Proċedura : 2011/2864(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0615/2011

Testi mressqa :

B7-0615/2011

Dibattiti :

PV 01/12/2011 - 2
CRE 01/12/2011 - 2

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.26
CRE 01/12/2011 - 6.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0544

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 156kDOC 101k
23.11.2011
PE472.832v01-00
 
B7-0615/2011

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7-0669/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, rieżami intermedju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009)569


Françoise Grossetête f'isem il-Grupp PPE-DE
Nessa Childers f'isem il-Grupp S&D
Antonyia Parvanova, Sophia in 't Veld f'isem il-Grupp ALDE
Marina Yannakoudakis f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Oreste Rossi f'isem il-Grupp EDF
Satu Hassi f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, rieżami intermedju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009)569  
B7‑0615/2011

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar "Il-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2009-2013" (COM(2009)569),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għar-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar HIV/AIDS: dijanjosi bikrija u kura bikrija(2),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika dwar l-HIV/AIDS adottata fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-2011 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-HIV/AIDS,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma adottata fil-Konferenza tas-Soċjetà Internazzjonali tal-AIDS fl-2011, li titlob li jkun hemm aktar finanzjament għall-iżvilupp ta' kura li taħdem għall-HIV,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UNAIDS għall-2011-2015 u l-Istrateġija Globali tas-Settur tas-Saħħa dwar l-HIV/AIDS għall-2011-2015 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li jidentifikaw miri globali eżistenti u miftiehma biex jimmotivaw il-pajjiżi jippjanaw għal reazzjonijiet għall-HIV/AIDS sal-2015,

–       wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2012-2015 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-HIV/AIDS, li jindirizza s-sitwazzjoni attwali rigward l-epidemija tal-HIV/AIDS fir-Reġjun Ewropew u jispjega reazzjoni effikaċi għaliha,

–       wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni ta' Dublin' dwar sħubija għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali, adottata fil-Konferenza Ministerjali dwar 'Negħlbu l-Ostakoli – Sħubija għall-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali' li saret fil-qafas tal-Presidenza Irlandiża tal-UE fit-23 u l-24 ta' Frar 2004,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-UNAIDS/WHO tal-2010 dwar l-Ewropa intitolat “Progress dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Dublin dwar is-Sħubija għall-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali”,

–       wara li kkunsidra l-Gwida dwar l-Ittestjar tal-HIV li ħarġu fl-2010 taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDPC), li tispjega kif jistgħu jsiru t-testijiet tal-HIV fl-Istati Membri,

–       wara li kkunsidra l-Qafas ta' Politika għall-Ewropa tad-WHO tal-2010 dwar "Iż-żieda fl-ittestjar għall-HIV u l-konsulenza dwar l-HIV fir-Reġjun Ewropew tad-WHO",

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont ir-Rapport tal-ECDPC tal-2010 dwar is-Sorveljanza tal-HIV, fl-2009 ġew irrappurtati 25 917-il każ iddijanjostikat ġdid ta' infezzjoni bl-HIV mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea;

B.     billi fl-2009 161 000 persuna ġew infettati bl-HIV fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, biex b'hekk il-għadd ta' persuni li qed jgħixu bl-HIV tela’ għal total ta’ aktar minn 2.2 miljuni skont estimi mill-UNAIDS u d-WHO;

C.     billi l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-HIV qed jikber b’rata allarmanti, partikolarment fil-Lvant tal-Ewropa;

D.     billi, minkejja li hemm trattament u pronjosi fit-tul aħjar, il-kumplessità tal-HIV tibqa' timponi sfidi speċifiċi fuq in-nisa li l-kura tas-saħħa konvenzjonali tista' tonqos milli tindirizza, u tħalli lin-nisa b'vojt mhux indirizzat bejn id-dijanjosi u kura tas-saħħa effikaċi u infurmata(3);

