Proċedura : 2011/2753(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0393/2011

Testi mressqa :

B7-0393/2011

Dibattiti :

PV 06/07/2011 - 17
CRE 06/07/2011 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 7.5

Testi adottati :

P7_TA(2011)0336

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 128kDOC 69k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0392/2011
4.7.2011
PE465.721v◄►
 
B7-0393/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen


Carlos Coelho, Manfred Weber, Roberta Angelilli, Giovanni La Via, Salvatore Iacolino f’isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidliet f’Schengen  
B7‑0393/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 18, 20, 21, 67, 77 u 80 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Schengen u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen (COM(2010)0624,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni (COM 2011/248/2) tal-4 ta’ Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-ħolqien taż-żona Schengen fl-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet kien wieħed mill-akbar suċċessi fl-istorja Ewropea, ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni kif ukoll l-introduzzjoni tal-libertà tal-moviment f’din iż-żona,

B.  billi nħolqot fruntiera esterna unika u bosta miżuri ta' kumpens ġew implimentati, prinċipalment billi ġew imsaħħa l-kontrolli fil-fruntieri esterni kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija, tad-dwana u dik ġudizzjarja, il-ħolqien tas-Sistema ta' Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u politika dwar viża komuni,

C. billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni titlob fiduċja reċiproka sħiħa bejn l-Istati Membri dwar il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw b’mod sħiħ il-miżuri li permezz tagħhom dawk il-kontrolli setgħu jitneħħew,

D. billi l-Ftehim ta’ Schengen hu pass importanti għall-integrazzjoni Ewropea u, iż-żona ta' Schengen wara bosta tkabbir b’suċċess issa fiha t-territorji ta’ 25 pajjiż Ewropew, li jkopru popolazzjoni ta’ iktar minn 400 miljun persuna u żona ta’ 4 312 099 km2,

E.  billi ż-żona Schengen tinkludi l-Istati Membri kollha tal-UE, minbarra Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija, ir-Renju Unit u l-Irlanda. billi l-Bulgarija u r-Rumanija wara li kkonkludew il-proċedura ta’ evalwazzjoni, irċevew opinjoni pożittiva mill-Parlament Ewropew u issa qed jistennew għad-deċiżjoni finali tal-Kunsill. billi r-Renju Unit u l-Irlanda qegħdin f’sitwazzjoni partikolari, huma pajjiżi li jikkooperaw iżda li jżommu l-fruntieri interni tagħhom, minħabba n-nonparteċipazzjoni fl-acquis ta' Schengen li nnegozjaw fit-Trattat ta' Amsterdam u iktar tard iddeċidew li jipparteċipaw fid-dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġuridika,

F.  billi ż-żona ta' Schengen tinkludi tliet Stati Membri mhux tal-UE: l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera. billi l-Liechtenstein hu mistenni li jsir ir-raba’ pajjiż assoċjat, wara l-konklużjonijiet taż-żjarat ta’ evalwazzjoni li qed isiru bħalissa,

G. billi s-sigurtà taż-żona ta' Schengen tiddependi fuq il-mod dixxiplinat u effikaċi li bih Stat Membru jesegwixxi l-kontrolli fil-fruntieri esterni tiegħu, kif ukoll fuq il-kwalità u l-ħeffa li bihom isir l-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-SIS billi l-fraġilità jew it-tħaddim inadegwat ta' xi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jipperikolaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-effiċenza taż-żona ta' Schengen,

H. billi, speċjalment fl-aħħar sena, kien hemm spostament kbir ta’ nies minn bosta pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. billi dawn l-avvenimenti poġġew is-sistemi ta’ protezzjoni u akkoljenza ta’ xi Stati Membri tal-UE taħt iktar pressjoni,

I.   billi dan l-aħħar is-sistema kienet taħt pressjoni tant li xi Stati Membri bdew iqisu r-riintroduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri nazzjonali minħabba li qed jiffaċċaw flussi migratorji f’daqqa u enormi ta’ immigranti,

J.   billi fl-4 ta’ Mejju l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni tal-UE Cecilia Malmström ippreżentat diversi inizjattivi għal approċċ aktar strutturat, komprensiv u b’rispons rapidu mill-UE għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-migrazzjoni, speċjalment meta jitqiesu l-iżviluppi riċenti fil-Mediterran,

K. billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ġunju 2011 jobligaw lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar mekkaniżmu ta’ protezzjoni li jirrispondi għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jqiegħdu t-tħaddim globali tal-kooperazzjoni ta' Schengen f’riskju, iżda mingħajr ma jipperikola l-prinċipju ta’ moviment liberu tan-nies,

L.  billi dan il-mekkaniżmu possibbli għandu jkollu sensiela ta’ miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod gradwali, differenzjat u kkoordinat sabiex jgħin lill-Istat Membru li jkun qed jiffaċċa pressjoni għolja fil-fruntieri esterni,

