imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara
Véronique De Keyser, Hannes Swoboda, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Vincent Peillon, Kristian Vigenin
f’isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara
B7‑0542/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq, u tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 tat-13 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tal-10 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Catherine Ashton dwar il-vjolenza fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-qtil sistematiku fis-Sirja u inċidenti oħrajn tat-8 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li s-Sirja u l-Eġittu huma firmatarji tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar 'Ir-Reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel' tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb huma valuri fundamentali u universali u huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;
Eġittu
B. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fid-dinja Għarbija; billi l-avvenimenti politiċi u soċjali fl-Eġittu kellhom impatt kbir fuq l-iżviluppi f'pajjiżi oħrajn fl-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani;
C. billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess; billi l-iżvilupp ekonomiku u standard ta' għajxien ogħla tal-popolazzjoni huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fuq tul ta' żmien twil fil-pajjiż;
D. billi l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin għall-Assemblea tal-Poplu u l-Kunsill Shoura, li se jsiru lejn l-aħħar tal-2011 u fil-bidu tal-2012, kif ukoll l-elezzjoni presidenzjali li se ssir fl-2012 se jkunu mumenti storiċi fil-proċess ta' tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu;
E. billi, fid-9 ta' Ottubru 2011, l-inċidenti vjolenti matul id-dimostrazzjoni paċifika mill-Insara Kopti fil-Kajr, wara l-attakk fuq knisja Kopta f'Aswan, irriżultaw fil-mewt ta' 25 persuna bejn ċivili u membri tal-militar, u f'aktar minn 300 persuna midruba;
F. billi l-Papa Kopta Shenouda III tefa' r-responsabilità tal-inċitament tal-vjolenza fuq il-persuni li infiltraw id-dimostrazzjoni paċifika; billi l-kapijiet reliġjużi, inkluż Al-Azhar Grand Imam Ahmed al-Tayeb, tennew is-sejħa u l-appoġġ tagħhom għall-unità nazzjonali u d-djalogu interreliġjuż fl-Eġittu;
G. billi l-gvern Eġizzjan stabbilixxa kumitat għas-sejbien tal-fatti magħmul minn membri tal-ġudikatura biex jinvestiga dawn l-inċidenti bil-għan li jinżammu responsabbli dawk li inċitaw il-vjolenza u li ħadu azzjonijiet vjolenti;
H. billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati reġa' afferma l-impenn tiegħu għall-istat tad-dritt, għar-rispett tad-dritt taċ-ċittadini kollha għall-protesti paċifiċi, u għal-libertajiet tal-għaqda, tat-twemmin u tal-espressjoni;
I. billi ċ-ċivili komplew jitressqu quddiem it-tribunali militari fl-Eġittu; billi l-blogger, Maikel Nabil Sanad ta' 25 sena, ġie arrestat fit-28 ta' Marzu 2011 fil-Kajr u ngħata sentenza ta' tliet snin fil-ħabs minn tribunal militari mingħajr il-preżenza tal-avukati tiegħu; billi ilu fuq strajk tal-ġuħ u tal-għatx għal ġimgħat twal u huwa attwalment f'kundizzjoni ta' saħħa kritika;
J. billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ottubru 2011 dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni fl-Eġittu, in-Netwerk Ewro-Mediterranju tad-Drittijiet tal-Bniedem esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-NGOs fil-pajjiż;
Sirja
K. billi, skont l-istimi tan-NU, 'il fuq minn 3000 ruħ tilfu ħajjithom, inkluż tal-anqas 187 tifel u tifla, u ħafna aktar indarbu u ġew detenuti minn Marzu 2011 bħala riżultat tar-ripressjoni brutali mir-reġim Sirjan kontra l-poplu tiegħu; billi, minkejja kundanna internazzjonali mifruxa, ir-ripressjonijiet vjolenti u vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà kontra ċ-ċivili u l-familji tagħhom qed ikomplu u qed jiżdiedu aktar fis-Sirja;
L. billi r-riformi u l-amnestiji mħabbra u mwiegħda mill-President Bashar al-Assad għadhom ma ġewx implimentati;
M. billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill laqa' l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tistabbilixxi pjattaforma unita, talab ukoll lill-komunità internazzjonali biex tilqa' dawn l-isforzi, innota l-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali Sirjan (SNC) bħala pass pożittiv 'il quddiem, u laqa' l-impenn tal-SNC għan-non-vjolenza u l-valuri demokratiċi; billi l-Membri tal-Parlament Ewropew kellhom skambju ta' opinjonijiet mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana eżiljata f'diversi okkażjonijiet fix-xhur li għaddew,
N. billi l-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja huma akkumpanjati minn azzjonijiet immirati għall-inċitament ta' kunflitti interetniċi u interkonfessjonali u għaż-żieda ta' tensjonijiet settarji; billi l-komunitajiet Insara, li jagħmlu madwar 10% tal-popolazzjoni, għandhom rwol importanti fid-demokratizzazzjoni tal-pajjiż;
Eġittu
