Proċedura : 2011/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0483/2011

Testi mressqa :

B7-0483/2011

Dibattiti :

PV 14/09/2011 - 12
CRE 14/09/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 6.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0387

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 119kDOC 72k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0482/2011
12.9.2011
PE472.664v01-00
 
B7-0483/2011

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Sajjad Karim, Tomasz Piotr Poręba f’isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja  
B7‑0483/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja li għamlet ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, Catherine Ashton,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi ċ-ċittadini tas-Sirja huma soġġetti għal arrest arbitrarju u priġunerija mingħajr proċess jew proċess minn qorti militari u m'għandhom l-ebda ġudikatura indipendenti li tiddefendihom, l-ebda libertà tal-espressjoni u l-ebda dritt li jipprotestaw iggarantit bil-liġi;

B.  billi, minn Marzu, seħħew protesti u dimostrazzjonijiet f'ħafna bliet fis-Sirja;

C.  billi hu stmat li nqatlu mill-inqas 2,200 persuna waqt il-protesti u hu maħsub li ħafna oħrajn weġġgħu jew inżammu bil-forza;

D. billi hu rrappurtat li, fis-Sirja kollha, il-bliet qed jiġu assedjati mill-forzi mmexxija mill-gvern, mingħajr aċċess għall-ikel, provvisti mediċi jew komunikazzjonijiet;

E.  billi, minkejja li għamel ħafna dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur ir-riforma politika, il-President Bashar al-Asad naqas milli jieħu azzjoni biex jimplimenta aġenda speċifika li tkun tissalvagwardja l-libertajiet pubbliċi u l-indipendenza ġudizzjarja u milli jipprojbixxi lill-Gvern Sirjan milli jgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-Gvern Sirjan juża l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali, qorti speċjali li tibqa' barra mis-sistema tal-ġustizzja kriminali ordinarja, biex jipproċessa lill-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

G. billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf se jaħdem mal-awtoritajiet fis-Sirja biex tinbeda t-tranżizzjoni lejn elezzjonijiet ħielsa u t-trasferiment tal-poter mill-President Assad;

H. billi, fit-22 u t-23 ta' Awwissu, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU laqqa' sessjoni biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fis-Sirja;

I.   billi, fit-2 ta' Settembru, l-Istati Membri tal-UE qablu li jimponu projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt Sirjan lejn l-UE, apparti r-restrizzjonijiet eżistenti applikati fuq is-Sirja;

1.  Jinsisti b'mod qawwi li l-gvern tas-Sirja għandu jiggarantixxi l-protezzjoni minn attakki għad-dimostranti u jsostni d-dritt tad-dimostranti li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni;

2.  Jistieden lill-gvern tas-Sirja itemm minnufih l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi;

3.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fost id-dimostranti, qed tiżdied il-preżenza ta' forzi Islamisti armati b'armi kuntrabandu li qed ixewxu għal ġiħad u jisparaw lejn il-forzi tas-sigurtà, u hemm il-periklu li tfaqqa' gwerra ċivili fuq bażi settarjana;

4.  Jistieden lill-Gvern Sirjan jistabbilixxi investigazzjoni indipendenti u trasparenti tal-azzjonijiet tal-forzi tas-sigurtà u, b'mod partikulari, tal-attivitajiet ta' ħu l-President, li hu l-kmandant tal-forzi speċjali u li kwalunkwe membru tas-servizzi tas-sigurtà li spara jew ordna l-isparar fuq dimostranti mhux armati b'munizzjoni ta' vera jinżamm responsabbli;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet fis-Sirja jagħtu rendikont pubbliku ta' kull persuna li nqatlet, indarbet jew ta' dawk li għadhom neqsin;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-gvern tas-Sirja jieħu azzjoni fir-rigward tal-impenji pubbliċi tiegħu, u jimplimenta r-riformi demokratiċi mingħajr dewmien;

7.  Jistieden lill-gvern Sirjan ma jkomplix bl-arresti u d-detenzjoni arbitrarji tal-attivisti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti, kif ukoll jeħles lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jwaqqfu ċ-ċensura governattiva ta' pubblikazzjonijiet lokali u barranin, itemmu l-kontroll ripressiv tal-gvern fuq il-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra, kif ukoll ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-internet;

9.  Jistieden lill-gvern Sirjan jippermetti aċċess immedjat u inkondizzjonat għall-aġenziji tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema umanitarji;

10. Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistieden lill-gvern Sirjan jikkopera bis-sħiħ mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

 

11. Jistieden lill-gvern tas-Sirja jabolixxi l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali u joħloq kummissjoni ġudizzjarja indipendenti biex terġa' teżamina l-kawżi pendenti quddiem il-qorti;

12. Iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu Sirjan ċaħad ir-reġim tiegħu u jwarrab mill-pożizzjoni tiegħu, fl-aħjar interessi tas-Sirja u tal-unità tal-poplu tagħha;

13. Jitlob li jkun hemm djalogu miftuħ u paċifiku bejn il-gvern Sirjan u l-poplu tas-Sirja;

 

14. Jilqa' s-sanzjonijiet imposti fit-2 ta' Settembru mill-Istati Membri tal-UE;

15. Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw ir-reġim Sirjan u r-rwol tat-Turkija fl-ilqugħ tar-rifuġjati; jiddispjaċih li l-Iran għadu qed jappoġġa l-pożizzjoni intransiġenti tal-President Al Assad u r-ripressjoni brutali li qed iwettaq fuq il-poplu tiegħu;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvern tas-Sirja.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2011Avviż legali