Proċedura : 2012/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0245/2012

Testi mressqa :

B7-0245/2012

Dibattiti :

OJ 22/05/2012 - 122

Votazzjonijiet :

PV 24/05/2012 - 10.2

Testi adottati :

P7_TA(2012)0221

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kDOC 78k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0235/2012
21.5.2012
PE489.267v01-00
 
B7-0245/2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Ukraina (2012/2658(RSP))


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Michael Gahler, Roberta Angelilli, Elena Băsescu, Ivo Belet, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Lena Kolarska-Bobińska, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Monica Luisa Macovei, Ria Oomen-Ruijten, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, Zuzana Roithová, Jacek Saryusz-Wolski, Inese Vaidere

f'isem il-Grupp PPE-DE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina (2012/2658(RSP))  
B7‑0245/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottata fit-3 ta’ April 2012 dwar is-sitwazzjoni ta’ Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fis-26 ta’ April 2012 dwar is-sitwazzjoni ta' Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2012 minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-isport, dwar l-Euro 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mogħtija mill-President Pollakk Bronisław Komorowski fid-9 ta' Mejju 2012 li l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012 għandu jsir,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ Progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-Ukraina li ġie ppubblikat fil-15 ta’ Mejju 2012 (SWD(2012) 124 finali),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Ukraina tal-15 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998(1), u n-negozjati għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) mfassal sabiex jieħu post l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għal-libertajiet ċivili u l-libertajiet fundamentali, l-istat ta’ dritt bl-inklużjoni ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti u l-iffukar tal-Ukraina fuq riformi interni huma prerekwiżit għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;

B.  billi l-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, inkluża d-DCFTA, se jkun importanti għall-perspettiva Ewropea tal-Ukraina, billi aktar ma l-Ukraina taqsam valuri komuni mal-UE u aktar ma twettaq riformi fl-ispirtu ta’ dan il-Ftehim, iktar se jsiru gradwalment profondi r-relazzjonijiet mal-UE; billi huwa ta’ importanza kbira wkoll għall-UE li jkollha ż-żona tal-istat ta’ dritt u ta’ ġid estiża lejn il-fruntieri tal-Lvant tagħha, li parti sinifikanti minnha ffurmata mill-fruntiera mal-Ukraina;

C. billi l-Parlament Ewropew ikkundanna kif tmexxiet il-prosekuzzjoni, il-proċessi fil-qorti kif ukoll il-verdett kontra Yulia Tymoshenko bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-istat tad-dritt u kkritika s-sitwazzjoni umanitarja fil-ħabsijiet kif ukoll l-użu ta’ ġustizzja selettiva kontra Yuri Lutsenko, Valeriy Ivashchenko u oħrajn; billi s-sentenza tal-appell tal-kassazzjoni fil-każ tas-Sa Tymoshenko kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pechersk f’Kyiv mistennija fis-26 ta’ Ġunju 2012;

D. billi f’Ġunju l-Ukraina se tospita l-Kampjonat Ewropew tal-Futbol 2012 flimkien mal-Polonja; billi s’issa politiċi Ewropej ta’ livell għoli indikaw li mhux se jattendu l-logħbiet li se jseħħu fl-Ukraina, iżda ma sejħux bojkott tal-logħbiet tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol;

E.  billi l-Ukraina pposponiet Samit tal-mexxejja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant previst għall-11 u t-12 ta' Mejju f'Yalta wara li l-presidenti ta’ tmien pajjiżi ħasru l-parteċipazzjoni tagħhom bi protesta kontra t-trattament ta’ Tymoshenko;

1.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Parlament fil-qasam tal-politika barranija hu li jsaħħaħ u jkattar ir-relazzjonijiet mal-Ukraina u jsaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat, bil-għan li jħeġġeġ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu jeħtieġu titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dekriminalizzazzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi f’kodiċi penali riformat, l-istat ta’ dritt, demokrazija profonda, bit-tmiem tal-oppressjoni tal-oppożizzjoni politika u b’elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti;

