MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi
9.11.2011
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ulrike Rodust, Josefa Andrés Barea, Ole Christensen, Iliana Malinova Iotova, Guido Milana, Catherine Trautmann f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0579/2011
B7‑0584/2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribuzzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-produzzjoni ta' beni pubbliċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2011)244 finali dwar ‘L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020’,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2011)363 'Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar’,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2010)2020 dwar ‘Ewropa 2020’,
– wara li kkunsidra d-Direttiva Qafas dwar Strateġija tal-Baħar (2008/56/KE),
– wara li kkunsidra l-pakkett ta’ riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) imressaq mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sajd huwa wieħed mill-attivitajiet l-aktar antiki tal-bniedem u l-ħut huwa element importanti u indispensabbli tan-nutrizzjoni tal-bniedem li għandu jiġi ggarantit – billi jiġu ppriservati u sostnuti stokkijiet ta’ ħut b’saħħithom – mhux biss għall-ġenerazzjonijiet preżenti imma wkoll għal dawk futuri;
B. billi r-rwol tas-sajd bħala fornitur ta’ ikel għas-soċjetà tal-bniedem ilu żmien twil aċċettat minn kulħadd;
C. billi l-frott tal-baħar huwa għajn importanti ta’ proteini għal kważi tliet biljun ruħ mad-dinja kollha u jikkontribwixxi għall-għajxien ta’ aktar minn 540 miljun ruħ;
D. billi s-settur tas-sajd, inkluż il-ħut selvaġġ u l-akkwakultura, huwa attività li tikkontribwixxi għall-produzzjoni ta’ beni komuni indispensabbli permezz ta’ tliet linji prinċipali: is-sajd, l-ipproċessar u l-ikkummerċjar;
E. billi l-akkwakultura, kemm fl-ilma baħar u kemm fl-ilma ħelu, qrib il-kosta u 'l barra mill-kosta, hija komponent kumplementari u inkorporata importanti u li qiegħed jikber tas-settur tas-sajd;
F. billi l-istokkijiet tal-ħut b’saħħithom u ekosistemi tal-baħar f’kundizzjoni tajba u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar jikkostitwixxu beni komuni importanti li għandhom jiġu ppriservati;
G. billi l-PKS riformata għandha tiżgura l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, li huwa l-bażi biex tiġi ggarantita s-sostenibilità ambjentali, soċjali u ekonomika tas-settur tas-sajd, fil-baċini idrografiċi differenti kif ukoll fiż-żoni kostali fejn isseħħ din l-attività;
H. billi settur tas-sajd sostenibbli u modern, meħtieġ biex jiġu żgurati opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli u biex iż-żgħażagħ fiż-żoni sottożviluppati jinżammu fihom, jeħtieġ l-użu ta’ għodod ġodda u moderni skont l-iżviluppi u d-domandi tas-swieq;
I. billi settur tas-sajd modern se jkun meħtieġ li jiddiversifika l-attivitajiet tiegħu kemm biex jiżgura l-immaniġġjar sostenibbli tal-ambjent u tal-ekosistemi, u kemm biex jiżgura dħul sostenibbli u jissodisfa d-domandi tas-swieq;
J. billi l-attivitajiet tas-sajd jestendu l-impatt tagħhom prinċipalment għaż-żoni tal-kosta u għall-gżejjer filwaqt li jikkontribwixxu għall-immaniġġjar tagħhom u d-dinamika soċjali u ekonomika tagħhom, li hija partikolarment importanti għall-komunitajiet tagħhom, li spiss huma żvantaġġjati, bi skarsezza ta’ impjiegi u ekonomiji dgħajfa;
K. billi s-settur tas-sajd tal-UE jikkontribwixxi b’mod dirett u indirett għat-tkabbir ekonomiku tal-UE, u għall-iżvilupp soċjali f’diversi reġjuni, żoni tal-kosta u gżejjer tal-Ewropa, li jiddependu ħafna minn din l-attività;