E.     billi l-AIDS hija marda li tista' tiġi evitata għalkollox, u billi l-interventi ta' prevenzjoni primarja, li jipprovdu l-informazzjoni, il-ħiliet, is-servizzi u l-prodotti meħtieġa biex in-nies tiġi mħarsa kontra l-HIV u biex jiġu promossi suriet ta’ mġiba aktar sikuri, huma ċentrali għall-isforzi li jsiru biex jiġi evitat it-tixrid tal-HIV;

F.     billi l-ECDPC jistma li fl-UE 30% tal-persuni infettati bl-HIV ma jafux li għandhom il-vajrus, u minn dawk li nstabu li għandhom l-HIV nofshom qed jersqu għand tabib meta jkunu diġà waslu fi stadju aħħarija ta' infezzjoni, u f’dak l-istadju ma jkunux jistgħu jibbenefikaw għalkollox mit-trattament, u dan joħloq riskji bla bżonn ta' morbidità, mortalità u trażmissjoni;

G.     billi dawk milquta mill-HIV li ma jkunux ġew iddijanjostikati għandhom il-probabilità ta 3.5 darbiet aktar li jittrasmettu l-HIV minn dawk li ġew iddijanjostikati;

H.     billi proporzjon kbir ta' infezzjonijiet tal-HIV għadu mhux dijanjostikat; billi ħafna nies ma jafux l-istatus tas-serum tagħhom u x'aktarx jiskopru dan biss ladarba jimirdu b'mard relatat mal-HIV/AIDS;

I.      billi għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-kwestjoni tal-koinfezzjoni, b'mod partikolari bit-tuberkulosi u l-epatite B u l-epatite Ċ u l-kumplikazzjonijiet tagħhom. billi t-tuberkulosi u l-epatite virali huma prevalenti ħafna, javvanzaw aktar malajr u jikkaġunaw morbidità u mortalità sinifikanti fost il-persuni li għandhom l-HIV; billi, pereżempju, fl-Ewropa tal-Punent huwa stmat li 30% tal-persuni li għandhom l-HIV huma koinfettati bl-epatite Ċ, u billi r-rata hija terġa’ ogħla fl-Ewropa tal-Lvant;

J.      billi fid-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu ta' Marzu 2007 l-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-kobor tan-nuqqas ta' dijanjosi tal-epatite Ċ bħala problema tas-saħħa kbira fl-UE u l-fatt li l-epatite Ċ tiżviluppa aktar malajr f'persuni li diġà huma infettati bl-HIV, u dan jenfasizza l-importanza ta' dijanjosi komprensiva u bikrija;

K.     billi l-infettività tal-HIV tiżdied b'mod sinifikanti meta jkun hemm mard ieħor trażmess sesswalment, bħalma huma l-gonorrea, il-klamidja, l-erpete u s-sifilide;

L.     billi provi riċenti wrew l-effikaċja ta' aċċess bikri għat-trattament biex kemm l-infettività tal-pazjenti u r-rata ta' trażmissjoni tal-HIV jitnaqqsu b'mod sinifikanti b'sa 96%,

M.    billi l-livelli ta’ aċċess għall-prevenzjoni, għat-trattament, għall-kura u għas-servizzi ta’ appoġġ tal-HIV jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;

N.     billi l-użu ta' siringi kkontaminati fost dawk li jinjettaw id-drogi qed iżid it-tixrid rapidu tal-HIV f'ħafna pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant;

O.     billi hemm ħtieġa kritika ta’ kooperazzjoni transkonfinali u interdixxiplinari biex tiġi indirizzata l-epidemija;

P.     billi l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili hija kruċjali fl-iżgurar tal-aċċess għat-trattament u s-servizzi tal-HIV għall-popolazzjonijiet li jinsabu f'riskju u dawk emarġinati,

Q.     

billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwestjonijiet li qed jiffaċċjaw lill-pajjiżi ġirien tal-UE, minħabba li l-HIV/AIDS u infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment m'għandhomx fruntieri, kif hemm enfasizzat fir-Rapport Tekniku tal-ECDPC dwar “L-Epatite B u Ċ fil-viċinat tal-UE:

prevalenza, piż tal-marda u politiki ta' skrinjar”;

R.     billi l-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni milquta bl-HIV huwa essenzjali għal kull aspett tar-reazzjoni għall-HIV;

S.     billi l-esklużjoni soċjali, l-istigma u d-diskriminazzjoni li jirriżultaw mill-istatus ta' HIV, kif ukoll is-silenzju u ċ-ċħid li jiċċirkondaw l-infezzjoni u n-nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet bażiċi tal-persuni li jgħixu bl-HIV b’mod ġenerali, u dawk li jappartienu għal gruppi vulnerabbli (irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra, nies li jinjettaw drogi) b’mod partikolari, jippersistu u jkomplu jdgħajfu l-prevenzjoni, il-kura u t-trattament tal-HIV, u jżidu l-impatt tal-epidemija fuq l-individwi, il-familji, il-komunitajiet u l-pajjiżi;

T.     billi l-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-programmi ta' appoġġ tal-HIV tfasslu għall-persuni b'diżabilità jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom b'mod inadegwat,

U.     billi hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' approċċi komprensivi ta' prevenzjoni, flimkien ma' investiment kontinwat fir-riċerka dwar teknoloġiji ta' prevenzjoni ġodda u l-iżvilupp tagħhom,

V.     billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja m'għandhiex titħalla jkollha impatt negattiv fuq is-settur tas-saħħa, inkluż tnaqqis fl-investiment f'oqsma essenzjali għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;

W.    billi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli qed tipperikola l-finanzjament għall-programmi dwar l-HIV/AIDS;

X.     billi l-mod predominanti ta' trażmissjoni tal-HIV fl-UE huwa s-sess bejn l-irġiel, segwit mir-rapporti eterosesswali, speċjalment bejn individwi li joriġinaw minn pajjiżi b'epidemiji ġeneralizzati tal-HIV;

Y.     billi l-inugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-ixpruni tal-epidemija tal-HIV, u billi llum in-nisa jirrappreżentaw kważi nofs il-każijiet ġodda ta' infezzjonijiet tal-HIV li jiġu rrappurtati fil-pajjiżi ġirien tal-UE;

Z.     billi n-nisa żgħażagħ kulma jmur qed isiru aktar vulnerabbli għall-HIV, b'madwar 45% tal-infezzjonijiet ġodda kollha jseħħu fost dawk ta' bejn il-15 u l-24 sena;

AA.  billi huwa kruċjali li jiġu mħeġġa t-tisħiħ u l-espansjoni tal-politika u l-programmazzjoni fil-qasam ta' rabtiet bejn is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SDSR) u l-HIV sabiex il-programmi ta' prevenzjoni tal-HIV/AIDS jiġu integrati fil-programmi SDSR u sabiex il-prevenzjoni tal-HIV ssir parti integrali mill-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

AB.  billi, minħabba s-setgħa limitata tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet, nuqqas ta' kontroll fuq ir-riżorsi finanzjarji, mobilità limitata u responsabbiltajiet ta' trobbija tat-tfal, in-nisa għandhom possibbiltà akbar li jaffaċċjaw ostakli fl-aċċess għas-servizzi ta' prevenzjoni, trattament u kura tal-HIV;

1.      Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw il-Komunikazzjoni dwar "Il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2009-2013" u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha billi:

- jżidu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' prevenzjoni li jimmiraw b'mod effikaċi għat-tendenzi u l-ħtiġijiet epidemjoloġiċi reġjonali jew lokali, u jaħdmu lejn aċċess universali għall-prevenzjoni, l-ittestjar, il-konsulenza, it-trattament, il-kura u l-appoġġ;

