Proċedura : 2012/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0373/2012

Testi mressqa :

B7-0373/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 159kWORD 92k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0373/2012
27.6.2012
PE491.988v01-00
 
B7-0373/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))


Margrete Auken, Nicole Kiil-Nielsen, Hélène Flautre, Ana Miranda, Keith Taylor, Jill Evans, Judith Sargentini, Daniel Cohn-Bendit, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))  
B7‑0373/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, il-Palestina u l-Iżrael fir-rigward, b'mod partikolari, ta' dawk tad-29 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina(1) u tal-10 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'kunsiderazzjoni speċjali tal-inħawi tan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/HR Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, ir-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE "Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011, u r-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' April 2011 u n-nota mehmuża tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar il-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri tal-UE għal Rafah,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar il-każ ta' Bassem Tamimi tat-22 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003), u 1850 (2008),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-11 ta' April 2012 u tat-23 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew ikkonferma b’mod ripetut l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati fejn l-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, billi m’għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta’ qabel l-1967, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief il-bdil li diġà sar qbil dwaru bejn il-partijiet;

B.  billi waqfu t-taħditiet tal-paċi diretti bejn il-partijiet u fallew l-isforzi reċenti kollha biex jerġgħu jibdew in-negozjati; billi soluzzjoni kredibbli, fit-tul u komprensiva teħtieġ l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-liġijiet umanitarji, inkluża r-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra rigward il-protezzjoni taċ-ċivili;

C. billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 enfasizzaw il-bżonn urġenti li jerġa' jibda l-proċess tal-paċi tal-Lvant Nofsani fir-rigward ukoll tat-tibdiliet li għaddejjin fil-pajjiżi tan-Nofsinhar wara r-Rebbiegħa Għarbija sabiex ikun hemm tweġiba għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu kollu tar-reġjun;

D. billi r-rapporti reċenti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Iż-Żona C u l-Kostruzzjoni ta' Stat Palestinjan", dwar Ġerusalemm tal-Lvant, u dwar il-Vjolenza mill-Kolonizzaturi, li t-tnejn li huma ħarġu fl-istampa, ikkonfermaw għal darba oħra żviluppi allarmanti u potenzjalment irreversibbli fuq il-post fiż-żoni kkonċernati, li jfixklu bil-kbir il-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati;

E.  billi skont il-liġi internazzjonali x-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant flimkien mal-Istrixxa ta' Gaża, huwa territorju okkupat fejn japplikaw għal kollox id-Dritt Umanitarju internazzjonali inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra; billi l-Iżrael bħala setgħa ta' okkupazzjoni huwa obbligat, fost l-oħrajn, jiżgura b'intenzjonijiet tajbin li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata, jamministra l-okkupazzjoni tiegħu b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, jipproteġi u jippreserva l-oġġetti ċivili, u jevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tiegħu stess fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tiegħu stess;

F.  billi ż-Żona C fix-Xatt tal-Punent, li skont il-Ftehim ta' Oslo tal-1993 taqa' taħt il-kontroll ċivili u tas-sigurtà Iżraeljan, tikkostitwixxi 62% tat-territorju tax-Xatt tal-Punent u hija l-unika żona kontigwa bl-aktar artijiet fertili u sinjura f'sens ta' riżorsi fix-Xatt tal-Punent; billi d-diviżjoni tax-Xatt tal-Punent f'Żoni A, B u C kienet intenzjonata bħala miżura temporanja; billi l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal-1995 iddikjara li ż-Żona C se tkun gradwalment trasferita taħt il-ġurisdizzjoni Palestinjana, li għadha ma seħħitx;

G. billi l-preżenza Palestinjana fiż-Żona C ġiet imfixkla mill-politiki tal-gvern Iżraeljan; billi, bħala riżultat ta' dawk il-politiki, 5.8% biss tal-popolazzjoni Palestinjana tax-Xatt tal-Punent qed tgħix fiż-Żona C, filwaqt li n-numru ta' kolonizzaturi Iżraeljani, stmat għal 310,000, huwa aktar mid-doppju tan-numru stmat tal-Popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C;

H. billi skont ir-rapporti tal-UNRWA, 70% taż-Żona C mhijiex aċċessibbli għall-kostruzzjoni Palestinjana u 29% hija definittivament inaċċessibbli; billi fl-2011 90% tat-twaqqigħ kollu tad-djar u 92% taċ-ċaqliq kollu seħħew fiż-Żona C; billi għalhekk il-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiż-Żona C hija waħda ta' importanza assoluta għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati;

