imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoniji mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Michael Cashman, Udo Bullmann, Arlene McCarthy, Thijs Berman, Ricardo Cortes, Harlem Desir, Vincent Peillon, Pino Arlacchi, Corina Cretu
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
B7‑0491/2011
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qarn tal-Afrika,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-karestija fl-Afrika ta’ Lvant, fl-24 ta' Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-konferenza tad-donaturi f’Addis Ababa, tal-25 ta' Awwissu 2011;
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-ispekulazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi għexieren ta’ eluf ta’ nies mietu, 750 000 jinsabu f’periklu imminenti li jmutu bil-guħ u 12-il miljun ruħ mis-Somalja, l-Etjopja, il-Kenja u d-Djibouti jinsabu fi bżonn urġenti ta’ għajnuna tal-ikel fl-agħar karestija ta’ dawn l-aħħar 60 sena, li n-NU tistenna li tinfirex tul il-Qarn tal-Afrika,
B. billi l-karestija fir-reġjun aggravat ruħha minħabba fatturi li jinkludu l-konflitti, l-iskarsità tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima, iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, in-nuqqas ta’ infrastruttura, id-distorsjoni ta’ xejriet kummerċjali u l-prezzijiet għoljin tal-prodotti bażiċi,
C. billi s-Somalja hija l-agħar li ntlaqtet, b’aktar minn nofs il-popolazzjoni dipendenti fuq l-għajnuna ta’ ikel, b’rati ta’ malnutrizzjoni ta’ 58% fin-Nofsinhar ċentrali tas-Somalja u 1.4 miljun ruħ spustjati internament,
D. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tmur għall-agħar minħabba l-konflitt li hemm bejn ir-ribelli u t-truppi tal-gvern; billi l-grupp militanti, al-Shabab jikkontrolla bosta żoni fejn ġiet iddikjarata l-karestija u ġiegħel jitilqu miż-żona l-aġenziji ta’ għajnuna mill-punent, tant li fixkel b’mod sever l-isforzi ta’ għajnuna,
E. billi aktar minn 860 000 refuġjat ħarbu mis-Somalja lejn pajjiżi ġirien, b’mod partikolari lejn il-Kenja u l-Etjopja, biex ifittxu s-sigurtà, l-ikel u l-ilma, hekk li l-kamp tar-refuġjati f’Dadaab fil-Kenja kien miżgħud b’aktar minn 420 000 ruħ,
F. billi 80% tar-refuġjati huma nisa u tfal li ħafna minnhom isofru vjolenza sesswali u intimidazzjoni tul it-triq lejn il-kampijiet tar-refuġjati jew fihom stess,
G. billi n-nuqqas ta’ ordni pubbliku u l-konflitt vjolenti fir-reġjun xekklu l-investiment fit-tul u l-programmi ta’ żvilupp, u wasslu wkoll għal aktar piraterija fl-Oċean Indjan, hekk li fixklet il-provvisti lejn ir-reġjun u minnu,
H. billi l-UE impenjat €158 miljun għall-għajnuna umanitarja fl-2011, flimkien ma’ €440 miljun mill-Istati Membri, li jiżdiedu ma’ aktar minn €680 miljun għar-reġjun bħala għajnuna fuq terminu twil ta’ żmien fl-oqsma tal-agrikultura, l-iżvilupp rurali u s-sikurezza alimentari sal-2013,
I. billi l-mexxejja tal-Unjoni Afrikana (AU) wiegħdu aktar minn US$350 miljun, għall-operazzjoni umanitarja,
J. billi żieda fil-privatizzazzjoni tal-art fil-Qarn tal-Afrika (primarjament mill-investituri barranin) wasslet biex is-sistema agrikola u alimentari prekarja saret aktar vulnerabbli, u naqqset li twettaq il-benefiċċji mwiegħda ta’ impjiegi, ikel u żvilupp ekonomiku,
K. billi l-impatt tat-tibdil fil-klima kellu effetti serji fuq il-produzzjoni tal-uċuħ fir-reġjun, li flimkien mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil tefgħu lura t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju,
L. billi r-rapport tal-Food Price Watch tal-Bank Dinji ta’ Awwissu 2011 jistqarr li l-prezzijiet dinjija tal-ikel għolja u volatili qed jipperikolaw l-ifqar persuni fid-dinja li qed tiżviluppa, u qed jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-Qarn tal-Afrika, b'firxa li kulma jmur qed tespandi ta' strumenti finanzjarji likwidi bbażati fuq is-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli li hija fattur prinċipali wara ż-żieda qawwija fil-prezzijiet dinjija tal-ikel,