-            jappoġġjaw reazzjoni effikaċi għall-HIV/AIDS f'reġjuni prijoritarji, bħalma huma l-Istati Membri li huma milquta l-agħar tal-UE, il-pajjiżi ġirien tal-UE li huma milquta l-agħar u l-Federazzjoni Russa u pajjiżi oħra tal-KSI;

- jiżviluppaw mezzi biex jintlaħqu u jiġu appoġġjati l-gruppi tal-popolazzjonijiet li l-aktar jinsabu f'riskju u li l-aktar huma vulnerabbli għall-HIV/AIDS fl-Ewropa kollha;

2.      Ifakkar li hija l-marda tal-HIV li għandha tiġi miġġielda, hija l-għadu, u mhux min għandu l-HIV;

3.      Jistieden lill-Kunsill juri tmexxija politika hu u jindirizza l-epidemija kontinwata tal-HIV fl-Ewropa, jiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni tal-HIV li jkunu speċifiċi għall-pajjiż partikolari u jappoġġja reazzjonijiet effikaċi għall-HIV fil-pajjiżi ġirien permezz tad-djalogu dwar il-politiki, il-bini tal-kapaċità teknika u l-appoġġ għall-involviment tas-soċjetà ċivili;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiġi ggarantit aċċess ekwu għall-prevenzjoni, l-ittestjar, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, jindirizzaw l-istigma u ostakli oħra li hemm għall-aċċess f’waqtu għall-konsulenza, l-ittestjar, it-trattament, u l-kura bikrija, iżidu l-investiment fir-riċerka biex jinstab fejqan effikaċi u jtejbu l-istrumenti u l-azzjonijiet biex jindirizzaw il-koinfezzjonijiet bħalma huma t-tuberkulosi u l-epatite B u l-epatite Ċ, fost oħrajn, permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-iskrinjar u l-aċċess effikaċi għat-trattament;

5.      Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu r-riskji ta’ koinfezzjoni billi jtejbu d-dijanjosi u l-aċċess għat-trattament tal-epatite Ċ, it-tuberkulosi u koinfezzjonijiet oħra, filwaqt li jagħrfu l-ħtieġa li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa għat-trattament u l-kura tal-HIV/AIDS bħala miżura essenzjali biex titrażżan l-epidemija;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu d-dijanjosi u l-kura bikrija billi jimplimentaw l-ittestjar ibbażat fuq l-evidenza u strateġiji ta' trattament relatati;

7.      Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw investiment kontinwat fir-riċerka dwar teknoloġiji ta' prevenzjoni ġodda (TPĠ) utilizzati u ġestiti min-nisa, inklużi l-mikrobiċidi;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li s-soċjetà ċivili u l-komunità tar-riċerka akkademika jiġu involuti f'kull stadju fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha;

9.      Jafferma mill-ġdid li l-persuni kollha li qed jgħixu bl-HIV/AIDS għandhom igawdu mill-aqwa standards disponibbli ta' kura u trattament, ikun xi jkun l-oriġini, in-nazzjonalità, il-fehma, l-età, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali u r-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u bir-rispett dovut għall-prinċipji tal-privatezza u l-kunfidenzjalità tagħhom;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet u approċċi konġunti tal-UE biex jiġi promoss ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u approċċi bbażati fuq id-drittijiet meta jkunu qed jiġu indirizzati l-politiki tal-HIV/AIDS, inklużi kampanji ta' informazzjoni biex jiġu miġġielda l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li qed isofru l-persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS;

11.    Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex itemmu d-diskrimazzjoni li hawn kontra n-nies li qed jgħixu bl-HIV/AIDS, jippromwovu u jħarsu d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni kollha li huma vulnerabbli għall-HIV jew li huma milquta minnha, jeżaminaw mill-ġdid il-liġijiet u l-politiki li jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq ta’ programmi effikaċi tal-HIV u jiżguraw li l-persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS jiġu involuti u rrappreżentati meta jkunu qed jiġu mfassla l-politiki ta’ kontra d-diskriminazzjoni; jenfasizza kemm hu importanti li jitqiesu l-perspettivi tal-ugwaljanza tas-sessi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ħalli jiġi żviluppat approċċ komprensiv tal-HIV/AIDS;

