imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Michèle Striffler, Filip Kaczmarek, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Roberta Angelilli, Alf Svensson, Birgit Schnieber-Jastram, Eduard Kukan
f'isem il-Grupp PPE-DE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
B7‑0493/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant għoli, Catherine Ashton, tal-24 ta’ Awwissu 2011 dwar ir-reazzjoni tal-UE quddiem il-karestija li qed isseħħ fil-Qarn tal-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konferenza tad-Donaturi Internazzjonali, organizzata mill-Unjoni Afrikata fil-25 ta' Awwissu f'Addis Ababa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-ispekulazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel bażiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-perjodu ta’ nixfa mtawwal li qed jeqred il-Qarn tal-Afrika, marbut mal-konflitti fir-reġjun, mal-prezzijiet għolja tal-prodotti tal-ikel bażiċi u mar-riżorsi li kulma jmur qed isiru aktar skarsi, ġab l-akbar kriżi umanitarja u alimentari tad-dinja li fil-fatt qed tolqot 13.3-il miljun ruħ li minnhom 840 000 huma rifuġjati, skont l-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi diġà kkawża għaxriet ta' eluf ta' mwiet, li aktar minn nofshom huma tfal,
B. billi l-Qarn tal-Afrika qed jiffaċċja urġenza doppja marbuta mal-agħar nixfa ta' dawn l-aħħar 60 sena u mal-ispostament massiv tal-popolazzjoni, kwart tas-7.5 miljun Somali huma spostjati kemm ġewwa l-pajjiż u kemm bħala rifuġjati fil-pajjiżi ġirien,
C. billi, skont id-definizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, pajjiż jinsab f’sitwazzjoni ta’ karestija meta tal-anqas 20% tal-unitajiet domestiċi jkunu qed jiffaċċjaw skarsezza serja tal-ikel, mill-inqas 30% tal-popolazzjoni tkun tinsab fi stat gravi ta' malnutrizzjoni, u jkun hemm rata tal-mewt ta’ mill-anqas 2 persuni kuljum għal kull 10 000 ruħ,
D. billi, fil-parti l-kbira tar-reġjuni milquta min-nixfa, ir-rata ta’ malnutrizzjoni taqbeż it-30%, li huwa aktar mid-doppju tal-limitu ta’ urġenza rikonoxxut internazzjonalment,
E. billi, b’4 miljun ruħ milquta u sitt reġjuni ddikjarati li jinsabu f'sitwazzjoni ta’ karestija, is-Somalja hija l-pajjiż l-aktar milqut minn din il-katastrofi umanitarja; billi dawn iċ-ċirkostanzi huma aggravati mill-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jinsabu fuq l-art Somala u mill-konsegwenti ta' għoxrin sena ta' konflitt fuq it-territorju,
F. billi l-karestiji qed tikkawża ta’ kull ġimgħa li eluf ta’ nies isiru refuġjati u s-sitwazzjoni umanitarja fil-kampijiet qed teħżien minn jum għall-ieħor, bi 30% tat-tfal ta’ anqas minn ħames snin isofru minn malnutrizzjoni, it-tfaċċar ta’ epidemiji bħalma huma l-kolera u l-ħożba, u ġew irrappurtati diversi każi ta' stupru,
G. billi Dadaab, fil-Kenja, bħalissa huwa l-akbar kamp tar-rifuġjati fid-dinja, u 400 000 ruħ jgħixu f’dan il-kamp li huwa ddisinjat biex jilqa' fih 90 000 refuġjat; billi kull ġurnata, aktar minn 3 000 Somali jaqsmu l-ħin kollu l-fruntieri tal-pajjiż lejn l-Etjopja u l-Kenja, ifittxu l-ikel u s-sigurtà,
H. billi s’issa ġie ffinanzjat biss 62% miż-USD 2.4 biljun mitluba min-Nazzjonijiet Uniti biex tiġi miġġielda n-nixfa fir-reġjun u billi għad jinħtieġu USD 940 miljun biex tkun tista’ tiġi fornuta għajnuna vitali fir-reġjun,
I. billi l-aċċess għall-popolazzjonijiet ikkonċernati għadu l-akbar l-ostaklu biex tittaffa s-sitwazzjoni tal-ikel fir-reġjun; billi s-Somalja għadha sal-lum wieħed mill-pajjiżi l-aktar perikolużi għall-ħaddiema umanitarji,
J. billi l-Programm Dinji tal-Ikel jeħtieġ EUR 250 miljun oħra biex ikun jista’ jiżgura l-għajnuna meħtieġa fis-sitt xhur li ġejjin,
K. billi, biex twieġeb għas-sistwazzjoni ta’ urġenza li qed jiffaċċja l-Qarn tal-Afrika, il-Kummissjoni allokat għal dan ir-reġjun għajnuna umanitarja ta’ EUR 97.47 miljun u qed tħejji biex tintensifika l-appoġġ tagħha, li jġib għal EUR 158 miljun l-għajnuna umanitarja li allokat din is-sena lill-popolazzjonijiet li huma vittmi tan-nixfa; billi l-pajjiżi membri prinċipali tal-Unjoni Afrikana impenjaw ruħhom li jirrilaxxaw kważi USD 350 miljun favur il-pajjiżi milquta min-nixfa waqt il-Konferenza tad-Donaturi Internazzjonali li saret f’Addis Ababa,
L. billi t-tibdil tal-klima kif ukoll il-kriżi ekonomika li seħħet dan l-aħħar ikkawżaw żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-prodotti tal-ikel bażiċi,
