imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
Roberto Gualtieri, Richard Howitt, Kristian Vigenin, Pino Arlacchi
f’isem il-grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Projbizzjoni tal-Munizzjonijiet tat-Tferrix
B7‑0593/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM) b'108 pajjiżi firmatarji u b'ratifikazzjoni minn 66 pajjiż,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Viċi President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, is-Sinjura Christine Beerli, f'Beirut fis-16 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM) fit-2 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lit-Tieni Laqgħa tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, li nqara mis-Sur Sergio Duarte, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet tad-Diżarm f'Beirut fit-13 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, b'mod partikolari dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix tal-1 ta' Awwissu 2010 u dwar l-użu rapportat ta' munizzjonijiet tat-tferrix fil-Libja fid-29 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari dwar id-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010 tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-CCM infetħet għall-iffirmar f'Oslo fit-3 ta' Diċembru 2008 fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU fi New York u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010;
B. billi s-CCM tiddefinixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix bħala munizzjonijiet konvenzjonali maħsuba biex iferrxu jew jirrilaxxaw sottomunizzjonijiet splussivi, li kull waħda minnhom tiżen anqas minn 20 kilogramma;
C. billi s-CCM tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment ta' munizzjonijiet tat-tferrix bħala kategorija sħiħa ta' armi u tesiġi li l-Istati Partijiet jeqirdu l-ħażniet ta' dawn il-munizzjonijiet;
D. billi s-CCM uriet bidla sinifikanti u fundamentali fil-pożizzjoni ta' bosta gvernijiet li preċedentement kienu jqisu l-munizzjonijiet tat-tferrix bħala arma ewlenija għas-sigurtà u d-duttrini militari tagħhom;
E. billi tnejn u għoxrin Stat Membru tal-UE iffirmaw, ħmistax irratifikaw u ħamsa oħra la ffirmaw u lanqas ma rratifikaw is-CCM;
F. billi s-CCM tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-għajnuna tal-vittmi, u tesiġi li l-Istati jneħħu l-bqija ta' munizzjonijiet tat-tferrix mhux sploduti li jitħallew wara l-kunflitti; billi l-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' xi Stati oħrajn tikkontribwixxi fondi speċifiċi lil pajjiżi effettwati, għal azzjoni dwar il-munizzjonijiet tat-tferrix;
G. billi kien rappurtat reċentement li l-munizzjonijiet tat-tferrix intużaw kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Kambodja, fit-Tajlandja u fil-Libja u billi għandhom jittieħdu passi urġenti biex ikun żgurat li s-sottomunizzjonijiet tat-tferrix mhux sploduti jitneħħew biex ma jkunx hemm aktar imwiet jew korrimenti;
H. billi l-Pjan ta' Azzjoni ta' Vientiane jistipula passi, azzjonijiet u miri konkreti u li jistgħu jitkejlu li jwasslu għall-implimentazzjoni effikaċi u f'waqtha tad-dispożizzjonijiet tas-CCM;
I. billi r-Raba' Konferenza ta' Rieżami dwar il-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) ser issir f'Ġinevra bejn l-14 u l-25 ta' Novembru;
J. billi l-abbozz tat-test tal-Protokoll VI li għandu jiġi diskuss tul ir-Raba' Konferenza ta' Rieżami dwar il-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) mhuwiex legalment kompatibbli u lanqas ma hu kumplimentari għas-CCM; billi l-Istati partijiet għas-CCM għandhom obbligu legali li jeqirdu l-munizzjonijiet kollha, dan l-abbozz ta' protokoll sejr jipprojbixxi biss il-munizzjonijiet tat-tferrix ta' qabel l-1980, u jinkludi transizzjoni fit-tul li tippermetti d-differiment tal-konformità għal mill-anqas 12-il sena u jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix b'mekkaniżmu awtodistruttiv biss, u jippermetti lill-Istati jagħmlu użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix bl-hekk imsejħa rata ta' falliment ta' 1% jew anqas;
1. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM) fl-1 ta' Awwissu 2010;
2. Ifakkar li, skont l-Artikolu 21, l-Istati Partijiet għandhom jippromwovu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tas-CCM; Iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi kandidati li għadhom ma ffirmawx jew li għadhom ma rratifikawx s-CCM biex jadottaw din il-konvenzjoni b'mod urġenti;
3. Jilqa' l-fatt li ħmistax-il Stat Parti u firmatarju temmew il-qerda tal-ħażniet u tnax-il Stat ieħor għandhom jagħmlu dan sat-terminu ta' żmien previst, u billi qegħdin jitwettqu operazzjonijiet ta' tindif fi tmintax-il pajjiż u tliet żoni oħra;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jwettqu miżuri ħalli jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u biex jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil Stati oħrajn biex dawn tal-aħħar jimplimentaw il-Konvenzjoni;
5. Ifakkar b'mod qawwi li skont is-CCM l-Istati għandhom l-obbligu li fl-ebda ċirkostanza ma jużaw, jiżviluppaw, jipproduċu jew b’xi mod ieħor jakkwistaw, jaħżnu, jerfgħu jew jittrasferixxu munizzjonijiet tat-tferrix lil kwalunkwe persuna, direttament jew indirettament;
6. Jiddispjaċih ħafna li l-abbozz ta' test tal-Protokoll VI li għandu jiġi diskuss fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami tas-CCW f'Novembru jhedded ir-regola internazzjonali ċara u b'saħħitha stabbilita mis-CCM li tipprojbixxi dawk l-armi b'mod komprensiv filwaqt li jdgħajjef ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili;
7. Iħeġġeġ lill-Istati jirrikonoxxu l-konsegwenzi umanitarji u l-prezz politiku għoli tal-appoġġ għal dan l-abbozz ta' protokoll propost li hu kollu kemm hu mimli b'eċċezzjonijiet u lakuni li jippermettu l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix;
8. Jitlob lir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tixħet enfasi partikolari fuq l-għanijiet tematiċi għat-tnaqqis tat-theddida mill-munizzjonijiet tat-tferrix u b'hekk twettaq l-adeżjoni tal-Unjoni għas-CCM, li saret possibbli wara t-Trattat ta' Lisbona;
9. Iqis il-Protokoll VI bħala mhux kompatibbli mas-CCM u li l-Istati Membri tal-UE għandhom obbligu legali li jopponu bil-qawwa u jirrifjutaw l-introduzzjoni tal-Protokoll VI;
10. Iħeġġeġ bil-qawwa lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea biex tfakkar lill-Istati Membri tal-UE dwar l-obbligu legali tagħhom skont is-CCM;
11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu l-projbizzjoni tail-munizzjonijiet tat-tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet tat-Tferrix.