Proċedura : 2011/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0482/2011

Testi mressqa :

B7-0482/2011

Dibattiti :

PV 14/09/2011 - 12
CRE 14/09/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 6.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0387

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 129kDOC 101k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0482/2011
12.9.2011
PE472.663v01-00
 
B7-0482/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja


Véronique De Keyser, Hannes Swoboda, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Harlem Désir, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Vincent Peillon, Carmen Romero López, Roberto Gualtieri f’isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja  
B7‑0482/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, partikolarment dik tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u r-reazzjonijiet tal-komunità internazzjonali tad-19 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/CFSP li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/CFSP dwar il-miżuri restrittivi imposti kontra s-Sirja; id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana; u r-Regolament tal-Kunsill 878/2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 li jirrigwarda l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja tat-2 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar is-Sirja tat-8 u l-31 ta' Lulju; l-1, l-4, it-18, id-19, it-23 u t-30 ta' Awwissu; u t-2 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-18 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar 'Ir-Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel' tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sirja tat-3 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti adottata waqt is-17-il sessjoni speċjali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-23 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, kif ġie konfermat m'ilux mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay, aktar minn 2600 ċivil inqatel u ħafna oħra ġew korruti, arrestati u nżammu fir-ripressjoni brutali intenzjonata, inklużi dimostranti paċifiċi u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim Sirjan sa minn Marzu 2011;

B.  billi, minkejja kundanna internazzjonali mifruxa, għad qed ikun hemm u qed jiżdiedu l-metodi vjolenti mill-forzi tas-sigurtà kontra d-dimostranti paċifiċi fis-Sirja;

C. billi r-riformi u l-amnestiji mħabbra u mwiegħda mill-President Bashar al-Assad għadhom ma ġewx implimentati;

D. billi bosta Sirjani qed ikollhom jiffaċċaw sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora riżultat tal-vjolenza u tal-ispostamenti; billi l-pajjiżi ġirien tas-Sirja u l-komunità internazzjonali qed jagħmlu sforzi kbar biex jipprevjenu d-deterjorament u l-eskalazzjoni ta' din il-kriżi umanitarja;

E.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet umanitarji internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja internazzjonali mhumiex qed jiġu permessi li jkollhom aċċess mir-reġim Sirjan;

F.  billi l-kriżi fis-Sirja tikkostitwixxi theddida għall-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani;

G. billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi l-Kunsill iddeċieda li ma jkomplix jieħu passi f'dan il-qasam, kif ukoll biex jissospendi parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni attwali;

H. billi l-approċċ il-ġdid propost mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli bħala rispons ġdid għal viċinat li qed jinbidel huwa bbażat fuq ir-responsabilità reċiproka u l-impenn komuni lejn il-valuri universali tad-drittijiet umani, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

I.   billi l-Membri tal-Parlament Ewropew iltaqgħu u kellhom skambju tal-opinjonijiet mar-rappreżentanti eżiljati tal-oppożizzjoni Sirjana f'diversi okkażjonijiet fix-xhur li għaddew;

1.  Jikkundanna r-ripressjoni vjolenti intenzjonata ta' dimostranti paċifiċi, attivisti tad-drittijiet umani u l-poplu Sirjan b'mod ġenerali mir-reġim tal-President Bashar al-Assad; ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jsostni bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;

2.  Jinnota li l-avviżi u l-wegħdiet ta' riformi, it-tneħħija tal-istat ta' emerġenza u l-amnestiji mnedija mill-President tilfu l-kredibilità kollha tagħhom;

3.  Jinnota li dawn l-iżviluppi dgħajfu l-leġittimità tar-reġim Sirjan u jitlob lill-President Bashar al-Assad biex jirriżenja sabiex jiftaħ it-triq għall-ilħuq tal-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu Sirjan;

4.  Jitlob għal darb'oħra tmiem immedjat tal-metodi vjolenti kontra d-dimostranti paċifiċi u tal-għoti ta' fastidju lill-familji tagħhom; il-ħelsien tad-dimostranti miżmuma, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti; li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet umanitarji u tal-bniedem, kif ukoll il-midja internazzjonali jkollhom aċċess sħiħ għall-pajjiż; u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal netwerks ta' komunikazzjoni u informazzjoni fis-Sirja;

5.  Jerġa' jtenni s-sejħa għal investigazzjoni independenti, trasparenti u effikaċi dwar il-qtil, l-arresti, id-detenzjoni arbitrarja, u l-allegat għajbien sfurzat u l-każi ta' tortura mill-forzi tas-sigurtà Sirjani sabiex jiżguraw li l-awturi ta' dawn l-atti jinżammu responsabbli; f'dan il-kuntest jilqa' r-riżoluzzjoni reċenti adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jitlob li jkun hemm kummissjoni internazzjonali indipendenti ta' inkjesta biex tintbagħat is-Sirja biex tinvestiga l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, magħmula mir-reġim sa minn Marzu 2011, sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn ir-reati u l-ksur, tidentifika lil dawk responsabbli, u tiżgura li l-awturi tagħhom jinżammu responsabbli.

6.  Fl-istess ħin, jitlob li jkun hemm proċess politiku immedjat, ġenwin u inklussiv bil-parteċipazzjoni tal-atturi politiċi demokratiċi kollha u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jistgħu jkunu l-bażi ta' tranżizzjoni paċifika u irreversibbli għad-demokrazija fis-Sirja; f'dan il-kuntest jilqa' d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tenfasizza li l-unika soluzzjoni għall-kriżi attwali fis-Sirja hija permezz ta' proċess politiku inklussiv u li jitmexxa mis-Sirjani;

7.  Jilqa' u jappoġġa l-estensjoni reċenti tal-għan tal-iffriżar tal-assi tal-UE u tal-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal individwi u assoċjazzjonijiet oħra li jappoġġaw jew jibbenefikaw mir-reġim Sirjan, kif ukoll il-projbizzjoni tal-importazzjoni taż-żejt tas-Sirja u ta' prodotti petroliferi oħra fl-UE; jitlob, iżda, li jkun hemm aktar sanzjonijiet immirati lejn ir-reġim iżda jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni;

8.  Jerġa' jtenni l-appoġġ qawwi għall-isforzi diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u f'fora internazzjonali oħra mmirati lejn is-sejba ta' reazzjonijiet adegwati tal-komunità internazzjonali għall-kriżi attwali fis-Sirja;

9.  Jilqa' l-għajnuna umanitarja provduta minn pajjiżi ġirien tas-Sirja lir-refuġjati Sirjani; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu flimkien ma' pajjiżi ġirien tas-Sirja, il-Liga Għarbija, atturi internazzjonali oħrajn u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) sabiex jipprevjenu l-eskalazzjoni potenzjali tal-kriżi attwali fis-Sirja, inkluż il-kriżi umanitarja, għal żoni oħra fir-reġun kif ukoll l-aggravazzjoni tal-kriżi umanitarja ġewwa l-pajjiż;

10. Jitlob aktar inkoraġġiment u appoġġ għall-iżvilupp tal-forzi tal-oppożizzjoni demokratiċi Sirjani, kemm fi ħdan il-pajjiż u wkoll lil hinn mill-pajjiż;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2011Avviż legali