I.   billi l-Iżrael, fil-"Liġi Bażika: Ġerusalemm, il-Kapitali tal-Iżrael" tiegħu tal-1980, iddikjara lil Ġerusalemm bħala l-kapitali kompluta u magħquda tal-Iżrael; billi r-Riżoluzzjoni 478 (1980) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiddetermina li l-miżuri u l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kollha meħuda mill-Iżrael, bħala setgħa ta' okkupazzjoni, li kienu bidlu jew kienu bi ħsiebhom ibiddlu l-karattru u l-istatus ta' Ġerusalemm, u b'mod partikolari l-Liġi Bażika, kienu nulli u bla effett u jridu minn issa 'l quddiem jiġu rrevokati;

J.   billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant, kif ġie enfasizzat fir-rapport tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE, jagħmlu fil-prattika il-prospettiva ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura taż-żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli;

K. billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, li jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li tista' tiġi trasferita biss fuq it-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet u mhijiex awtomatikament trasferita permezz ta' żwieġ, li jxekklu lill-miżżewġin u t-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant milli jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi minn naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħix ġewwa u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

L.  billi s-sena 2011 esperjenzat l-akbar espansjoni ta' insedjamenti fiż-żona ta' Ġerusalemm sa mill-1967; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi tal-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-gvern Iżraeljan b'inċentivi kbar fl-oqsma tat-tassazzjoni, djar, infrastruttura, toroq, aċċess għall-ilma, edukazzjoni, kura tas-saħħa eċċ.;

M. billi l-vjolenza, il-fastidju u t-tiċħid tal-propjetà privata minn naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani u l-attivisti tal-NGOs internazzjonali li jappoġġjaw id-drittijiet tagħhom irriżultat f'inċidenti serji u korrimenti fatali; billi, fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kontroll effettiv tal-UE, il-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jkomplu jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali;

N. billi fl-20 ta' Mejju 2012 Bassem Tamimi, difensur tad-drittijiet tal-bniedem li kien imdaħħal f'inizjattivi mhux vjolenti kontra l-espansjoni ta' insedjament Iżraeljan fuq art Palestinjana, ġie kkundannat mill-qorti militari Iżraeljana bl-akkuża li ħa sehem f'dimostrazzjonijiet illegali u li stieden lil dawk li kienu qed jipprotestaw biex jitfgħu l-ġebel;

O. billi l-ħajt ta' separazzjoni mibni mill-Iżrael, li ma jsegwix il-Linja l-Ħadra, jaqta' parti kbira mit-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tal-2004 ddikjarat li "Il-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael, is-setgħa ta' okkupazzjoni, fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż ġewwa u madwar Ġerusalemm tal-Lvant, u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali";

P.  billi aktar minn 4000 ħabsi Palestinjan, inkluż 27 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, madwar 240 tifel u tifla u aktar minn 300 detenut amministrattiv Palestinjan huma attwalment miżmuma f'ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani; billi sa mill-2000, madwar 7000 tifel u tifla Palestinjan tħarrku fil-qrati militari Iżraeljani wara li ġew arrestati, interrogati u miżmuma mill-armata, il-pulizija jew l-aġenti tas-sigurtà Iżraeljani u huma suġġetti għal trattament mhux uman u degradanti; billi l-maġġoranza ta' dawn it-tfal huma akkużati li tefgħu l-ġebel;

Q. billi l-awtoritajiet Iżraeljani jużaw id-detenzjoni amministrattiva biex jirrestrinġu l-attiviżmu politiku Palestinjan u japplikaw il-proċedura għal perjodu ta' żmien mhux limitat mingħajr ma tingħata informazzjoni dwar l-akużi; billi ħafna Palestinjani miżmuma f'detenzjoni amministrattiva qegħdin fuq strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra l-użu minn naħa tal-Iżrael tad-detenzjoni amministrattiva mingħajr akkużi;

R.  billi n-nuqqas tal-ilma huwa kwistjoni kruċjali u vitali għall-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-kolonizzaturi Iżraeljani; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur,

S.  billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-Bedwini Għarab, mhedda minn politiki Iżraeljani li jfixklu l-mod kif jgħixu u jinkludu t-trasferiment sfurzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan okkupat kif ukoll fin-Negev (Naqab); billi skont l-UNRWA, minkejja r-riċeviment tal-għajnuna umanitarja, 55% tal-Bedwini/komunitajiet bil-merħliet fiż-Żona C huma neqsin mis-sigurtà tal-ikel;