2.  Itenni mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar il-proċedimenti ġudizzjarji kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali li ma sarux f’konformità mal-istandards Ewropej ta’ korrettezza, imparzjalità, trasparenza u indipendenza; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inkluż il-mexxej tal-oppożizzjoni;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jiddistingwu bejn ir-responsabbiltà politika u kriminali u għaldaqstant ibiddlu l-kodiċi penali kriminali eżistenti kif xieraq; jenfasizza li l-ġlieda demokratika għad-deċiżjonijiet politiċi għandha sseħħ fil-parlament u bil-parteċipazzjoni tal-votanti f’elezzjonijiet ħielsa, u ma għandhiex tinqered minn atti b’motivazzjoni personali jew politika ta' prosekuzzjoni kriminali u sentenzi manipulati fil-qrati kriminali;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jiggarantixxu imparzjalità u trasparenza tal-proċess ta’ kassazzjoni tal-każ tas-Sa Tymoshenko li għandu jkun konformi ma' standards u prattiki korretti, ġusti u legali komuni fl-Ewropa u jirrikjedi t-tmiem tal-użu ta’ ġustizzja selettiva diretta lejn l-avversarji politiċi u oħrajn; jiddeplora l-fatt li l-Qorti Għolja Speċjalizzata tal-Ukraina dwar il-Kawżi Kriminali u Ċivili pposponiet is-sentenza tagħha dwar l-appell ta’ kassazzjoni fil-kawża tas-Sa Tymoshenko, kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pechersk f’Kyiv;

5.  Iħeġġeġ l-awtoritajiet Ukraini jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt tal-priġunieri kollha, inklużi s-Sa Tymoshenko, is-Sur Lutsenko u s-Sur Ivashchenko, għal għajnuna medika adegwata f’istituzzjoni xierqa u d-dritt għal aċċess għall-avukati tagħhom mingħajr restrizzjonijiet u d-dritt li jirċievu żjarat minn qraba u persuni oħra bħall-ambaxxatur tal-UE; jenfasizza l-bżonn għall-Ukraina li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet legali u umani tal-akkużati u d-detenuti, inkluża l-kura medika tagħhom; f’konformità mal-istandards internazzjonali; Jikkundanna l-użu tal-forza mill-gwardjani tal-ħabs fuq Yulia Tymoshenko u jfakkar l-obbligu tal-Ukraina li teżemina immedjatment u b'mod imparzjali kull ilment marbut ma' tortura jew forom oħra ta' trattament krudili. inuman jew degradanti;

6.  Jilqa’ l-fatt li s-Sa Tymoshenko ġiet trasferita mill-ħabs ta’ Kachanivska għall-isptar fuq deċiżjoni tagħha u jieħu nota taż-żjara riċenti minn esperti mediċi internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

7.  Jinsisti li l-proċedimenti ġudizzjarji kollha kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali jseħħu f’konformità mal-istandards Ewropej ta’ korrettezza, imparzjalità, trasparenza u indipendenza;

8.  Jenfasizza l-importanza fundamentali ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti fl-Ukraina, li jinkludu d-drittijiet tal-mexxejja tal-oppożizzjoni li jipparteċipaw fihom aktar tard din is-sena, u l-bżonn li jinżamm impenn qawwi favur il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt anki fil-perjodu bejn l-elezzjonijiet, u li jipparteċipa bħala Parlament Ewropew f’missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali biex josserva l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Ukraini fil-bżonn ta’ riformi komprensivi li għandhom ikunu implimentati kif xieraq sabiex iwittu t-triq għall-Ukraina biex ikun hemm konverġenza man-normi u l-istandards Ewropej; jenfasizza li t-tqarrib tal-Ukraina lejn l-UE għandu jinbena fuq l-impenn tagħha favur il-valuri u l-libertajiet tal-UE; jenfasizza li wieħed mill-punti funadmentali ta' dawn l-istandards irid ikun ġudikatura indipendenti;

10. Jiddeplora l-aġġornamenti ripetuti mill-awtoritajiet Ukraini (l-Uffiċċju tal-President, il-Ministeri tas-Saħħa, tal-Ġustizzja), li jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-każ Tymoshenko b'mod preġudikat u alterat u li dan għandu jkun inaċċettabbli għall-awtoritajiet uffiċjali imparzjali u professjonali;

11. Waqt li jesprimi appoġġ għas-suċċess tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol 2012 fil-Polonja u l-Ukraina, jistieden lill-politiċi Ewropej, li jattendu għal-logħbiet tal-Euro 2012 fl-Ukraina (fil-kapaċità personali tagħhom), li jagħmlu pubbliku l-għarfien tagħhom dwar is-sitwazzjoni politika u jfittxu l-opportunità li jżuru l-priġunieri politiċi li jinsabu l-ħabs, jew jattendu fil-kapaċità personali tagħhom u mhux bħala VIPs;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

 

(1)

ĠU L 49, 19.2.1998, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Mejju 2012Avviż legali