12.    Jagħraf il-kontribut potenzjalment enormi li jistgħu jagħtu l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, fi sħubija mal-gvernijiet, għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-HIV/AIDS u biex jingħata appoġġ lill-ħaddiema li qed jgħixu bl-HIV/AIDS;

13.    Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex itemmu kwalunkwe diskriminazzjoni rigward l-aċċess għal pjanijiet ta’ assikurazzjoni, kif ukoll rigward it-termini u l-ispiża tal-pjanijiet ta’ assikurazzjoni, għall-persuni li qed jgħixu bl-HIV/AIDS;

14.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-programmi u l-istrateġiji nazzjonali kollha dwar l-AIDS jiżviluppaw rabtiet b'saħħithom bejn is-saħħa sesswali u riproduttiva u s-servizzi tal-HIV, kif ġie enfasizzat fir-Rieżami Cochrane(4) u kif ġie mtenni fit-42 sessjoni tal-Kummmisjoni tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD);

15.    Jinnota li l-miżuri ta' prevenzjoni għandhom jinkludu espliċitament informazzjoni u edukazzjoni sesswali adegwati, aċċess għal mezzi ta' protezzjoni, bħalma huma l-kondoms tal-irġiel u tan-nisa, u t-tisħiħ tad-drittijiet u l-awtonomija tan-nisa fir-relazzjonijiet sesswali;

16.    Jirrimarka li l-istigma u d-diskriminazzjoni jagħmlu l-ġlieda kontra t-tixrid tal-HIV/AIDS konsiderevolment aktar diffiċli;

17.    Jilqa' l-impenji li ttieħdu fl-2011 waqt il-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-HIV/AIDS, b'mod partikolari l-għanijiet li sal-2015 ikun ġie żgurat trattament għal 15-il miljun persuna li għandhom l-HIV fid-dinja kollha u li sal-2015 l-infezzjonijiet ġodda bl-HIV ikunu tnaqqsu b'50%;

18.    Jilqa' t-talba tan-NU għal impenn kontinwat favur il-finanzjament ta' programmi tal-HIV;

19.    Jilqa' t-talba tan-NU li l-kumpaniji farmaċewtiċi jipprovdu f’waqtu trattamenti antiretrovirali u għall-but ta' kulħadd, tal-ogħla kwalità u effikaċi, b'konċentrazzjoni partikolari fuq l-istrateġiji kosteffikaċi, partikolarment l-użu ta' prodotti mediċinali ġeneriċi;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw il-bidliet meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Politika tal-UNGASS (Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti) dwar l-HIV/AIDS;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jonoraw l-obbligi tagħhom lejn il-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulosi u l-Malarja u jkomplu jappoġġjaw il-ħidma tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, informazzjoni u fornituri ta’ kwalità għolja u komprensivi rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva; hu tal-fehma li dan għandu jkopri, inter alia, konsulenza kunfidenzjali u volontarja, ittestjar u trattament għall-HIV u għall-infezzjonijiet kollha trażmessi sesswalment; il-prevenzjoni ta' tqaliet mhux maħsuba minn qabel; l-aċċess ekwu u għall-but ta' kulħadd għall-kontraċettiivi, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni ta' emerġenza; l-abort sikur u legali, inkluża l-kura ta' wara l-abort; u l-kura u t-trattament biex tiġi pprevenuta t-trażmissjoni vertikali tal-HIV, inkluż għas-sħab u t-tfal;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-UNAIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0284.

(2)

ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 62.

(3)

WHO: “Gender inequalities and HIV” http://www.who.int/gender/hiv_aids/en/

(4)

http://www.unfpa.org/webday/site/global/shared/documents/publications/2008/linkages_evidence.PDF.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2011Avviż legali