Proċedura : 2012/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0179/2012

Testi mressqa :

B7-0179/2012

Dibattiti :

OJ 14/03/2012 - 123

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.6
CRE 15/03/2012 - 11.6
PV 29/03/2012 - 9.8
CRE 29/03/2012 - 9.8

Testi adottati :

P7_TA(2012)0112

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 117kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0178/2012
13.3.2012
PE486.718v01-00
 
B7-0179/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja


 

Kristiina Ojuland, Ivo Vajgl, Ivars Godmanis, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE

<<<


   
B7‑0179/2012

Il-Parlament Ewropew,

- –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Frar 2012, tat-13 ta' Settembru 2011, tat-12 ta' Mejju 2011, tal-10 ta' Marzu 2011, tal-20 ta' Jannar 2011, tal-10 ta' Marzu 2010 u tas-17 ta' Diċembru 2009,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 li esprimew it-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE Nru 2012/126/PESK tat-28 ta' Frar 2012 għall-infurzar ta' miżuri restrittivi kontra r-reġim tal-Bjelorussja wara deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, billi żdiedu 21 persuna oħra responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika dwar il-lista ta' projbizzjoni għall-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tat-28 ta' Frar 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex il-Kap tad-Delegazzjoni għall-UE u l-Ambaxxatur tal-Polonja jerġgħu lura lejn Minsk,

- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE tat-23 ta' Jannar 2012 dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 1857(2012) tal-25 ta' Jannar 2012 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' membri tal-oppożizzjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, midja indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta' Ġunju 2011 li tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qabel, matul u wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja u li tistieden lill-gvern Bjelorussu jtemm il-'persekuzzoni' tal-mexxejja tal-oppożizzjoni,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fl-okkażjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kungress Annwali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Hockey ta' Berna f'Mejju 2009 li tospita l-Kampjonat tad-Dinja tal-IIHF tal-2014 fil-Bjelorussja minkejja l-persekuzzjoni tal-oppożituri politiċi ta' Alyaksandr Lukashenka u l-abbuż mifrux kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

 

A.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ittenni l-impenji, fost oħrajn tal-Bjelorussja, favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

B.  billi s-sitwazzjoni politika fil-Bjelorussja bdiet tmur serjament għall-agħar mill-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010 b'miżuri repressivi li ttieħdu kontra membri tal-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minkejja diversi appelli mill-komunità internazzjonali sabiex dawn il-miżuri jieqfu immedjatament;

C.  billi l-kunflitt diplomatiku b'ambitu mingħajr preċedent bejn l-UE u l-Bjelorussja mar għall-agħar wara li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja talbu li l-ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea u l-ambaxxatur tal-Polonja jħallu l-pajjiż u rtiraw l-ambaxxaturi tagħhom stess minn Brussell u minn Varsavja b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Frar 2012;

D.  billi, f'dan il-kuntest, Aleksandr Lukashenka rrisponda b'attakk personali dwar il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja;

E.  billi, fl-1 ta' Marzu 2012, kap ta' dipartiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali afferma li "l-persuni li jappellaw lil Stati barranin u lil organizzazzjonijiet internazzjonali biex jimponu sanzjonijiet ekonomiċi u ta' tip ieħor kontra l-Bjelorussja jistgħu jkunu suġġetti għal projbizzjoni temporanja tal-ivvjaġġar barra l-pajjiż u saħansitra prosekuzzjoni kriminali' u, bħala segwitu għal din l-affermazzjoni, xi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi tal-oppożizzjoni u ġurnalisti indipendenti ma tħallewx joħorġu mill-Bjelorussja jew ġew anke pprojbiti milli jidħlu fil-pajjiż mill-fruntiera tal-UE;

F.  billi l-ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE f'Minsk issejħu lura lejn il-bliet kapitali tagħhom għal konsultazzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE kkonvokaw lill-ambaxxaturi tal-Bjelorussja fil-ministeri barranin tagħhom;

G.  billi d-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-UE hija sinjal ċar ta' solidarjetà u għaqda tal-UE fi kwistjonijiet tal-affarijiet barranin u ta' effikaċja tal-azzjonijiet tal-UE u ta' promozzjoni b'suċċess tal-valuri Ewropej ġewwa kif ukoll barra t-territorju tal-UE u l-implimentazzjoni b'suċċess ta' dawn l-azzjonijiet se tiddependi mill-impenn sod tagħha li taġixxi b'mod magħqud;

H.  billi l-politika tal-UE fir-rigward il-Bjelorussja tibqa' bbażata fuq il-kundizzjonalità u billi biex itejbu r-relazzjonijiet mal-UE, l-awtoritajiet Bjelorussi għandhom jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha;

I.  billi t-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea huwa wkoll kundizzjonat mill-progress tal-Gvern tal-Bjelorussja lejn l-ilħuq tal-impenji OSKE tagħha u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali, l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi; inkluż il-ħelsien tal-priġunieri politiċi; billi, bħala konsegwenza, jiżdied l-awtoiżolament tagħha, li jkun jolqot lill-poplu Bjelorussu kif ukoll iwassal għal dipendenza aktar qawwija mir-Russja;

J.  billi l-Kunsill tal-UE ddeċieda li jestendi l-lista ta' persuni suġġetti għal sanzjonijiet minħabba r-repressjoni dejjem akbar tas-soċjetà min-naħa tar-reġim tal-Bjelorussja;

billi skont l-Att dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Bjelorussja tal-2011, imdaħħal fis-seħħ bħala liġi bil-firma tal-President Barack Obama fit-3 ta' Jannar, l-Istati Uniti jistiednu lill-IIHF tissospendi l-pjan tagħha li torganizza l-kampjonat tal-2014 fil-Bjelorussja sakemm il-Gvern tal-Bjelorussja jeħles il-priġunieri politiċi kollha;

 

1.  Jieħu nota tad-deċiżjoni ta' rtirar tal-Ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE mill-Bjelorussja, li tirrappreżenta azzjoni bla preċedenti fil-prassi diplomatika tal-UE u turi li t-tentattivi tal-awtoritajiet Bjelorussi intiżi li jifirdu l-Unjoni Ewropea f'dawk li huma deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet ma rnexxewx;

2.  Jenfasizza li impenn sod min-naħa tal-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll ta' pajjiżi demokratiċi oħrajn biex jaġixxu b'mod magħqud fi żminijiet ta' bżonn jista' jrawwem promozzjoni b'suċċess tal-valuri universali f'pajjiżi bħall-Bjelorussja u jqarreb lil dawn il-pajjiżi lejn it-triq tat-tranżizzjoni demokratika;

3. Jisħaq fuq il-fatt li Minsk imissha tagħmel l-għażla korretta għall-poplu tagħha u tħaddan id-demokrazija minflok ma tagħżel awtoiżolament dejjem akbar;

4.  Jikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-membri tal-oppożizzjoni demokratika u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti fil-Bjelorussja għal raġunijiet politiċi;

5.  Jesiġi ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri politiċi kollha; itenni li ma jistax ikun hemm progress fid-djalogu UE-Bjelorussja mingħajr progress, min-naħa tal-Bjelorussja, lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u sakemm ma jinħelsu inkundizzjonatament il-priġunieri politiċi kollha, fosthom, Ales Bialiatski, President taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem 'Viasna' u Viċi President tal-FIDH, żewġ ex kandidati presidenzjali, Mikalai Statkevich u Andrei Sannikau, kapijiet tal-kampanji presidenzjali tal-kandidati tal-oppożizzjoni demokratika Pavel Seviarynets u Dzmitry Bandarenka kif ukoll Syarhey Kavalenka, priġunier politiku detenut minħabba ksur allegat tal-arrest domiċiljari, li ilu fuq strajk tal-ġuħ imtawwal, li wassal għal deterjorament kritiku ta' saħtu u jhedded direttament lil ħajtu, u d-drittijiet ċivili ta' dawn kollha għandhom jiġu riabilitati bis-sħiħ;

6.  Jistieden lill-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Ice Hockey tal-Istati Membri tal-UE u lin-nazzjonijiet demokratiċi l-oħra jħeġġu lil IIHF, anke matul il-laqgħat tagħha fil-Kungress tagħħa li jmiss f'Mejju f'Ħelsinki, il-Finlandja, biex teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni preċedenti tagħha u tissospendi jew tirreloka f'pajjiż ospitanti ieħor il-kampjonat Dinji tal-Ice Hockey tal-2014 li kien se jsir fil-Bjelorussja, sakemm il-priġunieri politiċi kollha, rikonoxxuti minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittjiet tal-bniedem bħala "priġunieri ta' kuxjenza", ikunu rilaxxati u sakemm ir-reġim juri sinjali ċari li se jimpenja ruħu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

7.  Jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2012 li għandhom jissaħħew il-miżuri restrittivi u li jiżdiedu 21 persuna responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja mal-lista ta' dawk suġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u għal iffriżar tal-assi;

8. Jistieden lill-Kunsill jieħu kont tal-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet diplomatiċi UE-Bjelorussja kif ukoll tad-deterjorament ulterjuri tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet bażiċi fil-pajjiż, u jistiednu jadotta deċiżjoni rispettiva dwar miżuri restrittivi ulterjuri, inklużi sanzjonijiet ekonomiċi;

9. Jistieden lill-UE ssaħħaħ, fl-istess ħin, l-impenn tagħha mas-soċjetà ċivili Bjelorussa, tintensifika r-rabiet tagħha mal-oppożizzjoni u tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Bjelorussu;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità ta' Stati Indipendenti u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Bjelorussja.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2012Avviż legali