Proċedura : 2011/2948(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0700/2011

Testi mressqa :

B7-0700/2011

Dibattiti :

OJ 13/12/2011 - 146

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2011 - 7.10

Testi adottati :

P7_TA(2011)0575

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kDOC 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0693/2011
12.12.2011
PE479.399v01-00
 
B7-0700/2011

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Samit UE-Russja li se jsir fil-15 ta' Diċembru 2011 u r-riżultat tal-elezzjonijiet tad-DUMA tal-4 ta' Diċembru 2011 (2011/2948(RSP))


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ria Oomen-Ruijten, Ioannis Kasoulides, Alojz Peterle, Elena Băsescu, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Lena Kolarska-Bobińska, Laima Liucija Andrikienė, Inese Vaidere, Arnaud Danjean, Nadezhda Neynsky, Mario Mauro, Joachim Zeller, Traian Ungureanu f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Russja li se jsir fil-15 ta' Diċembru 2011 u r-riżultat tal-elezzjonijiet tad-DUMA tal-4 ta' Diċembru 2011 (2011/2948(RSP))  
B7‑0700/2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011(1) dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja fid-9 u fl-10 ta' Ġunju 2011, tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar is-Samit UE-Russja u tat-12 ta' Novembru 2009(2) qabel is-Samit UE-Russja li sar fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja fosthom ir-riżoluzzjonijiet tas-7 ta' Lulju 2011(3) dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu, tas-17 ta' Frar 2011(4) dwar l-istat tad-dritt fir-Russja, tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(6), kif ukoll ir-rapport tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa(8), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-'Sħubija għall-Modernizzazzjoni' li nbdiet fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f'San Pietruburgu fil-31 ta' Mejju 2003, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ('l-erba' spazji komuni'),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja maħruġa fil-11 ta' Ottubru 2011 f'Varsavja,

–   wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fit-tmien laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja fis-17 ta' Novembru 2001 f'Moska,

–   wara li kkunsidra l-aħħar Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja fit-28 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton, dwar l-elezzjonijiet tad-Duma fil-Federazzjoni Russa tas-6 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit UE-Russja tal-15 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u r-Russja huma reċiprokament interdipendenti kemm ekonomikament u kemm politikament; billi għalhekk kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba tal-viċinat bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza kbira għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u lil hinn; billi l-Unjoni Ewropea qed tkompli timpenja ruħha biex tapprofondixxi u tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' impenn profond favur prinċipji demokratiċi;

B.  billi r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha responsabbiltà koġunta mal-membri l-oħra biex tinżamm l-istabbiltà globali; billi ħafna sfidi fuq livell internazzjonali partikolarment rigward is-Sirja, il-Lvant Nofsani, l-Iran, it-terroriżmu, is-sigurtà enerġetika, it-tibdil fil-klima u l-kriżijiet finanzjarji jistgħu jingħelbu biss permezz ta' approċċ ikkoordinat li jinkludi lir-Russja;

C. billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u għalhekk impenjat ruħha favur il-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi għad hemm preokkupazzjonijiet rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-miżuri ripressivi meħuda kontra ġurnalisti u l-oppożizzjoni;

D.  billi fit-12 ta' April 2011 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet il-kritika tagħha dwar il-proċeduri kkumplikati ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-istandards elettorali stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE; billi għad hemm preokkupazzjonijiet kbar rigward id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-partiti politiċi biex jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, fatt li effettivament ixekkel il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu fir-Russja;

E.  billi għaddiet sena minn meta l-Parlament Ewropew stieden lill-Kunsill, "fl-assenza ta' mossi pożittivi mill-awtoritajiet Russi li jibdew jikkoperaw u jinvestigaw il-każ ta' Sergey Magnitsky, biex jinsisti li l-awtoritajiet Russi jipproċedu kontra min hu responsabbli u jqis l-impożizzjoni ta' projbizzjoni tad-dħul fl-UE"; ħeġġeġ ukoll "l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE jikkoperaw fl-iffriżar tal-kontijiet tal-bank u l-assi l-oħra tal-uffiċjali Russi fl-Istati Membri kollha tal-UE"(9);

1.  Jistieden lill-UE u lir-Russja jieħdu l-opportunità tas-samit li se jsir biex iħaffu n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni fejn jinħtieġ progress aktar ibbilanċjat fin-negozjati; jitlob li jsir sforz akbar biex isir progress ukoll fis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni bejn l-UE u r-Russja; jitlob li jiġu stabbiliti għanijiet u skeda ta' żmien aktar konkreti;

2.  Jilqa' favorevolment l-ikkompletar tan-negozjati dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, li se tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ fl-ekonomija dinjija; jenfasizza li bl-adeżjoni, ir-Russja għandha l-obbligu legali li tissodisfa r-regoli kollha tad-WTO, fosthom ir-rinunzja ta' miżuri protezzjonisti; jesprimi f'dan il-kuntest il-preokkupazzjoni tiegħu rigward l-unjoni doganali bejn ir-Russja, il-Kazakistan u l-Bjelorussja, li wasslet għal tariffi konsolidati ogħla;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi intensifikata s-sħubija fl-enerġija mar-Russja; itenni li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-ħtieġa għal qafas dwar l-enerġija legalment vinkolanti li jiggarantixxi provvista affidabbli u sikura tal-enerġija abbażi ta' standards ugwali għall-Istati Membri kollha tal-UE;

