Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0581/2011

Testi mressqa :

B7-0581/2011

Dibattiti :

PV 14/02/2012 - 3
CRE 14/02/2012 - 3

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 128kDOC 64k
9.11.2011
PE472.792v01-00
 
B7-0581/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi


João Ferreira, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Nikolaos Chountis, Kyriacos Triantaphyllides, Takis Hadjigeorgiou, Jacky Hénin f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi   
B7‑0581/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-industrija tas-sajd hija ta' importanza strateġika f'termini soċjo-ekonomiċi u f'termini tal-provvista pubblika tal-ħut u tal-bilanċ tal-ikel fl-Istati Membri, u billi tagħti kontribuzzjoni sinifikanti għall-benessri soċjo-ekonomiku tal- komunitajiet tal-kosta, l-iżvilupp lokali, l-impjiegi, il-preservazzjoni u l-ħolqien tal-attivitajiet ekonomiċi u l-impjiegi upstream u downstream, il-provvista ta' ħut frisk u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

B.  billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għandha tieħu in kunsiderazzjoni d-differenzi sinifikanti bejn il-flotot, it-taqsimiet tal-flotot, l-ispeċijiet speċifikati, it-tagħmir tas-sajd, il-produttività, il-preferenzi fil-konsum u l-ħut li jkun ikkunsmat per capita fid-diversi Stati Membri tal-UE, flimkien mal-karatteristiċi speċjali tal-attività tas-sajd li joriġinaw mill-istruttura soċjali tagħhom u mill-iżbilanċi strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni tas-sajd;

C. billi jeħtieġ li l-PKS tiggarantixxi li l-attività tas-sajd tinżamm f'forma bilanċjata u sostenibbli matul il-kosta kollha tal-pajjiżi tal-UE, fuq il-bażi ta' ġestjoni deċentralizzata u li tiggarantixxi livell ta’ għajxien u kondizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni li jaħdmu fl-industrija tas-sajd li jkunu bħal dawk tal-persuni li jaħdmu f'setturi produttivi oħrajn fl-UE;

D. billi, fil-kuntest ġenerali tas-settur tas-sajd, l-impriżi artiġjanali tas-sajd tal-kosta u s-sajd tradizzjonali qed jassumu rwol partikolarment importanti f'termini ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali, u billi dan jeħtieġ li jkun magħruf u promoss kif dovut fi ħdan il-PKS;

E.  billi s-sostenibilità tar-riżorsi tas-sajd hija fundamentali għall-garanzija tal-attività tas-sajd u għall-vijabbiltà tal-industrija tas-sajd fuq perjodu ta' żmien twil;

F.  billi l-azzjoni li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ta' reġjun speċifiku għandha ttejjeb l-interazzjoni bejn il-komponenti ambjentali naturali u dawk umani u tippromwovi l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tal-kosta tiegħu; billi politika għall-impriżi tas-sajd għandha tibda bl-assunzjoni tal-interdipendenza bejn il-benessri ta' dawn il-komunitajiet u s-sostenibilità tal-ekosistemi li huma parti integrali minnhom;

G. billi l-kriżi soċjali u finanzjarja li qed jesperjenza s-settur tas-sajd qed taffettwa l-flotot kollha tas-sajd u tipperikola l-multifunzjonalità tas-settur u, flimkien magħha, il-produzzjoni tal-beni pubbliċi relatati;

H. billi l-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd hija apparenti f'diversi oqsma, bħal fl-isferi ekonomiċi, soċjali, storiċi u kulturali, xjentifiċi, edukattivi u ambjentali;

1.  Jafferma mill-ġdid li s-sajd huwa attività fundamentali għall-garanzija tal-provvista tal-ikel għall-pubbliku, u jikkunsidra li dan huwa l-għan primordjali ta' kull politika tas-sajd;

2.  Jafferma mill-ġdid li l-PKS għandha tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd, tissalvagwardja l-vijabilità soċjo-ekonomika tagħha u s-sostenibilità tar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li tiggarantixxi l-provvista tal-ħut għall-pubbliku u s-sovranità u s-sigurtà tal-ikel, il-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar għas-sajjieda, u tiżgura l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali li jiddependu l-aktar fuq is-sajd.

3.  Jikkunsidra li l-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd tidher f'diversi oqsma, li bla dubju jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-beni pubbliċi għall-benefiċċju tal-popolazzjoni in ġenerali, mhux biss f'żoni kostali;

4.  Jenfasizza li, fil-kuntest ġenerali tas-settur tas-sajd, l-impriżi tas-sajd tal-kosta fuq skala żgħira u s-sajd tradizzjonali qed jassumu rwol partikolarment importanti f'termini ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali, kif ukoll f'termini tal-multifunzjonalità u tal-produzzjoni tal-beni pubbliċi; jenfasizza, għalhekk, li huwa importanti li fil-futur il-PKS tagħraf in-natura speċifika ta' din il-parti tas-settur u tipprovdi miżuri ta' appoġġ aktar favorevoli;

5.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tas-sajd għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u għall-benessri tal-komunitajiet tal-kosta u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-iżvilupp lokali u għall-ħolqien ta' xogħlijiet diretti u indiretti fis-settur; jenfasizza li fil-futur, il-PKS għandha tieħu in kunsiderazzjoni dawn id-dimensjonijiet kollha, li hija xi ħaġa li ma tistax issir b'mod kompletament sodisfaċenti taħt il-PKS attwali.

