Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0180/2012

Testi mressqa :

B7-0180/2012

Dibattiti :

OJ 14/03/2012 - 123

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.6
CRE 15/03/2012 - 11.6
PV 29/03/2012 - 9.8
CRE 29/03/2012 - 9.8

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 113kWORD 57k
12.3.2012
PE486.719v01-00
 
B7-0180/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Bjelorussja


Helmut Scholz, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja  
B7‑0180/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-15 ta' Frar 2012, tat-13 ta' Settembru 2011, tat-12 ta' Mejju 2011, tal-10 ta' Marzu 2011, tal-20 ta' Jannar 2011, tal-10 ta' Marzu 2010 u tas-17 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-23 ta' Jannar 2012 fir-rigward tal-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE Nru 2012/126/PESK tat-28 ta' Frar 2012 għall-infurzar ta' miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja għaż-żieda ta' 21 persuna oħra responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fuq il-lista ta' projbizzjoni għall-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-28 ta' Frar 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Bjelorussja li jirtiraw lura lejn Minsk lill-Kap tad-Delegazzjoni tagħhom għall-UE u lill-Ambaxxatur tagħhom għall-Polonja,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 1857(2012) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja tal-25 ta' Jannar 2012, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' membri tal-oppożizzjoni u l-abbuż ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, tal-midja indipendenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-kunflitt diplomatiku mingħajr preċedent bejn l-UE u l-Bjelorussja eskala wara li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja talbu lill-ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea u lill-ambaxxatur tal-Polonja iħallu l-pajjiż u rtiraw l-ambaxxaturi tagħhom minn Brussell u minn Varsavja b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Frar 2012;

 

B.  billi l-ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE f'Minsk issejħu lura għal konsultazzjonijiet fil-ibliet kapitali tagħhom u l-Istati Membri kollha tal-UE sejħu lura lill-ambaxxaturi tal-Bjelorussja fil-ministeri barranin tagħhom;

 

C.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi fil-Bjelorussja tibqa' waħda ta' tħassib serju; billi komplew il-miżuri ta' repressjoni kontra l-membri tal-oppożizzjoni demokratika, tal-midja indipendenti, attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

 

1.  Jitlob li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja jeħilsu u jirrijabilitaw minnufih u mingħajr kondizzjonijet lil dawk kollha miżmuma fuq bażi politika; jikkritika bil-qawwa t-tkomplija ta' miżuri tar-repressjoni kontra l-membri tal-oppożizzjoni demokratika, l-midja ħielsa, attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja iwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet ċivili u politiċi;

2.  Jenfasizza li l-Bjelorussja teħtieġ tniedi djalogu pubbliku nazzjonali mal-forzi demokratiċi kollha dwar il-futur tal-pajjiż u ukoll riformi demokratiċi mingħajr indħil barrani;

3.  Jesprimi tħassib serju għall-kunflitt diplomatiku bejn l-awtoritajiet tal-Bjelorussja u l-Unjoni Ewropea; jinsab imħasseb li l-azzjonijiet miż-żewġ naħat qegħdin iqawwu l-ambjent ta' nuqqas ta' fiduċja u ostilità bejn il-Bjelorussja u l-Unjoni Ewropea, u dawn qegħdin jiggravaw il-kontradizzjonijiet minflok ma jgħinu it-twettiq ta' djalogu produttiv u t-tiftix ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u ta' viċinat ta' benefiċċju reċiproku;

4.  Jenfasizza li l-ebda problema fil-viċinat komuni bejn l-UE u r-Russja ma tista' tissolva mingħajr il-kooperazzjoni mar-Russja; jistieden lill-UE u lir-Russja jtemmu kull attività li tqawwi l-kontradizzjonijiet eżistenti fil-qasam u biex jegħlbu r-rivalità tagħhom f'din iż-żona; jitlob lir-RGħ/VP tal-Kummissjoni Catherine Ashton tiddiskuti mal-kontroparti tagħha fir-Russja dwar approċċ ta' kooperazzjoni għal viċinat komuni, inkluż il-Bjelorussja, bħala sieħeb tar-Russja fl-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Parlament igħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament u lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-gvern u lill-Parlament tar-Russja.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2012Avviż legali