Proċedura : 2011/2937(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0064/2012

Testi mressqa :

B7-0064/2012

Dibattiti :

PV 14/02/2012 - 3
CRE 14/02/2012 - 3

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2012 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0051

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 124kDOC 76k
10.2.2012
PE483.122v01-00
 
B7-0064/2012

imressqa wara l-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali B7‑0023/2012 u B7‑0024/2012

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-pjan multiannwali propost għall-istokk tal-Punent ta' Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk (2011/2937(RSP))


Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher f'isem il-Kumitat għas-Sajd

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-pjan multiannwali propost għall-istokk tal-Punent ta' Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk (2011/2937(RSP))  
B7‑0064/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0189) kif ukoll l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skont liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0010/2009),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)0665),

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2010(1),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Novembru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta' Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk (COM(2009)0189 – C7-0010/2009 – 2009/0057(COD),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (P7_TA(2010)0039),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0425),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-pjan multiannwali propost għall-istokk tal-Punent ta' Sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk (B7-0023/2011, B7-0024/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont it-termini tal-Pjan ta' Implimentazzjoni adottat fis-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti f'Johannesburg fl-2002, l-Unjoni Ewropea hija impenjata sabiex iżżomm jew treġġa' lura l-istokkijiet tal-ħut għal livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, bl-għan li l-għanijiet għall-istokkijiet eżawriti jintlaħqu b'urġenza, u meta jkun possibbli mhux aktar tard mill-2015;

B.  billi l-Politika Komuni tas-Sajd, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (PKS), għandha l-għan li tiżgura sfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli;

C. billi l-istokk tal-Punent ta' sawrell huwa ekonomikament l-aktar stokk importanti ta' sawrell li jgħix fl-ilmijiet tal-Unjoni;

D. billi f'April 2009 l-Kummissjoni pproponiet pjan ta' ġestjoni (COM(2009)0189) abbażi tal-ħidma preparatorja fil-Kunsill Konsultattiv Reġjonali Pelaġiku u l-parir mogħti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF);

E.  billi l-pjanijiet multiannwali huma pedament tal-PKS u għodda ta' konservazzjoni fundamentali li jistabbilixxu dispożizzjonijiet ġenerali meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, u għalhekk għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b'konformità mal-Artikolu 43(2) TFUE;

F.  billi l-informazzjoni bijoloġika dwar l-istokk tal-Punent ta' sawrell mhijiex biżżejjed għal valutazzjoni sħiħa tal-istokk; billi, madankollu, il-parir tal-STECF jindika li regola dwar il-kontroll tal-qabdiet ibbażata fuq ix-xejra fl-abbundanza tal-bajd twassal għal ġestjoni sostenibbli tal-istokk; billi r-regola dwar il-kontroll tal-qabdiet għandha tkun ibbażata fuq il-parir prekawzjonarju mogħti għall-kundizzjonijiet medji ta' reklutaġġ kif ukoll fuq il-qabdiet totali permissibbli reċenti aġġustati b'fattur li jirrifletti x-xejriet fl-abbundanza tal-istokk kif imkejla permezz tal-produzzjoni tal-bajd;

G. billi l-istabbiliment u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet ta' sajd fil-Politika Komuni tas-Sajd għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-flotot tas-sajd tal-Istati Membri, partikolarment għall-flotot kostali fuq skala żgħira;

H. billi l-Kunsill ma jistax iżomm għalih biss il-poter li jadatta unilateralment il-parametri definiti fil-proposta għall-istabbiliment tal-qabdiet totali permissibbli, billi huma komponenti ewlenin tal-pjan fit-tul propost;

I.   billi l-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, daħħal ċerta flessibbiltà għall-Kunsill fil-mod kif tiġi kkalkulata t-tneħħija totali, skont ir-regoli dwar il-qabdiet ibbażati fuq ix-xjenza, bl-għan li tiġi ffaċilitata soluzzjoni ta' kompromess u li jingħata kontribut favur approċċ kostrutiv u pożittiv rigward din il-proposta leġiżlattiva;

J.   billi r-referenzi u l-parametri bijoloġiċi li jagħmlu parti mir-regola dwar il-qabdiet għandhom isegwu l-parir xjentifiku l-aktar reċenti u l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta' modifiki ta' ċerti referenzi u parametri bijoloġiċi li huma parti mir-regola dwar il-qabdiet u biex tkun tista' tirreaġixxi malajr għal bidliet;

1.  Jissottolinja li l-għan tal-pjan huwa li l-bijomassa tas-sawrell tal-Punent tinżamm f'livell li jiżgura l-isfruttament sostenibbli tiegħu, u li jiġi pprovdut ir-rendiment massimu fit-tul;

2.  Jemmen li r-regola dwar il-kontroll tal-qabdiet għandha tkun ibbażata, fuq bażi ugwali, kemm fuq il-parir prekawzjonarju kif ukoll fuq il-qabdiet totali permissibbli reċenti, aġġustati b'fattur li jirrifletti x-xejra reċenti fl-abbundanza tal-istokk kif imkejla permezz tal-produzzjoni tal-bajd;

3.  Jenfasizza li r-regoli dwar il-kontroll tal-qabdiet huma elementi ewlenin tal-pjanijiet multiannwali li jridu jiġu deċiżi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

4.  Jissottolinja li pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul li japplika għall-akbar numru possibbli ta' stokkijiet ta' ħut huma fundamentali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd;

5.  Jenfasizza li l-impass interistituzzjonali eżistenti għandu jingħeleb għall-benefiċċju ta' stokk tal-ħut sostenibbli u biex l-operaturi tas-sajd ikunu jistgħu jippjanaw aħajr bil-quddiem l-attivitajiet tagħhom;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu aktar inizjattivi biex tħeġġeġ djalogu politiku bejn it-tliet istituzzjonijiet bl-għan li jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-arkitettura futura tal-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi malajr, kif indikat u wiegħdet diversi drabi, sabiex tipprevjeni nuqqas ta' qbil interistituzzjonali b'rabta mal-pjanijiet fututi ta' ġestjoni fit-tul;

8.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-pjan multiannwali propost għall-istokk tal-Punent ta' sawrell tal-Atlantiku sabiex il-Parlament ikun jista' jibda t-tieni qari tiegħu u biex isir progress dwar din il-kwistjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bħala informazzjoni.

 

(1)

ĠU C 354, 28.12.2010, p. 68.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2012Avviż legali