imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0659/2011, B7‑0664/2011, B7–0663/2011, B7–0666/2011, B7–0661/2011, B7–0662/2011, B7–0667/2011, B7–0658/2011, B7–0665/2011 u B7‑0660/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE (2011/2897(RSP))
Salvatore Iacolino, Manfred Weber, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Elena Oana Antonescu, Georgios Papanikolaou, Roberta Angelilli, Mario Mauro, Erminia Mazzoni
f'isem il-Grupp PPE-DE
Birgit Sippel, Claude Moraes, Sylvie Guillaume, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Roberto Gualtieri, Tanja Fajon, Carmen Romero López, Silvia Costa
f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Renate Weber, Sarah Ludford, Nathalie Griesbeck, Cecilia Wikström, Ramon Tremosa i Balcells, Andrea Zanoni, Leonidas Donskis, Louis Michel
f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Jan Philipp Albrecht, Tatjana Ždanoka, Rui Tavares, Raül Romeva i Rueda
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Timothy Kirkhope
f'isem il-Grupp ECR
Kyriacos Triantaphyllides, Cornelis de Jong, Cornelia Ernst, Miguel Portas, Nikolaos Chountis, Marisa Matias
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE (2011/2897(RSP))
B7‑0687/2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea li jittrattaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDF), b’mod partikolari l-Artikoli 4, 19, 47, 48 u 49 tagħha,
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u li jipprojbixxu t-tortura u trattament jew kastigi inumani jew degradanti oħra, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 5), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (Artikolu 7), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra u l-Protokoll Fakultattiv għal dik il-Konvenzjoni dwar it-twaqqif ta’ sistema ta’ żjarat regolari minn korpi internazzjonali u nazzjonali f’postijiet ta’ detenzjoni,
– wara li kkunsidra l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni tat-tortura u ta’ trattament jew kastigi inumani jew degradanti oħra, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) (Artikolu 3), il-protokolli għall-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), il-Konvenzjoni Ewropea tal-1987 għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta’ Trattament jew Kastigi Inumani jew Degradanti, li stabbiliet il-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta’ Trattament jew Kastigi Inumani jew Degaradanti (KPT) u r-rapporti tal-KPT,
– wara li kkunsidra l-istrumenti li jittrattaw b’mod aktar speċifiku d-drittijiet ta’ persuni li ġew imċaħħda mil-libertà tagħhom, b’mod partikolari: fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-regoli minimi standard dwar it-trattament tal-priġunieri u d-dikjarazzjonijiet u l-prinċipji adottati mill-Assemblea Ġenerali; fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, notevolment ir-Rakkomandazzjoni (2006)2 dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, ir-Rakkomandazzjoni (2006)13 dwar l-użu tal-arrest preventiv, il-kundizzjonijiet li fihom iseħħ u l-għoti ta’ salvagwardji kontra l-abbuż, ir-Rakkomandazzjoni (2008)11 dwar ir-regoli Ewropej għal ħatja minorenni suġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri, ir-Rakkomandazzjoni (2010)1 dwar ir-Regoli tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-“Probation”(1) u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1996 dwar il-kundizzjonijiet fqar fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea(2) u tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea: titjib u pieni alternattivi(3), u t-talbiet ripetuti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipproponu deċiżjoni qafas dwar id-drittijiet tal-priġunieri, kif tinsab fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2003 dwar il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar salvagwardji proċedurali għall-persuni suspettati u l-imputati fi proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea kollha(4), u r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-programm multi-annwali 2010 - 2014 dwar iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (il-Programm ta' Stokkolma)(6),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea(8),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tad-29 ta’ Awwissu 2006 dwar l-ordni Ewropea ta' superviżjoni ġudizzjarja fi proċeduri ta' qabel is-smigħ tal-kawża bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2006)468 finali),
– Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest (COM(2011)326),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni – It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – tal-14 ta’ Ġunju 2011 (COM(2011) 327 finali),