M. billi l-Istati Membri jridu, bħala l-aħħar rimedju, fil-qafas ta’ dan il-mekkaniżmu, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ salvagwardja li tippermetti r-riintroduzzjoni fuq bażi eċċezzjonali tal-kontrolli fil-fruntieri interni f’sitwazzjoni verament kritika fejn Stat Membru ma jistax ikun iktar konformi mal-obbligi tiegħu skont ir-regoli ta' Schegen. billi tali miżura tittieħed fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi speċifikati u evalwazzjoni komuni, għal skop u perjodu ta’ żmien strettament limitati, filwaqt li jitqies il-bżonn ta’ kapaċità ta’ reazzjoni f’każijiet urġenti,

1.  Jirrikonoxxi li l-moviment liberu tan-nies tul il-fruntieri Ewropej hu kisba kbira, fil-fatt, hu wieħed mill-pilastri tal-UE, li bl-ebda mod ma jista' jitreġġa’ lura iżda minflok għandu jissaħħaħ;

2.  Jirrikonoxxi l-bżonn urġenti ta’ politika komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni iktar b’saħħitha, prinċipalment it-tkomplija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, mistennija li ssir sal-2012;

3.  Jenfasizza l-bżonn ta’ ġestjoni xierqa u effiċenti tal-migrazzjoni fuq naħa waħda, u t-tisħiħ ta’ kontroll tal-fruntieri effikaċi u r-ritorn tal-migranti illegali mill-oħra, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet mistennija fil-persunal f’bosta setturi;

4.  Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ solidarjetà iktar b’saħħitha, fejn m’għandniex inħallu lil dawk l-Istati Membri li jinstabu fil-fruntieri esterni tagħna, u li qed jiffaċċaw l-influss qawwi ta’ migranti, jaffrontaw dawn is-sitwazzjonijiet straordinarji waħidhom. Is-sitwazzjoni ma tistax tiġi affrontata biss fil-livell nazzjonali, iżda teħtieġ mobilizzazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-UE u l-użu tal-għodod operattivi u finanzjarji kollha li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha;

5.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni tagħhom;

6.  Jirrakkomanda b'qawwa t-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen sabiex tgħin tiżgura li kull Stat Membru jkun jista’ jikkontrolla b’mod effikaċi l-parti tiegħu tal-fruntieri esterni tal-UE, tinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka u tibni fiduċja fl-effettività tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni;

7.  Jemmen li l-mekkaniżmu ġdid ta’ evalwazzjoni se jkun parti mit-tweġiba għal dak, billi jipprova jinforza mill-ġdid il-moviment liberu tan-nies u billi jissorvelja b’mod effikaċi kwalunkwe tentattiv li jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri, kif ukoll billi jinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka u billi jiżgura l-kontroll effikaċi tal-fruntieri esterni minn kull Stat Membru;

8.  Ifakkar fil-bżonn li ma jkunx hemm iktar standards doppji fil-Ftehim ta’ Schengen, bħal meta jintalbu rekwiżiti għolja mill-pajjiżi kandidati kollha mentri l-pajjiżi Membri taż-żona ta' Schengen jiġu trattati b'mod iktar ħafif;

9.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi garantita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri anke wara l-adeżjoni tagħhom. Dan jista’ jsir permezz tal-infurzar tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni eżistenti, li għandu jsir sistema tal-UE, li jippermetti li s-sorveljanza u l-evalwazzjoni jsiru b’mod iktar effikaċi u effiċenti. Jista' jsir ukoll b’għajnuna, fi stadju bikri, lil dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċaw xi problemi biex isolvu n-nuqqasijiet tagħhom, u b’dipendenza fuq l-appoġġ prattiku tal-Aġenziji Ewropej b’kompetenzi f’dawn l-oqsma;

10. Jemmen li l-effettività ta’ din is-sistema tiddependi fuq il-possibbiltà li jiġu applikati s-sanzjonijiet, f’każ li n-nuqqasijiet jippersistu u jkunu jistgħu jipperikolaw is-sigurtà globali taż-żona ta' Schengen;

11. Ifakkar li l-għan ewlieni ta’ dawn is-sanzjonijiet hu li jkollhom effett ta' skoraġġiment, filwaqt li jikkonvinċu lill-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli ta’ Schengen u jipproteġu b’mod effiċenti l-fruntieri esterni, u b’mod parallel jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali għar-refuġjati tkun kompatibbli u ta’ appoġġ;

12. Ibassar li sabiex tiġi mħarsa ż-żona ta' Schengen u tiġi protetta l-istabbiltà tagħha, jista’ jkun neċessarju wkoll li titbassar il-possibbiltà tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli limitati fil-fruntieri interni f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, bħala l-aħħar riżors u bil-kunsens tal-istituzzjonijiet tal-UE biss u qatt b’mod unilaterali;

13. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-effettività tal-Ftehim ta’ Schengen fi spirtu Ewropew;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2011Avviż legali