1. Jinsab imħasseb serjament minħabba s-sitwazzjoni umanitarja mingħajr preċedent li qed jiffaċċja l-Qarn tal-Afrika u li qed tkompli tmur għall-agħar u jiddeplora l-għadd inaċċettabbli ta’ vittmi li diġa’ ntlaqtu mill-karestija fis-Somalja, fil-Kenja, fl-Etjopja u f’Ġibuti;
2. Jenfasizza li ma hu mistenni l-ebda titjib fis-sitwazzjoni qabel is-sena d-dieħla minħabba li l-ħsad mistenni jittardja u l-uċuħ se jkunu anqas mill-medja, il-mergħat u l-għejun tal-ilma ġew eżawriti u l-prezzijiet taċ-ċereali bażiċi, bħalma hu l-qamħirrun, u tal-ilma u l-fjuwil għolew ħafna f’daqqa;
3. Jitlob li ssir mobilizzazzjoni aktar qawwija tal-komunità internazzjonali li għandha tirdoppja l-isforzi tagħha biex tlaħħaq ma’ din is-sitwazzjoni ta’ urġenza bil-għan li tissodisfa l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru u tipprevjeni li s-sitwazzjoni tkompli tiddeterjora mill-ġdid; u tindirizza n-nuqqas li hemm fil-finanzjament;
4. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-għajnuna tiġi kkontrollata billi jiġu identifikati sħab affidabbli fuq il-post, issir koordinazzjoni aħjar, u ssir organizzazzjoni aħjar tad-distribuzzjoni, u b’hekk jiġu evitati kull devjazzjoni u sakkeġġ;
5. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-mobilizzazzjoni tal-UE (fil-livell kemm tal-Kummissjoni u kemm tal-Istat Membri) u jitlob li ssir żieda fil-għajnuna li hi ppjanata li tingħata; jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Unjoni Afrikana biex tirrimedja din il-kriżi, u jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti, mhux biss ta' għajnuna f'ikel imma li jittejbu l-kundizzjonijiet sanitarji fuq il-post;
6. Jenfasizza li fis-Somalja l-aċċess tal-popolazzjonijiet għall-għajnuna f’ikel, speċjalment fiċ-ċentru u n-nofsinhar tal-pajjiż u ż-żoni kkontollati mill-al-Xabab, huwa diffiċli b’mod estrem; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-persuni kollha kkonċernati mill-konflitt Somalu, u fil-livelli kollha; jinkoraġġixxi li jiġi stabbilit reġim ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali bil-għan li jiġi żgurat bidu tar-rikostruzzjoni tal-pajjiż;
7. jitlob lill-awtoritajiet tar-reġjun jagħtu aċċess bla xkiel lill-organizzazzjonijiet umanitarji, u jassiguraw il-ħarsien tal-persuni ċivili fiċ-ċirkostanzi kollha, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
8. Ifakkar fir-rabta meħtieġa ta' bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp u fl-importanza li ssir tranżizzjoni f’waqtha mill-urġenza għall-iżvilupp, u jinkoraġġixxi l-komunità internazzjonali tħares lil hinn mill-għajnuna ta’ urġenza, biex tinvesti fit-tul fl-agrikoltura bħala l-għajn prinċipali tal-ikel u tad-dħul fir-reġjun, u fil-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi sostenibbli;
9. Jenfasizza li l-pajjiżi Afrikani jridu wkoll jieħdu miżuri fit-tul, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex jiżguraw li n-nixfa ma tkunx tfisser aktar il-karestija, jenfasizza li l-adozzjoni ta’ miżuri immedjati għandha tmur id f’id mal-forniment ta' appoġġ fit-tul li jkun jippermetti li jiġu ggarantiti mezzi ta' għajxien sostenibbli;
10. F’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddedika, minn issa sal-2013, aktar minn EUR 680 miljun għal dan ir-reġjun fis-sura ta’ għajnuna fit-tul fil-qasam tal-agrikoltura, f’dak tal-iżvilupp rurali u f’dak tas-sigrutà tal-ikel;
11. Iħeġġeġ titjib fit-trasparenza u fil-kwalità tal-informazzjoni u li tingħata fil-ħin dwar ir-riżervi u l-istokkijiet tal-prodotti tal-ikel bażiċi, kif ukoll dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet fuq livell internazzjoni, kif mitlub fil-Komunikazzjoni riċenti mill-Kummissjoni "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima"; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tiġġieled kontra l-ispekulazzjoni eċċessiva fis-swieq tal-materja prima bil-għan li tagħmel prevenzjoni kontra ż-żieda f'daqqa fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel bażiċi; jenfasizza li dawn il-passi għandhom jittieħdu bħala parti mill-isforzi biex jiġu rregolati s-swieq finanzjarji fl-livell dinji;
12. Jenfasizza li t-tibdil tal-klima jpoġġi piż tqil li jhedded is-sikurezza tal-ikel dinjija, sitwazzjoni li tkompli żżid mal-pressjonijiet li hemm fuq sistema tal-ikel dinjija li diġà hija defiċjenti; jistieden lill-UE tkun hi li tmexxi l-għajnuna lill-pajjiżi fqar biex jiġġieldu kontra n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, lill-Kunsill tas-Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet u lill-pajjiżi membri tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.