6.  Jikkunsidra li l-PKS għandha, minnha nfisha u flimkien ma' politiki oħrajn, tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u għall-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi u ta' impjiegi, kemm dawk upstream u dawk downstream tas-sajd, bħall-industrija tal-bini tal-vapuri, l-industriji għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd, it-turiżmu u l-kejtering;

7.  Jinnota li s-settur tas-sajd jikkontribwixxi għall-preservazzjoni ta’ aspetti sinifikanti tal-wirt storiku u kulturali u tat-tradizzjonijiet lokali konnessi mal-ħajja u l-attivitajiet tal-baħar in ġenerali; jenfasizza li l-PKS futura għandha tieħu dan in kunsiderazzjoni, peress li dan ma jistax isir b'mod kompletament sodisfaċenti taħt il-PKS attwali.

8.  Jenfasizza li r-riċerka xjentifika dwar is-sajd hija għodda essenzjali għall-ġestjoni tas-sajd li hija indispensabbli għall-identifikazzjoni ta' fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tar-riżorsi tas-sajd, fir-rigward tat-tmexxija ta' valutazzjoni kwantitattiva u tal-iżvilupp ta' mudelli li jiffaċilitaw it-tbassir tal-iżvilupp tagħhom, iżda wkoll għat-titjib tat-tagħmir tas-sajd, tal-bastimenti, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza għas-sajjieda, flimkien mal-għarfien u l-esperjenza tagħhom; jikkunsidra li l-PKS għandha żżid l-appoġġ tagħha għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data relatata mar-riżorsi tas-sajd;

9.  Jinnota li r-riċerka u l-kollezzjoni ta' data soċjo-ekonomika rigward is-sajd u l-attivitajiet relatati mas-sajd, kemm dawk upstream u downstream, huma ta' importanza kbira għall-valutazzjoni tar-riżultati prattiċi tal-politiki, għall-identifikazzjoni tal-problemi, l-imblokki u x-xkiel u għat-tisjib u d-definizzjoni tas-soluzzjonijiet; jikkunsidra li l-PKS futura m'għandhiex tinjora dan il-qasam u għandha żżid l-appoġġ għall-ġbir u l-ipprovdiment ta' data soċjo-ekonomika;

10. Jinnota li r-riċerka xjentifika għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-komponenti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-attività tas-sajd; jikkunsidra essenzjali li jiġi valutat l-impatt tad-diversi sistemi/strumenti għall-ġestjoni tas-sajd fuq l-impjegar u l-introjtu tal-komunitajiet tas-sajd;

11. Jikkunsidra li l-UE għandha tagħraf u tappoġġa r-rwol importanti li jwettaq is-settur tas-sajd bħala appoġġ fl-edukazzjoni u fir-riċerka xjentifika fis-settur tal-baħar, dak tal-estwarji u dak tal-ilma ħelu;

12. Jenfasizza li Politika Komuni tas-Sajd timplika finanzjament ġust tal-Komunità bl-għan li jiggarantixxi li r-riżorsi akwatiċi jiġu sfruttati b'mod li jissalvagwardja s-sostenibilità f'termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali, il-multifunzjonalità u l-produzzjoni effikaċi u profitabbli tal-beni pubbliċi;

13. Iqis li l-multifunzjonalità tas-setturi tas-sajd għandu jiġi kkunsidrat kompletament fil-pjan ta' finanzjament tal-PKS; jirrifjuta kull tentattiv li jerġa' jinnazzjonalizza l-kostijiet tal-PKS;

14. Jenfasizza li għandu jinżamm il-prinċipju tal-konverġenza fl-allokazzjoni tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni, inkluż il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), skont il-prinċipju tas-solidarjetà u l-koeżjoni ekonomika u soċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-rata ta' użu baxx tal-approprjazzjonijiet tal-FES minħabba l-kriżi ekonomika, partikolarment f'dawk il-pajjiżi bl-aktar ekonomiji dgħajfa, fejn dan qed jipperikola l-multifunzjonalità u l-produzzjoni ta’ beni pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex iżżid r-rata ta' użu ta' dawn l-approprjazzjonijiet fl-assi kollha tal-FES;

15.  Jinsisti li l-FES għandu jkompli jagħti għajnuna għar-rinovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd - speċjalment biex jissostitwixxi l-muturi għal raġunijiet ta' sikurezza, jipproteġi l-ambjent jew jiffranka l-fjuwil - l-aktar għal sajjeda artiġjanali tal-kosta u tradizzjonali u wkoll biex jissotitwixxi bastimenti li għandhom aktar minn għoxrin sena u m'għadhomx joperaw f'kundizzjonijiet sikuri;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2012Avviż legali