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE mressqa mill-gruppi ALDE, GUE/NGL, PPE, Verts/ALE u S&D,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea tat lilha nnifisha l-kompitu li tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u billi, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod li tidħol għal obbligi pożittivi li trid tissodisfa biex tonora dak l-impenn;
B. billi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-ġestjoni tal-ħabsijiet huma primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri, iżda billi n-nuqqasijiet, bħall-iffullar fil-ħabsijiet u allegazzjonijiet ta’ trattament ħażin tad-detenuti, jistgħu jdgħajfu l-fiduċja li għandha tkun imsejsa fuqha l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mill-Istati Membri tal-UE;
C. billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali jeħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-istandards fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u l-approssimazzjoni neċessarja tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati u tad-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali, ħaġa li hija kruċjali biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod partikolari meta jitqies li n-numru ta’ ċittadini tal-Istati Membri miżmuma fi Stat Membru ieħor jista’ jiżdied konsegwenza ta’ din il-kooperazzjoni;
D. billi l-popolazzjoni totali fil-ħabsijiet tal-UE fl-2009-2010 kienet stmata li hi 633 909(9); billi l-Green Paper tal-Kummissjoni li fiha dik iċ-ċifra tagħti stampa allarmanti ta':
E. billi l-Artikolu 3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, billi jipprojbixxulhom li jissoġġettaw lill-priġunieri għal trattament inuman jew degradanti, iżda anke obbligi pożittivi, billi jirrikjedu minnhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet ikunu konsistenti mad-dinjità tal-bniedem u li jitwettqu investigazzjonijiet dettaljati u effikaċi jekk dawn id-drittijiet jinkisru;
F. billi f’xi Stati Membri, parti kbira mill-popolazzjoni tal-ħabsijiet hija magħmula minn persuni miżmuma taħt arrest preventiv; billi l-arrest preventiv huwa miżura ta’ eċċezzjoni u perjodi twal iżżejjed ta’ arrest preventiv għandhom effett ta’ ħsara fuq l-individwu, jistgħu jippreġudikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u jmorru kontra l-valuri tal-UE(14); billi numru konsiderevoli ta’ Stati Membri ġew ripetutament kundannati mill-QEDB għal vjolazzjonijiet tal-KEDB fir-rigward tal-arrest preventiv;
G. billi waħda mill-problemi li l-Istati Membri ta’ spiss jiġbdu l-attenzjoni dwarha hija n-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet, u billi jista’ jkun neċessarju li tinħoloq intestatura baġitarja ġdida bil-ħsieb li jiġu mħeġġa jikkonformaw ma’ standards għoljin;
H. billi kundizzjonijiet diċenti għall-priġunieri u l-għoti lilhom ta’ aċċess għal skemi maħsuba biex jippreparaw ruħhom biex jerġgħu lura fis-soċjetà jgħinu biex titnaqqas il-probabilità li jerġgħu jiksru l-liġi;
I. billi l-Kunsill adotta riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet (li mhux dejjem jiġu implimentati mill-Istati Membri) rigward il-problema speċifika tad-dipendenza fuq id-drogi u t-tnaqqis tar-riskji relatati u li jittrattaw b’mod partikolari t-trattament tad-dipendenza fuq id-drogi fil-ħabs u barra minnu;
J. billi 16-il Stat Membru biss irratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, filwaqt li seba’ iffirmawh iżda għadhom ma rratifikawhx(15);
K. billi xi Stati Membri jagħtu lill-membri parlamentari nazzjonali u lill-MEPs id-dritt li jżuru l-ħabsijiet, u billi l-PE talab li dak id-dritt jingħata lill-MEPs kollha fit-territorju kollu tal-UE(16);
L. billi t-tfal huma f’pożizzjoni partikolarment vulnerabbli fir-rigward tad-detenzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-arrest preventiv;
M. billi fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li huwa parti mill-Programm ta’ Stokkolma u li jistipula salvagwardji vitali li se jgħinu biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fl-ispinta għal aktar kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-ġustizzja kriminali;
N. billi l-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni – wara talba espliċita mill-Kunsill u kif previst fil-Programm ta’ Stokkolma u mitlub ripetutament mill-Parlament – bl-isem “It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea - Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni”(17), li tniedi eżerċizzju ta’ konsultazzjoni miftuħa għall-partijiet interessati biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, tenfasizza r-rabtiet bejn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u diversi strumenti tal-UE, bħall-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Ordni Ewropea ta’ Superviżjoni Ġudizzjara, u tagħmilha ċara li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, l-arrest preventiv u s-sitwazzjoni tat-tfal f’detenzjoni huma kwistjonijiet li dwarhom l-UE tista’ tieħu inizjattivi;
