imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Charles Goerens, Louis Michel, Ivo Vajgl, Marielle De Sarnez
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-karestija fl-Afrika ta’ Lvant
B7‑0494/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qarn tal-Afrika,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-karestija fl-Afrika ta’ Lvant, fl-24 ta' Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-konferenza tad-donaturi f’Addis Ababa, tal-25 ta' Awwissu 2011;
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-ispekulazzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi għexieren ta’ eluf ta’ nies mietu, 750 000 jinsabu f’periklu imminenti li jmutu bil-guħ u 12-il miljun ruħ mis-Somalja, l-Etjopja, l-Eritrea, il-Kenja u d-Djibouti jinsabu fi bżonn urġenti ta’ għajnuna tal-ikel fl-agħar karestija ta’ dawn l-aħħar 60 sena, li n-NU tistenna li tinfirex tul il-Qarn tal-Afrika kollu,
B. billi l-karestija fir-reġjun aggravat ruħha minħabba fatturi li għaqqdu flimkien il-konflitti, l-iskarsità tar-riżorsi, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir fil-popolazzjoni, in-nuqqas ta’ infrastruttura, il-governanza ħażina u l-prezzijiet għoljin tal-ikel,
C. billi s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza fil-pajjiżi kollha tal-Qarn tal-Afrika kienet ta' tħassib kbir għall-UE għal ħafna snin; iqis li t-titjib fis-sitwazzjoni umanitarja jiddependi wkoll mis-suċċess tal-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp u l-bini mill-istat f’dan ir-reġjun,
D. billi s-Somalja kienet l-aktar pajjiż milqut u fejn aktar minn nofs il-popolazzjoni tinsab dipendenti fuq l-għajnuna ta' ikel, il-livelli tal-malnutrizzjoni tat-tfal ilaħħqu l-58% u hemm 1.4 miljun ruħ spustjati internament,
E. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tmur għall-agħar minħabba l-konflitt li hemm bejn ir-ribelli u t-truppi tal-gvern; billi l-grupp Islamista militanti al-Shabab jikkontrolla bosta żoni fejn ġiet iddikjarata l-karestija u imblokka t-trasport ta’ għajnuna tal-ikel u ġiegħel jitilqu miż-żona l-aġenziji ta’ għajnuna mill-punent, hekk li fixkel b’mod sever l-isforzi ta’ għajnuna,
F. billi l-gvern tal-Eritrea qiegħed b’mod ċar jiċħad l-aċċess ta’ ikel u appoġġ umanitarju ieħor għall-poplu tiegħu,
G. billi aktar minn 860 000 refuġjat ħarbu mis-Somalja lejn pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Kenja u l-Etjopja, biex ifittxu s-sigurtà, l-ikel u l-ilma, hekk li l-kamp tar-refuġjati f’Dadaab fil-Kenja kien miżgħud b’aktar minn 420 000 ruħ,
H. billi aktar minn 80% tar-refuġjati huma nisa u tfal li ħafna minnhom isofru vjolenza sesswali u intimidazzjoni tul it-triq lejn il-kampijiet tar-refuġjati jew fihom stess,
I. billi n-nuqqas ta’ ordni pubbliku u l-konflitt vjolenti fir-reġjun xekklu l-investiment fit-tul u l-programmi ta’ żvilupp, u wasslu wkoll għal aktar piraterija fl-Oċean Indjan, li fixklet il-provisti lejn ir-reġjun u minnu,
J. billi l-UE impenjat €158 miljun għall-għajnuna umanitarja fl-2011, flimkien ma’ €440 miljun mill-Istati Membri, li jiżdiedu ma’ aktar minn €680 miljun għar-reġjun bħala għajnuna għal terminu twil ta’ żmien fl-oqsma tal-agrikultura, l-iżvilupp rurali u s-sikurezza alimentari sal-2013,
K. billi l-mexxejja tal-Unjoni Afrikana (AU) wiegħdu aktar minn USD 350 miljun, għall-operazzjoni umanitarja,
L. billi l-waqfien ta’ appoġġ għall-pastoralisti għamlu aktar vulnerabbli s-sistema agrikola u alimentari tal-Qarn tal-Afrika,
M. billi l-impatt tat-tibdil fil-klima kellu effetti serji fuq il-produzzjoni tal-uċuħ fir-reġjun, li flimkien mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil tefgħu lura t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju,
N. billi hemm interazzjoni potenzjali bejn l-ispekulazzjoni u volatilità estrema tal-prodotti bażiċi alimentari globali, kif ukoll rabta bejn is-swieq tal-enerġija u l-prezzijiet tal-ikel,
O. billi problemi simili jistgħu jiġu ttratati permezz ta’ aktar trasparenza,
