Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0530/2011

Testi mressqa :

B7-0530/2011

Dibattiti :

PV 27/09/2011 - 13
CRE 27/09/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 29/09/2011 - 10.2

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 125kDOC 72k
27.9.2011
PE472.713v01-00
 
B7-0530/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Geoffrey Van Orden, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Peter van Dalen, Marek Henryk Migalski, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina  
B7‑0530/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-VP/RGħ fl-Iżrael u fit-territorji Palestinjani bejn is-27 u d-29 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani adottati fit-18 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestina kkollassaw f'Settembru 2010 u ma reġgħux inbdew s'sissa, minkejja l-bosta proposti li saru mill-Kwartett u mill-Iżrael;

B.  billi Mahmoud Abbas, President tal-Awtorità Palestinjana, ippreżenta talba għal sħubija fin-NU għal stat Palestinjan lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

C. billi d-deċiżjoni tas-Sur Abbas ħolqot diżgwid mal-Hamas, li ma ġewx ikkonsultati dwar din il-mossa u pprojbixxew manifestazzjonijiet pubbliċi f'Gaża f'appoġġ għaliha;

D. billi l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina ilha tgawdi minn status ta' osservatur fin-NU sa mill-1974;

E.  billi l-oqfsa rikonoxxuti internazzjonalment għall-paċi fil-Lvant Nofsani, bħar-Riżoluzzjonijiet 242, 338, 1850 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Pjan Direzzjonali, jitolbu li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt li tkun innegozjata b'mod reċiproku u jiċħdu kwalunkwe azzjonijiet unilaterali;

F.  billi l-Iżrael qed ikompli għaddej bil-bini tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta' Ġerusalemm;

G. Billi r-"Rebbiegħa Għarbija" u l-bidliet li ġabet f'pajjiżi fl-inħawi tal-Iżrael għamluha aktar urġenti li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; billi l-Prim Ministru tal-Eġittu qal li t-trattat ta' paċi ta' pajjiżu mal-Iżrael ma kienx "sagru" u kien dejjem miftuħ għal diskussjoni jew tibdil;

H. billi l-Fatah u l-Hamas, żewġ fazzjonijiet Palestinjani rivali, iffirmaw il-ftehim ta' rikonċiljazzjoni, li jipprevedi l-ħolqien ta' gvern konġunt Palestinjan ta' tranżizzjoni qabel l-elezzjonijiet nazzjonali fl-2012;

I.   billi l-Hamas huma inklużi fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE, u jiċħdu kontinwament it-tliet Prinċipji tal-Kwartett: ir-rikonoxximent tad-dritt tal-Iżrael li jeżisti, l-aċċettazzjoni tal-obbligi internazzjonali eżistenti tal-Awtorità Palestinjana u l-kundanna tal-vjolenza;

J.   billi Benjamin Netanyahu, Prim Ministru Iżraeljan, talab li jkun hemm ritorn għal taħditiet diretti mingħajr ebda prekundizzjonijiet;

K. billi l-Palestina tiddependi ħafna fuq l-għajnuna finanzjarja internazzjonali, primarjament mill-UE u mill-Istati Uniti, kif ukoll mill-Iżrael, li jipprovdiha b'ilma, elettriku u assistenza fil-ġbir tat-taxxi;

L.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatriċi ta' għajnuna finanzjarja lill-Palestinjani, inklużi lir-refuġjati Palestinjani;

M. billi s-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea żammew lura milli jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar riżoluzzjoni li tista' tasal quddiem l-Assemblea Ġenerali biex jagħmlu kemm jistgħu pressjoni fuq iż-żewġ naħat biex jerġgħu lura għan-negozjati;

1.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni b'żewġ Stati, maqbula u onorata mill-Iżraeliti u mill-Palestinjani u bbażata fuq il-fruntieri tal-1967 bi tpartit maqbul ta' art għall-paċi, li għandha tintlaħaq permezz ta' negozjati diretti u mhux permezz ta' atti unilaterali;

2.  Jistieden liż-żewġ naħat jerġgħu jibdew bit-taħditiet diretti mingħajr ebda prekundizzjonijiet, biex tkun tista' tinstab soluzzjoni dejjiema; jemmen b'mod qawwi li l-uniku mod kif tinkiseb paċi ġenwina u sostenibbli huwa permezz tan-negozjati;

3.  Jenfasizza li riżoluzzjoni potenzjali li tintlaħaq fin-NU mhux se tibdel is-sitwazzjoni fil-post, u li diversi kwistjonijiet pendenti, bħall-kwistjoni tal-fruntieri, ir-refuġjati, l-istatus ta' Ġerusalemm u l-ilma xorta se jkollhom jiġu solvuti f'taħditiet diretti bejn il-Palestina u l-Iżrael;

4.  Jistieden lill-Kwartett juża b'mod effikaċi l-ħin bejn il-preżentazzjoni tat-talba Palestinjana għal sħubija u l-votazzjoni nnifisha fil-Kunsill tas-Sigurtà biex jikkonvinċi liż-żewġ naħat jerġgħu jibdew bit-taħditiet diretti; f'dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett fil-ħolqien ta' perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

5.  Jinnota t-taħditiet u l-kooperazzjoni bejn il-Fatah u l-Hamas u jittama li ż-żewġ fazzjonijiet Palestinjani jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem b'mod demokratiku, paċifiku u mhux vjolenti li jkun jista' jwassal għal eżitu paċifiku fuq iż-żewġ naħat; f'dan ir-rigward jistieden lill-gvern konġunt Palestinjan ta' tranżizzjoni, malli jiġi stabbilit, jaċċetta u jaġixxi skont il-prinċipji tal-Kwartett;

6.  Jinnota l-fatt li sakemm il-Hamas ma jikkundannawx il-vjolenza u jaċċettaw il-prinċipji tal-Kwartett, se jibqgħu fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi, u b'hekk jagħmluha diffiċli li l-UE tikoopera mal-gvern Palestinjan il-ġdid;

7.  Jiddikjara li sakemm il-vjolenza, il-kunflitti, in-nuqqas ta' kooperazzjoni u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi fqar jippersistu, ġenerazzjoni ta' żgħażagħ, kemm Iżraeljani kif ukoll Palestinjani, se jsiru adulti tar-reġjun li qatt ma għexu fi żminijiet ta' paċi, xi ħaġa li min-naħa tagħha se jkollha impatt ta' ħsara fuq l-Iżrael u l-Palestina, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Gvern u l-Parlament tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2011Avviż legali