imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li ġejjin
Hannes Swoboda, Roberto Gualtieri
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew is-Samit bejn l-UE u l-USA u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku li ġejjin
B7‑0582/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
billi l-UE u l-USA jikkondividu l-valuri ta’ libertà, demokrazija, drittijiet tal-bniedem u xewqa għal soċjetajiet miftuħa, u għaldaqstant għandhom interess reċiproku f’li jaħdmu flimkien ħalli jirrispondu għal ġrajjiet ta’ importanza kbira, bħalma huma r-rebbiegħa Għarbija u l-paċi hekk mistenni bejn l-iżraeljani u l-Palestinjani;
billi bosta sfidi dinjija fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta’ azzjoni konġunta u kooperazzjoni trans-Atlantika; iżda billi l-kriżi ekonomika tal-lum okkupat l-ewwel post bħala l-isfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata llum;
billi l-UE u l-USA, filwaqt li għadhom l-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja, qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji kkaġunati mill-kriżi finanzjarja u mit-tqawwija tal-kompetizzjoni mill-ekonomiji emerġenti u tal-pajjiżi BRIC;
D. billi fis-Samit tal-G20 f’Cannes, Franza, fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2011, l-UE reġgħet affermat li hija ddeterminata ddaħħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-UE u taħdem mal-membri l-oħra tal-G20 favur taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell dinji,
E billi, flimkien, l-UE u l-USA jirrappreżentaw nofs l-ekonomija dinjija, u bis-sħubija ta’ bejniethom ta’ USD 4.28 triljun jikkostitwixxu r-relazzjoni ekonomika li hija l-akbar, l-aktar integrata u l-aktar dejjiema fid-dinja, kif ukoll mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika dinjija;
F billli l-kriżijiet finanzjajri u ekonomiċi tal-preżent, sew fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u billi qatt ma nħasset aktar f’waqtha u neċessarja l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika;
G. billi l-imperattiv li nipprovdu l-libertà u s-sigurtà domestika m’għandux jinqeda akkost ta’ sagrifiċċju tal-prinċipji ċentrali dwar il-libertajiet ċiviċi u ż-żamma ma’ standards komuni rigward id-drittijiet tal-bniedem;
L-impjiegi u t-tkabbir
1. Jilqa’ l-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 dwar fokus fuq l-istrateġija globali għat-tkabbir u l-impjiegi; jilqa’ d-determinazzjoni tal-UE li ddaħħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u lil-mexxejja oħra tal-G20 jħeġġiġhom isegwuha fil-qafas ta’ regolazzjoni dinjija tas-suq finanzjajru;
2. Jistieden lill-amministrazzjonijiet tal-UE u tal-USA jiżviluppaw u jvaraw inizjattiva trans-Atlantika konġunta għall-impjiegi u t-tkabbir, inkluża pjanta tar-rotta għall-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment; iħeġġeġ lill-UE u lill-USA jiżviluppaw aktar il-mekkaniżmi eżistenti ta’ kooperazzjoni bħala parti mill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC), li għandu jintensifika l-ħidma konġunta fil-qasam tad-djalogu regolatorju, l-eliminazzjoni tat-tariffi, it-tneħħija ta’ ostakli mhux tariffarji (NTBs) li mhumiex ġustifikati, u l-ħolqien ta’ standards komuni li jwarrbu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ miftuħ u ġust;
3. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-gvern tal-USA jikkommettu ruħhom, sew f’fora bilaterali kif ukoll f’dawk multilaterali, għall-ġlieda kontra x-xejra dinjija lejn il-protezzjoniżmu, bla ma jheddu l-politiki tal-UE f’oqsma bħall-istandards ambjentali, id-diversità kulturali, id-drittijiet soċjali u s-servizzi pubbliċi; jitlob li l-UE u l-USA jimplimentaw mekkanżimu ta' twissija bikrija għall-individwazzjoni u d-deterrent tal-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess tat-TEC jissaħħaħ biex jintlaħqu dawn l-objettivi, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ standards komuni għal oqsma regolatorji ġodda, bħan-nanoteknoloġija, jew setturi ekonomiċi tal-ġejjieni, bħat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi;
5. Ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li jagħtu lill-fornituri aċċess indaqs, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, u li jirrispettaw il-prinċipji tar-reċiproċità, il-benefiċjju reċiproku, il-proporzjonalità u l-multifunzjonalità; jisħaq fuq l-importanza ta’ riforma tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku Governattiv (GPA) għall-iżgurar ta’ aċċess miftuħ u bbilanċjat għaż-żewġ swieq;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi ta’ kooperazzjoni jissaħħu fil-qafas ta’ sħubija tar-riċerka u l-innovazzjoni;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li nippromwovu l-kooperazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi u naħdmu favur l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Pjanta tar-Rotta UE-USA dwar il-Materja Prima, b’attenzjoni speċjali għall-metalli rari, u nrawmu kooperazzjoni fl-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materja prima;
8. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u standards għolja ta' sikurezza nukleari mad-dinja kollha, u jilqa' l-issuktar tal-koordinament tal-programmi tat-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċji u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija (il-ftehim Energy Star ġdid bejn l-UE u l-USA), u l-esplorazzjoni tal-estensjoni possibbli ta’ dan il-koordinament ('energy star') għal skemi oħra tat-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika;
9. Jitob lill-Kummissjoni tkompli għaddjeja bin-negozjati mal-USA fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti u jilqa’ l-intorduzzjoni ta’ bażi legali għall-Consumer Product Safety Committee tal-USA għan-negozjati mal-UE dwar il-ftehim, li għandu jtejjeb l-iskambju ta’ tagħrif dwar il-prodotti perikolużi, id-danni u l-azzjonijiet korrettivi li jsiru sew fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-USA;
Il-governanza dinjija, il-politika tal-affarijiet barranin u l-iżvilupp
10. Jappoġġja bil-qawwa l-iżvilupp ta’ demokraziji ħielsa u miftuħa li jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà, u għaldaqstant jappella biex l-UE u l-USA jkomplu jippromwovu l-paċi, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani, u jagħtu s-sostenn tagħhom lid-demokraziji emerġenti fl-Afrika ta’ Fuq;
11. Jerġa’ jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jisħaq mill-ġdid li n-negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestinjani għandhom jerġgħu jissuktaw f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali, abbażi ta’ kriterji definiti mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2009 u skont l-iskadenzi promossi mill-Kwartett, b’tali mod li s-sitwazzjoni inaċċettabbli tal-lum tingħeleb; jistieden lill-USA u lill-UE jkomplu jagħmlu ħilithom biex jintlaħaq paċi ġust u dejjiemi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u jistedinhom jappoġġjaw l-aspirazzjonijiet tal-Palestinjani għal rikonoxximent tal-Istat tagħhom fin-NU;
12. Jiddeplora l-irtirar tal-USA mill-finanzjament tal-UNESCO wara l-integrazzjoni tal-Palestina bħala Membru;
13. Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-użu tal-forza fis-Sirja, u jappoġġja l-isforzi li l-USA u l-Istati Membri tal-UE qed jagħmlu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) biex tingħadda riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali min-naħa tar-reġim Sirjan u ssejjaħ għat-tmiem ta’ dan l-użu tal-forza kif ukoll timplimenta sanzjonijiet fin-nuqqas ta’ dan;
14. Juri s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-kooperazzjoni mill-qrib li l-UE u l-USA żviluppaw fl-azzjoni militari, mandata mill-KSNU u meħtieġa biex tgħin tipproteġi lil-Libjani fil-ġlieda ta’ liberazzjoni tagħhom; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-USA fil-provvista ta’ faċilitajiet biex l-ajruplani jieħdu l-fjuwil fl-ajru, kif ukoll intelliġenza u tkixxif għall-alleati Ewropej; jistieden lill-UE u lill-USA jibqgħu jappoġġjaw lill-awtoritajiet tranżizzjonali Libjani f’kull ħidma biex jibnu soċjetà inklussiva u demokratika; jenfasizza fl-istess waqt li dan l-appoġġ għandu jkun kondizzjonali fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini kollha, b’mod partikolari tan-nisa;
15. Jissottolinja l-istatus imtejjeb ta’ Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika ta’ Sigurta u Difiża Komuni (PESK/PSDK) imdaħħla bid-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona u jilqa’ r-rikonoxximent tagħha fil-kunċett strateġiku l-ġdid tan-NATO; itenni bil-qawwa l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni UE-USA fil-ġestjoni tal-kriżijiet filwaqt li nevitaw id-duplikazzjoni bla ħtieġa, partikolarment fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili;
