imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd (2012/2522(RSP))
Robert Sturdy
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd (2012/2522(RSP))
B7‑0051/2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran,
– Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2005 li jawtorizza negozjati mal-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar "Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni"(COM(2011) 303 final),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE tal-14 ta’ Diċembru 2011 biex jiġi awtorizzat il-ftuħ tan-negozjati kummerċjali mal-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija,
– wara li kkunsidra l-Ftehim propost fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli 1, 2 u 3 u tal-Annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0201/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ambjent politiku li qed jevolvi fin-Nofsinhar tal-Mediterran wara l-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija kien jirrikjedi reazzjoni b’saħħitha, effettiva u rapida mill-UE;
B. billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u liberalizzazzjoni kummerċjali bbilanċjata u progressiva ma’ dawn il-pajjiżi huma komponent importanti ta’ din ir-reazzjoni;
C. billi l-kummerċ u l-investiment huma muturi għat-tkabbir u jgħinu biex jonqos il-faqar, jgħaqqdu n-nies, jiżguraw rabtiet bejn in-nazzjonijiet u jikkontribwixxu għall-istabilità politika;
D. billi l-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2000, jistipula li l-Komunità Ewropea u l-Marokk se jimplimentaw gradwalment aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ reċiproku ta’ bejniethom fi prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati, ħut u prodotti tas-sajd;
E. billi l-UE żżom bilanċ favorevoli sinifikanti fil-kummerċ ta’ prodotti mal-Marokk, li fl-2010 laħaq €5.9 biljun;
F. billi l-UE għandha bilanċ favorevoli sostanzjali fil-kummerċ agrikolu u tas-sajd mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ta’ iktar minn €4 biljun iżda għandha defiċit fil-kummerċ bilaterali agrikolu u tas-sajd mal-Marokk li fl-2010 kien jammonta għal €633 miljun; billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli u tas-sajd jirrappreżenta madwar 18% tal-esportazzjonijiet tal-Marokk;
G. billi fl-2009 l-agrikoltura kienet tirrappreżenta 16.4% tal-PDG tal-Marokk u timpjiega madwar 38% tal-forza tax-xogħol tal-Marokk; billi fl-2006 l-agrikoltura kienet tirrappreżenta 2.1% tal-PDG tal-Marokk u timpjiega madwar 5% tal-forza tax-xogħol Ewropea;
H. billi l-Ftehim propost jilliberalizza immedjatament 55% tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-UE (ċifra li tiżdied minn 33%) u 70% tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-Marokk fi żmien għaxar snin (ċifra li tiżdied minn 1%);
I. billi l-prodotti agrikoli kollha mill-pajjiżi terzi kollha importati ġewwa l-UE għandhom jaderixxu mar-regolamenti tal-Unjoni li jirregolaw il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS);
J. billi l-Marokk huwa wieħed mill-erba’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li għalihom il-Kunsill awtorizza direttivi ta' nnegozjar għal Ftehim ta' Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli se jifforma parti minn dawn in-negozjati;
Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali
1. Jemmen li l-liberalizazzjoni kummerċjali u l-integrazzjoni progressiva fis-suq intern tal-UE huma strumenti importanti għall-iżvilupp tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jgħinu jtaffu l-faqar u l-qgħad mifruxa li jżidu l-problemi ekonomiċi, migratorji u tas-sigurtà fir-reġjun; iqis li, sabiex dan il-potenzjal jiġi attwat, l-UE għandha tkun lesta tagħti konċessjonijiet kummerċjali f’setturi sensittivi bħalma hi l-agrikoltura;
2. Jenfasizza li wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-UE għandha r-responsabilità li tagħmel użu sħiħ mill-kapaċitajiet kummerċjali u ekonomiċi tagħha biex tgħin it-tranżizzjoni f’dawk il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li, bħall-Marokk, qed jieħdu passi sinifikanti lejn id-demokrazija;
Il-Ftehim
3. Jenfasizza li l-Ftehim se jipprovdi opportunitajiet sinifikanti għall-industrija agrikola tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ikel ipproċessat; jirrimarka li l-esportaturi tal-UE eventwalment se jibbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi fuq l-importazzjoni tal-Marokk fir-rigward ta’ 70% tal-linji ta' prodotti agrikoli u tas-sajd, u dan stmat li se jiffranka EUR 100 miljun f’dazji doganali;
4. Iqis li huwa essenzjali li l-inizjattivi kummerċjali u ta' investiment għandu jkollhom l-għan li jkunu ta’ benefiċċju għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà u jkunu mmirati b’mod partikolari lejn l-SMEs u l-bdiewa ż-żgħar; f’dan il-kuntest, jinnota li ’l fuq minn 80 % tal-bdiewa tal-Marokk għandhom inqas minn ħames ettari ta’ art u għalhekk jilqa’ l-appoġġ tal-Confédération marocaine de l'agriculture et du développement rural (COMADER) għall-Ftehim;
5. Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE jiddependi fuq l-issodisfar ta’ ċerti standards tal-iġjene u tas-sikurezza u jilqa’ r-rapport pożittiv tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-2011; jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fil-Ftehim dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u jitlob li l-assistenza teknika tkun ċentrali fin-negozjati għal kwalunkwe ftehim futur dwar żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) mal-Marokk;
6. Jilqa’ l-miżuri mhux tariffarji addizzjonali inklużi fil-ftehim bħalma huma l-protezzjoni addizzjonali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej, il-mekkaniżmi ta’ salvagwardja msaħħa u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji; barra minn hekk, ifakkar li l-UE u l-Marokk qablu dwar mekkaniżmu b’saħħtu għas-soluzzjoni tat-tilwim li jippermetti li l-UE tingħata rimedju jekk il-Marokk ma jirrispettax it-termini tal-Ftehim;
7. Jinnota l-preokkupazzjonijiet ta’ xi gruppi industrijali Ewropej rigward iż-żidiet fil-kwoti mingħajr dazji għal importazzjonijiet sensittivi ta’ frott u ħxejjex; madankollu, jenfasizza li ż-żieda fil-kwoti mingħajr dazju tirrappreżenta persentaġġ żgħir ħafna tal-produzzjoni Ewropea (eż. bejn wieħed u ieħor 0.8% għat-tadam), u dawn l-importazzjonijiet huma limitati wkoll bl-allokazzjonijiet staġonali u bis-sistema tal-prezz tad-dħul;
8. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-monitoraġġ tal-iskambji ta’ prodotti agrikoli, b’mod partikolari l-prodotti l-iktar sensittivi, sabiex jiġi żgurat kontroll tal-konformità ma’ dan il-ftehim u sabiex jiġi evitat it-tfixkil tas-swieq u jiġu żgurati l-istabilità tas-suq u l-kontinwità tal-provvista fis-settur tal-ftott u l-ħxejjex;
9. Jenfasizza li, bħal bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Marokk qed jaffaċċa sfidi fil-garanzija tad-drittijiet tax-xogħol; jinnota li, minkejja r-ratifika tal-konvenzjonijiet relevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaddim tat-tfal, xorta għad fadal preokkupazzjonijiet dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tħaddim tat-tfal; jikkunsidra li d-DCFTA għandhom jinkludu assistenza fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO, fir-ratifika ta’ konvenzjonijiet kruċjali mhux iffirmati (eż. Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni (Nru 87)) u inizjattivi dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Ftehim futur jirrispetta bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u jkunu ta’ benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali milquta kollha;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Magreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran kif ukoll lill-Parlament u l-Gvern tal-Marokk.