4.  Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet konġunti tal-11 ta' Ottubru 2011 li jħabbru l-finalizzazzjoni tal-lista ta' Passi Komuni lejn sistema bla ħtieġa ta' viża u jappoġġja l-approvazzjoni uffiċjali u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħha; ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata koerenza reġjonali fl-approċċ adottat fil-konfront tal-liberalizzazzjoni tal-viża mar-Russja u mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jilqa' favorevolment il-finalizzazjzoni tan-negozjati dwar emendi għall-ftehim eżistenti tal-2006 bejn l-UE u r-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-viża; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u r-Russja kif ukoll tal-istabbiliment tad-Djalogu dwar il-Migrazzjoni; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta' kontroll u skambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

5.  Jilqa' favorevolment il-proposta biex jiġi ssimplifikat it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera fir-Reġjun ta' Kaliningrad Oblast u jissottolinja li dan jikkontribwixxi għall-promozzjoni ulterjuri tas-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja, skont il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan direzzjonali tal-Ispazju Komuni dwra il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja;

6.  Jieħu nota tar-riżultat tal-elezzjonijiet tad-DUMA tal-4 ta' Diċembru 2011; jenfasizza li l-mod li bih tmexxew l-elezzjonijiet juri li r-Russja ma tissodisfax l-istandards elettorali kif definiti mill-OSKE; jerġa' jiddikjara li l-proċess ikkumplikat ta' reġistrazzjoni wassal għall-esklużjoni ta' diversi partiti tal-oppożizzjoni u xekkel il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu mill-bidu; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward ta' rapporti ta' frodi u tar-riżultati preliminari tar-rapport tal-OSKE/ODIHR dwar il-ksur proċedurali, in-nuqqas ta' imparzjalità tal-midja, il-fastidju fil-konfront ta' osservaturi indipendenti, u n-nuqqas ta' separazzjoni bejn il-partit u l-istat;

7.  Jilqa' favorevolment id-dimostrazzjonijiet fir-Russja bħala espressjoni tar-rieda tal-poplu Russu għal aktar demokrazija; jikkundanna t-trażżin u l-arrest ta' dimostranti paċifiċi fosthom ta' membri ewlenin tal-oppożizzjoni u ta' ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw il-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni, ma jattakkawx lid-dimostranti paċifiċi u jeħilsu lil dawk li kienu arrestati fil-kuntest tal-elezzjonijiet;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jindirizzaw ir-riżultati tar-rapport ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR, jirriformaw il-liġijiet elettorali skont l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u jilħqu dawk l-istandards fil-prattika sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet presidenzjali liberi u demokratiċi fl-2012 b'opportunitajiet indaqs għall-kandidati tal-oppożizzjoni; jistieden lill-OSKE timmonitorja mill-qrib it-tħejjija tal-elezzjonijiet u l-infurzar tar-regoli elettorali;

9.  Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u dwar in-nuqqas ta' stat tad-dritt u ta' ġudikatura indipendenti; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu speċjalment fir-rigward tal-każ ta' Sergey Magnitsky, inklużi l-prattiki li ma jiġux ikkastigati dawk li jinstabu ħatja tal-mewt tiegħu; jistieden lill-Kumitat Investigattiv imexxi investigazzjoni komprensiva u bir-reqqa bla restrizzjonijiet, jippreżenta fil-pront konklużjonijiet konkreti u jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex dawk responsabbli jittellgħu l-qorti;

10. Jirrikonoxxi l-għoxrin anniversarju mid-dissoluzzjoni tal-USSR li kienet ġrajja importanti ħafna għall-istorja Ewropea; jirrikonoxxi l-kontribut lil dawk l-avvenimenti li taw dawk li opponew attivament it-totalitarjaniżmu u li kkontribwew għal-liberazzjoni minnu;

11. Jistieden lir-Russja tikkontribwixxi attivament biex tinstab soluzzjoni għall-'kunflitti ffriżati' fil-viċinat tagħha u tirrispetta is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati kollha involuti fil-'kunflitti ffriżati';

12. Itenni l-obbligu tar-Russja li timplimenta għalkollox il-ftehim b'sitt punti dwar il-waqfien mill-ġlied inkluż ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja;

13. Jappoġġja lill-Grupp ta' Minsk tal-OSKE u lill-Ko-President tiegħu fil-progress fir-rigward tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh;

14. Jilqa' favorevolment il-bidu mill-ġdid tan-negozjati fil-format 5+2 fir-rigward tal-kunflitt Transnistrijan u jieħu nota tal-ewwel laqgħa uffiċjali li saret fl-1 ta' Diċembru 2011 li wieħed jittama li tkun il-bidu ta' soluzzjoni għall-kunflitt;

15. Jiddikjara li r-Russja, li għandha s-setgħa tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fil-kriżijiet inrternazzjonali; jenfasizza li l-isfidi f'livell internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward tas-Sirja u l-Iran, ma jistgħux jiġu solvuti mingħajr approċċ ikkoordinat li jinkludi lir-Russja; jistieden lir-Russja tieħu approċċ aktar kostruttiv speċjalment fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2011)0268.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2009)0064.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2011)0335.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2011)0066.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2009)0021.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

(8)

ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2011Avviż legali