M. billi l-istrumenti derivattivi bbażati fuq is-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli saru popolari ħafna u faċilment aċċessibbli għall-investituri tad-dinja kollha u ma għadhomx strumenti speċjalizzati għal investituri professjonali u lanqas strumenti ta’ kopertura għal parteċipanti ta’ swieq immedjati,
N. billi ż-żieda fil-likwidità u l-aċċesibilità ta’ dawn l-istrumenti hija marbuta mal-prezzijiet għolja u l-volatilità għolja fis-swieq immedjati sottostanti, u billi huwa aktar diffiċli għar-regolaturi li jkollhom l-istampa kollha ta’ dawn is-swieq minħabba li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu barra l-Borża,
O. billi problemi simili jistgħu jiġu ttratati permezz ta’ aktar trasparenza u miżuri li jiżguraw li s-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli jkunu aċċessibbli biss għall-parteċipanti tas-suq bi bżonn ġenwin u reali għal kopertura kontra r-riskju,
1. Jesprimi l-akbar sogħba għat-telf ta’ ħajja u t-tbatija fir-reġjun; jitlob għal żieda fil-mobilizzazzjoni tal-għajnuna tal-UE għal żoni fejn il-karestija hija qawwija ħafna biex jingħataw għajnuna alimentari, kura tas-saħħa, ilma nadif u provvisti għall-iġjene lill-aktar persuni vulnerabbli;
2. Jitlob lill-awtoritajiet u l-fazzjonijiet kollha fir-reġjun biex jippermettu aċċess bla xkiel għall-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja għall-dawk li għandhom bżonnha skont il-liġi umanitarja internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jirrikjedi li l-partijiet kollha jwaqqfu immedjatament l-abbużi kontra l-popolazzjoni ċivili - speċjalment nisa u tfal, u li dawk li jwettqu dawn l-atti jwieġbu għal għemilhom - u jiżguraw l-aċċess għall-għajnuna u l-moviment ħieles tal-persuni kollha li jaħarbu mill-konflitt jew min-nixfa; ifakkar lill-pajjiżi kollha fir-reġjun fil-bżonn li tingħata għajnuna u protezzjoni lir-refuġjati skont il-liġi internazzjonali;
4. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb b’mod urġenti t-tranżizzjoni bejn għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għaliex il-kriżi tan-nixfa fil-Qarn tal-Afrika turi biċ-ċar li snin sħaħ ta’ għajnuna ta’ emerġenza lil dawk li jsofru n-nixfa ma kellhiex segwitu effettiv permezz ta’ għajnuna għall-iżvilupp fuq medda twila ta’ żmien; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE, biex jappoġġaw il-proġetti tal-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant dwar il-kapaċitajiet ta' prevenzjoni, il-karestija u s-sistemi ta’ twissija bikrija marbuta man-nixfa;
5. Jiddispjaċih li l-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali saret tard wisq, meta jitqies li l-ewwel twissijiet ta’ nixfa fir-reġjun ingħataw f’Diċembru 2010 u li azzjoni aktar bikrija setgħet tgħin biex titnaqqas il-katastrofi li hemm bħalissa;
6. Jitlob għal titjib fil-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tal-għajnuna umanitarja u involviment akbar ta’ organizzazzjonijiet b’esperjenza diġà stabbiliti fiż-żoni ta’ konflitt, kif ukoll ta’ mexxejja tal-komunità lokali;
7. Jilqa’ l-impenji tal-Unjoni Afrikana għall-operazzjoni umanitarja li jinkludu l-missjoni taż-żamma tal-paċi AMISOM, iżda jiddispjaċih li 9 000 forzi taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana biss ġew mibgħuta s’issa fis-Somalja flok l-20 000 imwiegħda;
8. Jilqa’ l-impenji tal-UE u l-Istati Membri tagħha. ifakkar, madankollu, li l-appell ta' emerġenza tan-NU għadu USD biljun inqas minn dak li hu meħtieġ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji tagħha u tħalli effett fuq il-post kemm jista’ jkun malajr;
9. Jitlob li persentaġġ akbar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-UE (ODA) jiġi indirizzat lejn il-produzzjoni agrikola u l-għajnuna għall-pastoralisti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex tingħata spinta lis-sikurezza alimentari; f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali sabiex jonoraw l-impenji tas-samit ta' L'Aquila 2009 għal USD 22 biljun favur l-iżvilupp aġrikolu iżda li minnhom ingħataw biss parti waħda minn ħamsa;