1. Jesprimi l-akbar sogħba għat-telf ta’ ħajja u t-tbatija fir-reġjun; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi kkontrollata l-kriżi alimentari fil-Qarn tal-Afrika; jitlob għal żieda fil-mobilizzazzjoni tal-għajnuna tal-UE għal żoni fejn il-karestija hija qawwija ħafna biex jingħataw għajnuna alimentari, kura tas-saħħa, ilma nadif u provvisti għall-iġjene lill-aktar persuni vulnerabbli;
2. Jitlob lill-awtoritajiet u l-fazzjonijiet kollha fir-reġjun biex jippermettu aċċess bla xkiel għall-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja għall-dawk li għandhom bżonnha skont il-liġi umanitarja internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jirrikjedi li l-partijiet kollha jwaqqfu immedjatament l-abbużi kontra l-popolazzjoni ċivili - speċjalment nisa u tfal, u li dawk li jwettqu dawn l-atti jwieġbu għal għemilhom - u jiżguraw l-aċċess għall-għajnuna u l-moviment ħieles tal-persuni kollha li jaħarbu mill-konflitt jew min-nixfa ifakkar lill-pajjiżi kollha fir-reġjun fil-bżonn li tingħata għajnuna u protezzjoni lir-refuġjati skont il-liġi internazzjonali;
4. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb b’mod urġenti t-tranżizzjoni bejn għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp għaliex il-kriżi tan-nixfa fil-Qarn tal-Afrika turi ċar li snin sħaħ ta’ għajnuna ta’ emerġenza lil dawk li jsofru n-nixfa ma kellhiex segwitu effettiv permezz ta’ għajnuna għall-iżvilupp għal medda twila ta’ żmien;
5. Jilqa’ l-impenji tal-Unjoni Afrikana għall-operazzjoni umanitarja li tinkludi l-missjoni taż-żamma tal-paċi AMISOM, iżda jiddispjaċih li 9 000 forzi taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana biss ġew mibgħuta s’issa fis-Somalja flok l-20 000 imwiegħda;
6. Jilqa’ l-impenji tal-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar, madankollu, li l-appell ta' emerġenza tan-NU għadu USD biljun inqas minn dak li hu meħtieġ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji tagħha;
7. Jitlob li persentaġġ akbar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tal-UE jiġi indirizzat lejn il-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex tingħata spinta għas-sikurezza alimentari; f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali sabiex jonoraw l-impenji tas-samit ta' L'Aquila 2009 għal USD 22 biljun favur l-iżvilupp aġrikolu iżda li minnhom ingħataw biss parti waħda minn ħamsa;
8. Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza, u informazzjoni ta’ kwalità aħjar u aġġornata dwar riżervi u stokkijiet ta’ prodotti bażiċi tal-ikel, u l-formazzjoni ta’ prezzijiet fil-livell internazzjonali;
9. Jitlob li jittieħdu l-passi neċessarji biex iwaqqfu l-ispekulazzjoni abbużiva fis-swieq tal-prodotti bażiċi; jenfasizza li dawk il-passi għandhom jittieħdu bħala parti mill-isforzi għar-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji fil-livell globali u tal-UE;
10. Jitlob li s-soluzzjonijiet li jindirizzaw il-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet ikunu koordinati fil-livell internazzjonali; jitlob l-ġlieda konta l-abbużi u l-manipulazzjonijiet tal-prezzijiet agrikoli jsiru fil-livell internazzjonali għaliex dawn jipperikolaw potenzjament is-sikurezza alimentari globali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida tagħha dwar l-artijiet fir-rigward tal-ħtif tal-art;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri għat-titjib tar-rappurtaġġ u monitoraġġ dwar akkwiżizzjonijiet ta’ art fuq skala kbira li jinvolvu investituri Ewropej u sabiex tappoġġa lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw rigward teħid ta’ deċiżjonijiet dwar investimenti;
13. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-għajnuna tintuża b’mod strett għat-tnaqqis tal-faqar, b’mod responsabbli u trasparenti;
14. Jistieden lill-Kummisjoni sabiex tintegra aħjar il-Pastoraliżmu fil-politika għall-iżvilupp tal-UE; jemmen li jeħtieġ djalogu urġenti ma’ awtoritajiet lokali sabiex jieħu ħsieb il-protezzjoni tiegħu u ta’ dan il-mod ta’ għejxien fir-reġjun kollu;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-Segretarju Ġenerali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi tal-IGAD, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE, lill-Presidenza tal-G20 u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.