċitu l-indipendenza tat-tmexxija tas-sistema ġudizzjarja, iroddu lura d-dritt tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevedi l-leġiżlazzjoni relatata mal-baġit mingħajr eċċezzjonijiet kif meħtieġ mil-liġi tal-KEDB u l-ġurisprudenza u jirrevedu d-dispożizzjoni dwar l-iżgħar età mandatorja għall-irtirar tal-imħallfin;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jiżguraw li l-liġijiet kardinali li ġejjin dalwaqt jirregolaw kwistjonijiet bħall-abort, il-politika għall-familja, is-sistema tat-taxxa u l-pensjoni u b'mod aktar ġenerali politiki kulturali, reliġjużi, morali, soċjoekonomiċi u finanzjarji b'mod li jħallu lill-gvernijiet futuri u leġiżlazzjonijiet eletti b'mod demokratiku jiddeċiedu fuq dawn il-kwistjonijiet mingħajr ma dawn il-politiki jkunu kkonsolidati fil-Kostituzzjoni jew f'liġijiet kardinali wisq dettaljati; jistieden lill-gvern Ungeriż jirrevedi l-mandat attwali tal-Kunsill tal-Baġit;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jiżguraw li l-inkorporazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tikkawżax problemi ta' interpretazzjoni u kompetenzi li jikkoinċidu bejn il-qrati domestiċi, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jiżguraw li l-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema tal-kummissarji parlamentari mhux se tinvolvi tnaqqis fil-livell eżistenti ta' garanziji għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fl-oqsma tal-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali, ħarsien tad-dejta personali u trasparenza tal-informazzjoni ta' rilevanza pubblika, kif ukoll l-indipendenza tal-entitajiet rispettivi; jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jikkompensaw legalment għall-abolizzjoni tal-actio popularis b'rabta mal-Qorti Kostituzzjonali, pereżempju billi tinżamm l-azzjoni indiretta permezz ta' attur intermedjarju, bħall-Ombudsman jew entitajiet relevanti oħra;
10. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tmexxi eżami bir-reqqa u profond u analiżi tal-kostituzzjoni Ungeriża kif ukoll l-adozzjoni fil-futur qrib tal-liġijiet ġeneriċi fuq il-bażi tal-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-kelma u l-ispirtu tat-Trattati u l-acquis communautaire;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-OSKE u lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.