16. Jieħu nota tal-fatt li l-Amministrazzjoni Obama sal-lum kellha tħabbat wiċċha ma’ sfidi sinifikanti fl-isforzi tagħha biex tagħlaq il-faċilità ta’ detenzjoni tal-USA fil-Bajja ta’ Guantánamo, Kuba, minkejja l-aħbar tal-2009 li l-faċilità kellha tingħalaq fi żmien sena; jiddispjaċih li biss għadd limitat ta’ Stati Membri tal-UE aċċettaw (jew ħadu impenn li jaċċettaw) għadd żgħir ta’ detenuti meħlusa, filwaqt li oħrajn irrifjutaw li jagħmlu hekk; huwa konxju dwar l-oppożizzjoni fil-Congress għal xi elementi tal-pjanijiet tal-Amministrazzjoni għall-għeluq ta’ Guantánamo, li wkoll qajmet xkiel għall-ilħiq tal-iskadenza inizjali tal-għeluq; huwa mħasseb li, kemm idum miftuħ Guantánamo, jaqdi r-rwol ta’ reklam ta’ reklutaġġ għal Al Qaeda u l-affiljati tagħha;
17. Huwa mħasseb bil-qawwa dwar l-allegazzjonijiet fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) rigward il-progress li għamel l-Iran fil-ksib tal-għarfien neċessarju biex jiddisinja u jibni arma nukleari; jiddeplora l-fatt li l-Iran, minkejja li ripetutement insista li l-programm nukleari tiegħu huwa maħsub għal finijiet paċifiċi u tal-enerġija ċivili biss, naqas milli jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA; jistieden lill-UE u lill-USA jżommu l-pressjoni fuq l-Iran biex dan il-pajjiż jaqdi l-obbligi internazzjonali tiegħu rigward in-nonproliferazzjoni; jinsisti li l-UE u l-USA għandhom jużaw il-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha biex lill-Iran iwassluh jaqdi l-obbligi tiegħu;
18. Jenfasizza li, bejniethom, l-UE u l-USA jimmaniġġjaw 90% tal-għajnuna dinjija għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u 80% tal-għajnuna kumplessiva; jilqa’ l-varar mill-ġdid tad-Djalogu bejn l-UE u l-USA dwar l-Iżvilupp f’Settembru 2011, minħabba li għad fadal biss ħames snin biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju;
19. Jilqa’ l-inizjattivi tal-UE u tal-USA biex iġibu aktar trasparenza fl-industriji tal-estrazzjoni li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden liż-żewġ naħat jagħmlu ħilithom għall-istabbiliment fil-G20 ta’ standard dinji ta’ trasparenza obbligatorja;
20. Jistieden lill-UE u lill-USA jagħmlu pressjoni għal azzjoni fil-G20 għal aktar regolazzjoni dinjija għall-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni abbużiva fuq il-prezzijiet tal-ikel u biex jiġi kkoordinat il-ħolqien ta’ mekkaniżmi preventivi kontra l-fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet dinjija tal-ikel; jisħaq li jeħtieġ li l-G20 jinvolvi pajjiżi li mhumiex fil-G20, biex jiżgura konverġenza dinjija;
21. Jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa problema dinjija, u jistieden lill-Kummissjoni tfittex impenn ambizzjuż tal-USA għall-konferenza ta’ Durban li ġejja; F’dan ir-rigward huwa mħasseb dwar l-Abbozz 2594, adottat dan l-aħħar mill-House of Representatives tal-USA, li jagħmel sejħa għal projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni tal-linji tal-ajru tal-USA fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE; jisitieden lis-Senat tal-USA biex ma jadottax dan l-Abbozz, u jappella għal djaolgu kostruttiv fuq dan is-suġġett;
Il-libertà u s-sigurtà
22. Jirrikonoxxi li l-flussi kolha ta’ passiġġieri u merkanzija fiż-żona tas-suq trans-Atlantiku għandhom ikunu koperti b’miżuri xierqa u proporzjonali ta’ sigurtà;
23. Jistieden lill-USA, f’dak ir-rigward, titbiegħed minn restrizzjonijiet ġenerali wiesgħa bħal 100% skennjar tal-kontejners jew il-projbizzjoni tal-likwidi abbord l-ajruplani u timxi favur approċċi aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju, bħalma huma skemi ta’ operaturi siguri u l-iskennjar tal-likwidi;
24. Jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ftuħ ta’ negozjati f’Marzu 2011 rigward il-ftehim UE-USA dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, u jissottolinja li l-Ftehim UE-USA dwar il-PNR għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-PE kif stipulati fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar il-varar tan-negozjati għal Ftehimiet dwar Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR);
25. Jisħaq fuq il-ħtieġa li niżguraw il-protezzjoni tal-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi nevitaw miżuri unilaterali għal revoka ta’ indirizzi tal-Internet Protocoll (IP) jew ta’ domain names;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.