1. Jilqa’ bi pjaċir il-Green Paper tal-Kummissjoni; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni allarmanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE u jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri urġenti biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-priġunieri, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli, jiġu rispettati u protetti, u jqis li għandhom jiġu applikati standards komuni minimi ta’ detenzjoni fl-Istati Membri kollha(18);
2. Jerġa’ jafferma li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni huma ta’ importanza ċentrali għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u jqis li huwa ta’ importanza kritika li jkun hemm bażi komuni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jissorveljaw is-sitwazzjoni fir-rigward il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE, u jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-liġijiet u l-politiki tagħhom ikunu konsistenti mal-ogħla standards f’dan il-qasam(19);
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-UE jressqu proposta leġiżlattiva dwar id-drittijiet tal-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom, inklużi dawk identifikati mill-PE fir-rapporti u fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu(20), u jiżviluppaw u jimplimentaw standards minimi għall-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, kif ukoll standards uniformi għal kumpens għal persuni miżmuma jew kundannati b’mod inġust; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu l-kwistjoni fuq nett tal-aġenda politika tagħhom u jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex jindirizzaw is-sitwazzjoni;
5. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, notevolment id-drittijiet tad-difiża u l-aċċess għal avukat, u li d-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati jkunu garantiti, inkluż id-dritt li ma tkunx suġġett għal trattament inuman jew degradanti; Ifakkar, b’rabta ma’ dan, fl-importanza tal-proposta tal-Kummissjoni dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest;
6. Jenfasizza li l-perċezzjoni ta’ kundizzjonijiet inadegwati ta’ detenzjoni, jew kundizzjonijiet li jirriskjaw li ma jissodisfawx l-istandards meħtieġa mir-Regoli Ewropej tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħabsijiet, jistgħu jkunu impediment għat-trasferiment ta’ priġunieri;
7. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi xierqa għar-ristrutturar u l-modernizzazzjoni tal-ħabsijiet, jipproteġu d-drittijiet tad-detenuti, jirriabilitaw b’suċċess u jħejju lid-detenuti għall-ħelsien u għall-integrazzjoni soċjali tagħhom, jipprovdu lill-pulizija u lill-persunal tal-ħabsijiet b’taħriġ ibbażat fuq prattiki kontemporanji tal-ġestjoni tal-ħabsijiet u fuq standards Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, jissorveljaw priġunieri li jbatu minn diżordnijiet mentali u psikoloġiċi u joħolqu intestatura speċifika fil-baġit tal-UE bil-ħsieb li jiġu inkoraġġiti proġetti bħal dawn;
8. Jerġa’ jafferma l-ħtieġa li jiġi promoss it-titjib tal-faċilitajiet tal-ħabsijiet fl-Istati Membri, biex jiġu provduti b’tagħmir tekniku xieraq u jitkabbar l-ispazju disponibbli, u biex isiru funzjonalment adattati għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tad-detenuti, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà;
9. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-arrest preventiv jibqa’ miżura ta’ eċċezzjoni li għandha tintuża taħt kundizzjonijiet stretti ta’ neċessità u proporzjonalità u għal perjodu limitat ta’ żmien, bi qbil mal-prinċipju fundamentali tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li ma tiġix imċaħħad mil-libertà; ifakkar li l-arrest preventiv għandu jiġi rieżaminat perjodikament minn awtorità ġudizzjarja u li l-alternattivi bħall-Ordni Ewropea ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja għandhom jintużaw f’każijiet transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar standards minimi f’dan il-qasam abbażi tal-Artikolu 82(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tal-KDF, tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-QEDB;
10. Jerġa’ jafferma l-ħtieġa li l-Istati Membri jonoraw l-impenji daħlu għalihom f’fora internazzjonali u Ewropej li jagħmlu użu akbar minn miżuri ta’ “probation” u sanzjonijiet li joffru alternattiva għall-priġunerija, inklużi deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa(21);
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jipprevjenu s-suwiċidji fil-ħabsijiet u jwettqu investigazzjonijiet dettaljati u imparzjali fil-każijiet kollha fejn priġunier imut il-ħabs;