1. Jerġa' jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli tat-tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jkompli jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġaw l-isforzi mmirati għall-aċċelerazzjoni tar-riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu;
2. Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza li jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti għall-Assemblea tal-Poplu u għall-Kunsill Shoura fl-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012, u l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2012 fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġaw u jgħinu lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili Eġizzjani fl-isforzi mmirati għall-ilħuq ta' dan l-objettiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet barranin li bi ħsiebhom isegwu l-proċess elettorali fuq il-post;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenti vjolenti li saru fid-9 ta' Ottubru 2011 fil-Kajr, li rriżultaw fil-mewt ta' 25 persuna bejn ċivili u membri tal-militar, u f'aktar minn 300 persuna midruba, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
4. Jilqa' t-twaqqif mill-Gvern Eġizzjan ta' kumitat għas-sejbien ta' fatti magħmul minn membri tal-ġudikatura li jinvestigaw dawn l-inċidenti; jieħu nota tal-avviżi tal-gvern dwar il-kunsiderazzjoni immedjata ta' abbozz ta' digriet li jfittex li jillegalizza l-istatus tal-postijiet tal-kult mibnija mingħajr l-awtorizzazzjoni xierqa kif ukoll dwar it-tisħiħ tal-istrumenti legali li jfittxu li jiġġieldu d-diskriminazzjoni kemm f'oqsma pubbliċi kif ukoll privati; jisħaq madankollu fuq ir-responsabilità tal-gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż u biex dawk responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja;
5. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-blogger Maikel Nabil Sanad li qed jinżamm fil-ħabs u jitlob għall-ħelsien immedjat tiegħu; iħeġġeġ lill-gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex itemmu mingħajr dewmien il-proċessi militari taċ-ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-ebda organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ma tkun suġġetta għal intimidazzjoni diretta jew indiretta fil-pajjiż u biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess ta' tranżizzjoni demokratika, inkluż il-proċess elettorali;
Sirja
6. Jerġa' jikkundanna bis-sħiħ ir-ripressjoni brutali tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jtenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Sirjan; jitlob lill-President Bashar al-Assad biex iwarrab ħalli jippermetti li ssir tranżizzjoni demokratika fis-Sirja;
7. Itenni s-sejħa għal investigazzjoni independenti, trasparenti u effikaċi dwar il-qtil, l-arresti, id-detenzjoni arbitrarja, u l-allegat għajbien sfurzat u l-każi ta' tortura mill-forzi tas-sigurtà Sirjani sabiex jiżguraw li l-awturi ta' dawn l-atti jinżammu responsabbli mill-komunità internazzjonali;
8. Jilqa' l-adozzjoni, fit-13 ta' Ottubru 2011 mill-Kunsill, ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-reġim Sirjan kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru li tennew id-determinazzjoni tal-UE biex tfittex attivament il-politika attwali tagħha dwar is-Sirja, inkluż permezz tas-sanzjonijiet immirati tagħha kontra r-reġim Sirjan u dawk li jappoġġawh, sakemm tintemm il-vjolenza inaċċettabbli u jkun hemm progress deċiżiv favur tranżizzjoni ġenwina, paċifika u demokratika li tindirizza t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm aktar sanzjonijiet immirati lejn ir-reġim iżda jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni;
9. Jiddispjaċih bil-kbir li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) ma kienx kapaċi jagħti tweġiba adegwata għall-avvenimenti brutali li għaddejjin s'issa fis-Sirja; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jipproċedu b'riżoluzzjoni tal-UNSC li tikkundanna l-użu tal-forza letali mir-reġim Sirjan u li titlob għall-waqfien ta' dan l-użu ta' forza, u biex jistabbilixxu sanzjonijiet jekk dan ma jsirx; iħeġġeġ lill-membri kollha tal-UNSC biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sirja;
10. Jilqa' d-dikjarazzjoni pożittiva magħmula mill-Kunsill dwar l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tiġi stabbilita pjattaforma unita; itenni s-sejħa tiegħu lir-RGħ/VP Ashton, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jħeġġu u jappoġġaw ulterjurment il-feġġa ta' forzi tal-oppożizzjoni demokratika Sirjana organizzati kemm ġewwa l-pajjiż kif ukoll lil hinn minnu;
11. Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-Sirja, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-komunità Nisranija fil-pajjiż u, fl-istess ħin, iħeġġeġ lil din il-komunità biex ikollha rwol pożittiv u kostruttiv fl-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja; iħeġġeġ ukoll lill-forzi tal-oppożizzjoni Sirjani biex jiddikjaraw jew jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Eġittu u lill-Gvern u l-Parlament tas-Sirja.