10. Jirrikjedi li l-istituzzjonijiet finanzjarji involuti fl-ispekulazzjoni fis-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli jwaqqfu l-attività spekulattiva li tgħolli u toħloq volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u biex l-indirizzar tal-faqar u t-tbatija tal-bniedem fil-Qarn tal-Afrika u fid-dinja li qed tiżviluppa jiġu qabel il-profitti u l-qliegħ mill-ispekulazzjoni tal-prezz tal-ikel;
11. Iħeġġeġ lil dawn l-istituzzjonijiet biex jieħdu serjament ir-responsabilitajiet soċjali korporattivi tagħhom u jqiegħdu fis-seħħ regoli interni biex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom fis-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli jaqdu l-impriżi tal-ekonomija reali li jeħtieġu kopertura tar-riskju;
12. Jistieden lill-G20 tintensifika l-inizjattivi maħsuba biex jinħoloq ftehim dwar regolament globali li jevita l-ispekulazzjoni abbużiva u tikkoordina l-ħolqien ta’ mekkaniżmi preventivi kontra l-fluttwazzjoni eċċessiva tal-prezzijiet dinjija tal-ikel; jenfasizza li l-G20 trid tinvolvi pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-G20 biex tkun garantita konverġenza globali;
13. Jitlob lill-Kummisjsoni tippreżenta proposti li jemendaw id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq biex tkun evitata l-ispekulazzjoni abbużiva u tiżgura li l-involviment fid-derivattivi tal-prodotti bażiċi alimentari jkun ristrett għall-parteċipanti tas-suq bi bżonn ġenwin reali għal kopertura kontra r-riskju;
14. Jenfasizza li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għandu jkollha rwol prinċipali fis-superviżjoni tas-swieq tal-prodotti bażiċi; isostni li l-ESMA għandha tkun viġilanti fl-applikazzjoni tagħha tal-istrumenti regolatorji biex tkun evitata l-manipolazzjoni u l-abbużi fis-swieq tal-ikel u tal-prodotti bażiċi agrikoli;
15. Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida tal-politika tal-art dwar il-ħtif ta’ art, biex tiżgura l-konformità tagħha mal-Linji Gwida Volontarji proposti mis-CFS dwar Governanza Responsbbli tal-Pusses tal-Art, tas-Sajd u ta’ Foresti u tagħti importanza akbar permezz tal-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-politiki kummerċjali u l-involviment tagħha fl-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali bħall-Bank Dinji u l-FMI;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri għat-titjib tar-rappurtaġġ u l-monitoraġġ dwar akkwiżizzjonijiet ta’ art fuq skala kbira li jinvolvu investituri Ewropej u sabiex tappoġġa lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw rigward teħid ta’ deċiżjonijiet dwar investimenti, waqt li ssaħħaħ ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju d-dritt għall-ikel, fil-liġi dwar l-investiment internazzjonali;
17. Jitlob sforzi sinifikanti biex issir integrazzjoni aħjar tal-adattament għat-tibdil fil-klima fil-politiki ta’ żvilupp tal-UE.jitlob lill-UE biex iżżid dawn il-fondi b’mod sostanzjali u tiżgura li jkunu miżjuda mal-ODA;. barra minn hekk, jistieden lill-UE tagħti prova ta’ tmexxija soda fil-COP 17 li jmiss fir-rigward ta’ implimentazzjoni aħjar tal-politiki ta’ adattazzjoni klimatika u ta’ tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-politki ta’ żvilupp sostenibbli;
18. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti reċenti ta’ użu ħażin tal-ODA biex titwettaq oppressjoni politika fl-Etjopja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-għajnuna tintuża strettament għat-tnaqqis tal-faqar, b’mod responsabbli u trasparenti, bl-użu sħiħ tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou;
19. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra aħjar il-Pastoraliżmu fil-politika għall-iżvilupp tal-UE; jemmen li jeħtieġ djalogu urġenti ma’ awtoritajiet lokali sabiex jieħu ħsieb il-protezzjoni tiegħu u ta’ dan il-mod ta’ għejxien fir-reġjun kollu;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-Segretarju Ġenerali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi tal-IGAD, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE, lill-Presidenza tal-G20 u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.