L. billi, permezz tal-Politika Marittima Integrata, li għandha l-ambjent fost l-objettivi prijoritarji tagħha, is-settur tas-sajd Ewropew jista’ wkoll jixpruna u jtejjeb verjetà wiesgħa ta' studji xjentifiċi li japprofondixxu l-għarfien tagħna dwar id-dinamika oċeanografika, l-ekosistemi u l-bijoloġija tal-ispeċijiet akkwatiċi direttament jew indirettament involuti fl-attività tas-sajd;
1. Jenfasizza li s-sajd huwa settur importanti fl-UE li jipprovdi liċ-ċittadini Ewropej ikel ta’ kwalità għolja u joħloq valur miżjud ekonomiku u soċjali għall-Unjoni Ewropea; għalhekk, il-PKS jeħtiġilha tiżgura l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-preservazzjoni u s-sosteniment tal-istokkijiet tal-ħut f’livell ta' kundizzjoni tajba, ħalli l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jitkomplew fiż-żoni u l-komunitajiet tradizzjonali tagħhom fil-ġejjieni mbiegħed;
2. Jenfasizza li l-ogħla prijorità tal-PKS għandha tkun l-istabbiliment ta’ settur tas-sajd li jaġixxi skont il-prinċipji tas-sostenibilità ambjentali bil-għan li jiġu żgurati l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tas-sajd għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk tal-ġejjieni;
3. Jenfasizza li l-eżistenza ta’ stokkijiet tal-ħut f’kundizzjoni tajba, ekosistemi tal-baħar b’saħħithom kif ukoll il-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar huma fihom infushom beni komuni li jiġu prodotti biss jekk l-istokkijiet tal-ħut jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli u jekk l-impatt negattiv bla bżonn fuq l-ambjent jitnaqqas kemm jista’ jkun;
4. Jenfasizza li l-PKS tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-miri tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE 2020 u għall-intenzjoni tal-UE li sal-2020 twaqqaf milli jkomplu jseħħu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi permezz tar-regolament adottat biex jiġi żgurat sajd sostenibbli billi jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi eliminat is-sajd destruttiv, billi jiġi żgurat l-irkupru ta’ stokkijiet tal-ħut li huma sfruttati ż-żejjed u billi jittieħdu miżuri biex jiġu mħarsa dawk l-ispeċijiet li mhumiex imfittxija mis-sajd;
5. Ifakkar li, f’livell ekonomiku, is-settur tas-sajd (inkluża l-akkwakultura) huwa stmat li jiġġenera EUR 34.2 biljun u li, f’livell soċjali, joħloq aktar minn 350 000 impjieg fis-settur tas-sajd, dak tal-ipproċessar tal-ħut u dak tal-ikkummerċjar b’mod partikolari fir-reġjuni tal-kosta, f’dawk imbiegħda u fil-gżejjer;
6. Jenfasizza li s-settur tas-sajd, lil hemm mit-tliet oqsma ta’ attività tradizzjonali tiegħu u l-impatt l-aktar viżibbli tiegħu f’livell ekonomiku u soċjali, iwettaq ukoll rwol relevanti f’oqsma differenti oħra, bħalma huma l-ambjent, il-kultura, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, ix-xjenza, l-enerġija u l-edukazzjoni;
7. Jenfasizza li s-settur tas-sajd (inkluż is-sajd tal-ħut selvaġġ u l-akkwakultura) huwa wieħed mill-pilastri l-aktar importanti tas-sigurtà tal-ikel għall-Unjoni Ewropea u bħala tali s-sostenibilità u l-istabilità tiegħu jridu jiġu żgurati mir-riforma tal-PKS, ħalli, fil-ġejjieni, ikun jista' jipprovdi prodotti tas-sajd ta' kwalità suffiċjenti u fi kwantitajiet suffiċjenti biex jissodisfaw id-domanda ta’ aktar minn nofs biljun ċittadin Ewropew;
8. Jenfasizza l-importanza tal-potenzjali tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu li tikkumplementa r-rwol tas-sajd biex tiġi żgurata parti importanti tas-sigurtà tal-ikel fl-UE;
9. Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-settur tal-akkwakultura fl-UE u li tipprovdi għalih finanzjament adegwat; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji kwalitattivi ġenerali fir-rigward tal-akkwakultura li għandhom jiġu assigurati fl-UE kollha u li jkunu jqisu l-impatt ekoloġiku u soċjali tal-akkwakultura; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti tal-akkwakultura importati jkunu ġew prodotti skont l-istandards Ewropej tal-kwalità relevanti, jiġifieri l-istandards ekoloġiċi jew dawk tal-benesseri tal-annimali;
10. Jenfasizza li s-settur tas-sajd għandu dimensjoni multifunzjonali li permezz tagħha jipprovdi lill-komunitajiet beni komuni addizzjonali, ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej b’mod ġenerali u mhux biss għal dawk relatati direttament jew indirettament mas-sajd, li għandhom jiġu rikonoxxuti u mgħażża; barra minn hekk, għadd kunsiderevoli ta’ ċittadini Ewropej li jgħixu b’mod partikolari b’żoni tal-kosta qed igawdu mill-multifunzjonalità tal-attività tas-sajd; jenfasizza li l-produzzjoni ta’ dawn il-beni pubbliċi addizzjonali ma għandhiex tintuża bħala skuża biex jiġu ttratenuti r-riformi meħtieġa tal-PKS u s-settur tas-sajd, bħalma huma l-bini mill-ġdid tal-istokkijiet u t-tneħħija tas-soprakapaċità eċċessiva;
11. Jenfasizza li diversifikazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet relatati direttament jew indirettament mas-sajd tista’ tgħin biex l-eżodu tal-ħaddiema mis-settur imajna, biex id-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ reġjuni differenti jinżammu ħajjin, u biex titwaqqaf milli jkompli jseħħ it-tnaqqis tal-popolazzjoni ta’ xi żoni tal-kosta;
12. Jenfasizza li l-immaniġġjar tas-sajd kulma jmur kien qed ikun ibbażat fuq id-data xjentifika, li tistimula r-riċerka applikata f’dan il-qasam, filwaqt li tippromwovi l-għarfien u tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġiċi, f’konformità mal-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni tat-tkabbir intelliġenti;
13. Jenfasizza li s-settur tas-sajd jiddependi għalkollox mis-saħħa tal-istokkijiet u mill-bilanċ tal-ekosistema, ħalli r-riforma tal-PKS se tiffoka mill-ġdid fuq ha bħala l-għassiesa u l-maniġer tar-riżorsi tal-baħar, filwaqt li timplimenta ekonomija aktar effiċjenti, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva, skont l-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni tat-tkabbir intelliġenti;
14. Jenfasizza li l-attivitajiet tas-sajd, meta jiġu kkunsidrati d-dimensjonijiet kollha tagħhom (inkluża l-akkwakultura) u l-impatt dirett u indirett tagħhom, kif ukoll il-produzzjoni ta’ beni komuni, jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali u territorjali, jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali u d-dinamiżmu soċjali u ekonomiku, skont l-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni tat-tkabbir inklussiv;
15. Jenfasizza li s-settur tas-sajd waħdu, u permezz tal-Politika Marittima Integrata, jikkontribwixxi għall-implementar tal-għanijiet tar-Rio +20 għal ekonomija miftuħa, kif ukoll għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-qerda tal-faqar;
16. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd u l-valur tal-produzzjoni wiesgħa u diversa tiegħu ta’ beni komuni;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura fil-proposti ta’ politika u d-deċiżjonijiet futuri tagħha li l-PKS tikkontribwixxi għal miri li jiġbru fihom kollox bħalma huma l-Istrateġija UE 2020, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u l-ilħuq tal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar Strateġija tal-Baħar; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd u tar-reġjuni kostali meta tkun qed tiżviluppa u timplementa dawn il-politiki;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.