T.  billi skont ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar iċ-Ċaqliq li ġie ppubblikat fl-14 ta' Mejju 2012 u l-Monitoraġġ Umanitarju ta' kull xahar tal-OCHA, aktar minn 60 struttura, inklużi panils solari, tankijiet tal-ilma u bini agrikolu, iffinanzjati mill-Kummissjoni u numru ta' Stati Membri bħal Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, il-Polonja, l-Irlanda u Spanja ġġarrfu mill-forzi Iżraeljani sa minn Jannar 2011;

U. billi f'ħafna okkażjonijiet l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fakkru l-impenn fundamentali tagħhom għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bis-saħħa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu għall-prevenzjoni effettiva tal-armi li jiddaħħlu bħala kuntrabandu f'Gaża;

V. billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja ġewwa fiha għadhom għaddejjin sa minn Ġunju 2007 minkejja t-talbiet numerużi magħmula mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ immedjat, sostnut u bla kundizzjonijiet tal-postijiet għall-fluss tal-għajnuna umanitarja, il-prodotti kummerċjali u l-persuni ġewwa u 'l barra minn Gaża; billi l-għeluq u l-iżolament tal-istrixxa wasslet għall-ħakma riġida tal-istituzzjonijiet awtonomi ta' Gaża mill-Ħamas; billi matul l-aħħar jiem, mal-fruntiera Iżrael-Gaża, il-waqfien mill-ġlied informali li twaqqaf aktar minn sena ilu tkisser mill-attakki tal-ajru tal-forzi Iżraeljani u r-rokits li kienu sparati mill-fergħa armata tal-Ħamas fl-Iżrael t'Isfel;

1.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li ma hemmx alternattiva għal soluzzjoni nnegozjata taż-żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jenfasizza għal darba oħra li l-ebda bidla unilaterali fuq il-post mhu se tkun rikonoxxuta mill-UE;

2.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi tal-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012 u jiddeplora, f'dan ir-rigward, ir-rispons negattiv tal-Ministeru Iżraeljan tal-Affarijiet Barranin għal dawn il-konklużjonijiet;

3.  Jilqa' b'mod partikolari l-pożizzjoni mtennija tal-Kunsill rigward l-applikabilità tad-dritt umanitarju internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat u jistieden f'dan ir-rigward lill-HR/VP biex tiżgura li l-obbligi tal-Iżrael skont il-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-liġijiet umanitarji bħala Setgħa ta' Okkupazzjoni jkunu integrati fl-istrumenti kollha tal-PEV, inkluż fl-Istrateġija tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pajjiż, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u r-rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

4.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżviluppi fuq il-post taż-Żona C fix-Xatt tal-Punent u f'Ġersualemm tal-Lvant, kif imsemmija fir-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011 u dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, li x-xejriet tagħhom ifixklu l-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati; jistieden lill-partijiet kollha biex jevitaw kwalunkwe pass unilaterali fuq il-post li jista' jfixkel il-prospettiva ta' ftehim negozjat sabiex jinħoloq ambjent favorevoli għal tali tkomplija, b'attenzjoni speċjali fuq l-attivitajiet tal-insedjamenti Iżraeljani;

5.  Jitlob f'dan ir-rigward li jieqfu b'mod immedjat, komplet u permanenti l-attivitajiet Iżraeljani kollha tal-bini u l-espansjoni ta' insedjamenti, li jikkostitwixxu theddida kbira għall-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati u jirrappreżentaw ostaklu kbir għat-tkomplija tat-taħditiet tal-paċi diretti, kif ukoll biex jiżżarmaw il-postijiet ta' kontroll kollha li nbnew minn Marzu 2001;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju minn naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani u jistieden lill-gvern u l-awtoritajiet Iżraeljani biex itemmu s-sitwazzjoni attwali ta' nuqqas ta' infurzar tal-liġi u l-impunità billi jibdew proċedimenti kontra min wettaq dawn l-atti u jqisuhom responsabbli; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi ta' tali atti u joffri s-simpatija tiegħu lejn il-militanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem li qed ibatu biex jiddefendu d-drittijiet tal-Palestinjani b'mod paċifiku u mhux vjolenti;