12. Jisteiden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ta’ adeżjoni jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti, li jistabbilixxi sistemi ta’ żjarat regolari minn korpi internazzjonali u nazzjonali f’postijiet ta’ detenzjoni u li jagħti lil dawn il-korpi l-kompitu li jżuru u jispezzjonaw ħabsijiet u jisimgħu appelli mill-priġunieri, kif ukoll li jfasslu rapport annwali pubbliku għall-parlamenti rilevanti; jinkoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea tappella biex il-Protokoll Fakultattiv jiġi ffirmat u rratifikat bħala parti mill-politika tagħha fir-rigward ta’ pajjiżi terzi; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkollaboraw b’mod sħiħ ma’ dawn il-korpi u jappoġġawhom, inkluż b’riżorsi u fondi xierqa;
13. Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri fil-livell tal-UE biex jiġi garantit lill-membri parlamentari nazzjonali d-dritt li jżuru l-ħabsijiet u li dan id-dritt bl-istess mod jingħata lill-MEPs fit-territorju tal-UE;
14. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-impatt tad-differenzi fid-dritt kriminali u d-dritt proċedurali dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istati Membri tal-UE u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet, notevolment fir-rigward tar-rikors għal miżuri alternattivi, il-politiki ta’ kriminalizzazzjoni u ta’ dekriminalizzazzjoni, l-arrest preventiv, l-amnestija u s-sospensjoni tal-piena, notevolment fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-użu tad-drogi u l-ħatja minorenni;
15. Jerġa’ jafferma l-importanza li jiġi żgurat li t-tfal jiġu trattati b’mod li jqis l-aħjar interessi tagħhom, inkluż li ma jinżammux mal-adulti u li jkollhom id-dritt li jżommu kuntatt mal-familji tagħhom;
16. Iqis li kull tifel jew tifla mċaħħda mil-libertà tagħhom għandu jkollhom id-dritt għal aċċess fil-pront għal assistenza legali jew assistenza oħra xierqa, kif ukoll id-dritt li jikkontestaw il-legalità tal-privazzjoni tal-libertà quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra;
17. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżmi nazzjonali ta' superviżjoni effikaċi u indipendenti għall-ħabsijiet u ċ-ċentri ta’ detenzjoni;
18. Jappoġġa l-ħidma kontinwa tal-KPT u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, kif ukoll iż-żjarat tagħhom fihom;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.
ĠU C 83E, 2.4.2004, p. 180. Paragrafu 23: “Jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħaffu l-investigazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-priġunieri u tal-ħabsijiet fl-UE, bil-ħsieb li tiġi adottata direttiva qafas dwar id-drittijiet tal-priġunieri u standards minimi komuni biex dawn id-drittijiet jiġu garantiti abbażi tal-Artikolu 6 [TUE]”. Ara wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2002), paragrafu 22: “Iqis, f’livell ġenerali, li għandhom isiru sforzi f’żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja biex jiġu mobilizzati l-kapaċitajiet Ewropej biex tittejjeb l-operazzjoni tas-sistema tal-pulizija u tal-ħabsijiet. pereżempju … billi titfassal deċiżjoni qafas dwar standards minimi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-priġunieri fl-UE”.
Rapport ta’ Maurizio Turco, rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea (2003/2188(INI)), P5_TA(2004)0142.
P7_TA(2009)0090: fil-paragrafu 112 il-Parlament “Jitlob għall-ħolqien ta’ żona ta’ ġustizzja kriminali tal-UE bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, u l-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali, li għandha tiġi żviluppata permezz ta’…standards minimi għall-kundizzjonijiet fil-ħabs u kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u sett komuni ta' drittijiet tal-priġunieri fl-UE…”.
Fl-UE l-medja hija 107.3; l-iffullar jikkonċerna 13-il Stat Membru, kif ukoll l-Ingilterra, Wales u l-Iskozja, bl-ogħla rati ta’ ffullar ikunu fil-Bulgarija (155.6), fl-Italja (153), f’Ċipru (150.5), fi Spanja (136.3) u fil-Greċja (129.6).
Ir-rapporti tal-KPT jiġbdu l-attenzjoni dwar il-persistenza ta’ ċerti problemi serji, bħat-trattament ħażin u l-fatt li l-faċilitajiet tal-ħabsijiet, l-attivitajiet u l-kura tas-saħħa mhumiex adattati.
Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, 2009/C295/01, 30 ta’ Novembru 2009.
Il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Isvezja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja rratifikaw; l-Awstrija, il-Belġju, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall iffirmawh iżda ma rratifikawhx; sors: http://www.apt.ch/npm/OPCAT0911.pdf.
Ara, pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea: titjib u pieni alternattivi, paragrafu 41: “Jappella sabiex il-Membri tal-Parlament Ewropew ikollhom id-dritt li jżuru u jispezzjonaw il-ħabsijiet u ċ-ċentri ta’ detenzjoni għar-rifuġjati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea”.
Bħall-istandards stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-KPT, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha, u l-kummenti tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Kumitat kontra t-Tortura u tar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura.