Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0296/2012

Testi mressqa :

B7-0296/2012

Dibattiti :

OJ 12/06/2012 - 115

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 121kWORD 55k
6.6.2012
PE489.326v01-00
 
B7-0296/2012

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2672(RSP))


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki f’isem il-Grupp ECR

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2672(RSP))  
B7‑0296/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-Iżrael u l-Palestina,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tat-8 ta’ Diċembru 2009, tat-13 ta’ Diċembru 2010 u tat-18 ta’ Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 181 (1947) u 194 (1948), u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967), 338 (1973), 1397 (2002), 1515 (2003), u 1850 (2008),

–   wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar l-Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma” (il-Ftehimiet ta’ Oslo), 1993,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, u b’mod partikolari dik tat-23 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi 27 Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-UE ppubblikaw rapport li jiddenunċja l-politiki ta’ Iżrael fix-Xatt tal-Punent u li jasserixxi li l-politiki ta’ Iżrael jirrappreżentaw theddida għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati,

B.  billi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iżrael jirrifjuta l-asserzjonijiet magħmula fid-dokument tal-UE u kkritika dan id-dokument, filwaqt li stqarr li dan ma jgħinx biex imexxi ‘l quddiem il-proċess tal-paċi;

C.  billi d-dokument tal-UE jiċċita żieda fl-atti ta’ vjolenza minn kolonizzaturi Iżraeljani kontra l-Palestinjani, kif ukoll aċċelerazzjoni qawwija ta’ bini ta’ insedjamenti wara tmiem l-2010;

D. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali u l-Partijiet Kontraenti Għoljin tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra lkoll isostnu li l-istabbiliment ta’ insedjamenti Iżraeljani fit-territorji okkupati mill-Iżrael huwa illegali skont id-dritt internazzjonali;

E.  billi ġie rrapurtat li l-għadd ta’ attakki minn kolonizzaturi Iżraeljani li wasslu għal ferimenti u mwiet ta’ Palestinjani u għal ħsarat tal-proprjetà żdiedu b’aktar minn 31 % fl-2011;

F.  billi l-inċidenti vjolenti qed jiżdiedu fix-Xatt tal-Punent; fl-2011, Palestinjani qatlu tmien kolonizzaturi Iżraeljani u ferew 37 kolonizzatur;

G. billi l-UE darba wara l-oħra kkonfermat is-sostenn tagħha għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu flimkien fil-paċi u s-sigurtà, u appellat biex jerġgħu jissuktaw taħditiet diretti tal-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani;

1.  Isostni li soluzzjoni ta’ żewġ stati għadha l-eżitu ottimu u preferut għall-paċi u l-istabbiltà tar-reġjun fit-tul; jinnota bi tħassib id-diffikultà politika u amministrattiva li dak jkun jaqsam Ġersualemm bħala belt kapitali sew tal-Iżrael kif ukoll ta’ stat Palestinjan tal-ġejjieni;

2.  Jirrikonoxxi d-dritt tal-Awtorità Palestinjana li tiggverna u tikkontrolla x-Xatt tal-Punent, kif jirrikonoxxi wkoll id-dritt tal-awtoritajiet Iżraeljani li jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi ta’ sigurta u sikurezza ta’ Iżrael;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jinfurzaw l-istat tad-dritt b’reazzjoni għall-istabbiliment ta’ insedjamenti Iżraeljani fit-territorji okkupati minn Iżrael, u biex jottemperaw ruħhom mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali;

4.  Itenni s-simpatija tiegħu mal-Iżraeljani u l-Palestinjani li huma ffrustrati mis-sitwazzjoni ta’ tensjoni politika li jissaportuha jum wara l-ieħor, u jirrikonoxi li, fil-parti l-kbira, il-maġġoranza taċ-ċittadini Iżraeljani u Palestinjani jixtiequ sempliċement jgħixu ħajjithom ta’ kuljum fil-paċi u s-sigurtà;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ġunju 2012Avviż legali