7.  Jitlob għar-rispett sħiħ u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE meta jiġu implimentati l-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael, inkluż permezz tal-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' mekkaniżmu ta' kontroll adegwat u effikaċi tal-UE sabiex ikun evitat li l-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali; itenni l-fatt li l-UE għandha tippermetti biss entitajiet Iżraeljani b'kwartieri ġenerali, fergħat, sussidjarji rreġistrati u stabbiliti fl-Iżrael innifsu u li jagħmlu attivitajiet fl-istess territorju, li jipparteċipaw u joffru benefiċċji mill-istrumenti ta' kooperazzjoni UE-Iżrael eżistenti u futuri;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet Iżraeljani dwar l-obbligi tagħhom bħala setgħa ta' okkupazzjoni u b'mod partikolari biex jieqfu immedjatament id-demolizzjonijiet tad-djar, l-evizzjonijiet, u l-ispostament sfurzat tal-Palestinjani, jiġu ffaċilitati l-attivitajiet Palestinjani ta' ppjanar u bini kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-iżvilupp Palestinjani u jitħarsu d-drittijiet tar-residenti Palestinjani għall-artijiet u l-propjetà; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Iżrael biex jirtira b'mod immedjat id-deċiżjoni tiegħu li jkisser id-djar u l-istrutturi f'Sousiyya ħdejn Ħebron li taffettwa 160 Palestinjan inkluż 60 tifel u tifla;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jagħmlu kull sforz sabiex itejbu l-aċċess tal-Palestinjani għal postijiet ta' biedja u mergħat u biex jiżguraw distribuzzjoni u tqassim ġusti tar-riżorsi tal-ilma li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-popolazzjoni Palestinjana;

10. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fl-14 ta' Mejju 2012 li ppermetta t-tmiem tal-istrajk tal-ġuħ tal-ħabsin Palestinjani u jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tiegħu; jikkundanna l-prattika tad-detenzjoni amministrattiva u jistieden lill-gvern Iżraeljan biex itemm din il-politika; jitlob għar-rilaxx tat-tfal Palestinjani, il-ħabsin politiċi u l-persuni amministrattivi miżmuma, inkluż Hassan Safadi li skont il-ftehim suppost ġie rilaxxat; itenni t-talba tiegħu għar-rilaxx tal-membri fil-ħabs tal-PLC, inkluż Marwan Barghouti;

11. Jitlob il-protezzjoni tal-popolazzjoni ta' Bedwini Għarab li jgħixu fit-Territorju Palestinjan okkupat u fin-Negev (Naqab); jitlob li jieqfu minnufih kull spostament sfurzat, evizzjoni jew demolizzjoni kontra din il-popolazzjoni u li jittejbbu l-kundizzjonijiet ta' għixien tagħhom billi jingħataw servizzi adegwati fuq l-artijiet tal-antenati tagħhom;

12. Jitlob għat-tkomplija tat-taħditiet tal-paċi diretti u jenfasizza li parteċipazzjoni ġenwina, sostanzjali u ffukata fuq ir-riżultati taż-żewġ naħat jista' jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun sħiħ u tikkontribwixxi għal proċess ta' tranżizzjoni paċifika fil-pajjiż kollu kkonċernat;

13. Jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-politika ta' reżistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini ta' Stat Palestinjan bl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bħala elementi importanti ta' dan il-proċess;

14. Itenni l-impenn b'saħħtu tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael u jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża;

15. Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jiftħu inkjesta uffiċjali sabiex jivverifikaw fuq il-post l-allegazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-qerda u l-ħsarat għal strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-Territorji Okkupati mill-forzi Iżraeljani u jistieden lill-Kunsill biex tqis lill-Iżrael finanzjarjament responsabbli għal tali atti;

16. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu l-isforzi kollha ħalli jappoġġjaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet Palestinjani u lil proġetti ta' żvilupp fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ;

17. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-ġlidiet reċenti mal-fruntiera Iżrael-Gaża li kkawżaw il-mewt ta' 18-il Palestinjan inkluż 4 itfal u darbu bosta tużżani miż-żewġ naħat; jistieden il-partijiet kollha biex jieqfu immedjatament mill-operazzjonijiet militari u l-atti ta' retaljazzjoni kollha u biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, b'mod partikolari lejn iċ-ċivili; itenni t-talba tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u biex jittieħdu passi li jippemettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iż-żona; jitlob ukoll, billi jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-sigurtà leġittima tal-Iżrael, għal mekkaniżmu ta' kontroll effettiv li jevita l-kuntrabandu tal-armi fil-Gaża;

18. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri Ewropea għal Punt tal-Qsim ta' Rafah sat-30 ta' Ġunju 2013 u jippretendi li tissodisfa l-ħidmiet tagħha u jkollha rwol deċiżiv u effettiv fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kuljum tar-relazzjonijiet transkonfinali u l-bini tal-kunfidenza bejn l-Iżrael u l-awtorità Palestinjana;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2011)0429.

(2)

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 81.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2012Avviż legali