Proċedura : 2012/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0374/2012

Testi mressqa :

B7-0374/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 166kWORD 97k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0373/2012
27.6.2012
PE491.989v01-00
 
B7-0374/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))


Véronique De Keyser, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Ricardo Cortés Lastra, Emer Costello, Robert Goebbels, Ana Gomes, Richard Howitt, Wolfgang Kreissl-Dörfler, María Muñiz De Urquiza, Norbert Neuser, Raimon Obiols, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))  
B7‑0374/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina, tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, u tal-10 ta’ Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta’ Mejju 2012, tat-18 ta’ Lulju u tat-23 ta’ Mejju 2011 u tat-8 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar l-iżviluppi reċenti fil-Lvant Nofsani u fis-Sirja fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant tal-2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE, ‘Iz-Zona C u l-Bini ta' Stat Palestinjan’ ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 181 (1947) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003) u 1850 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-11 ta' April 2012 u tat-23 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 2004 dwar ‘Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat’,

–   wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Frar 2010, fil-Kawża C-386/08, Brita GmbH v Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

–   wara li kkunsidra l-pjan tal-bini tal-istat ta' sentejn "Tmiem tal-okkupazzjoni, stabbiliment ta' stat" tal-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad ta' Awwissu 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew b'mod ripetut fisser l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, talbet li jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani, u ddikjarat li ma jiġux rikonoxxuti bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet,

B.  billi jedd il-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 enfasizzaw li ‘l-bidliet kontinwi fid-dinja Għarbija jagħmlu aktar urġenti l-ħtieġa għal progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. Is-smigħ tal-aspirazzjonijiet tal-poplu fir-reġjun, inklużi dawk tal-Palestinjani għas-sovranità u dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà huma element kruċjali għal paċi dejjiema, stabbiltà u prosperità fir-reġjun’;

C. billi r-rapporti reċenti tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar ‘Iz-Zona u l-Bini ta' Stat Palestinjan’ u dwar Ġerusalemm tal-Lvant, li t-tnejn ġew mgħoddijin minn taħt lill-istampa, kixfu żviluppi li reġgħu huma allarmanti dwar x'inhu jiġri fiz-zoni kkonċernati, liema tendenzi jikkostitwixxu theddida sinifikattiva għall-fattibilità–tas-soluzzjoni taż-żewġ stati;

D. billi x-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant, flimkien mal-Istrixxa ta’ Gaża, huma territorji okkupati; billi d-Dritt Internazzjonali tal-Jeddijiet tal-Bniedem u Umanitarju, inkluża r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra, japplikaw fis-sħiħ għal dan it-territorju; billi Iżrael bħala l-potenza okkupatriċi hija obbligata li fost l-oħrajn tiżgura b’bona fidi li l-ħtiġiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata jiġu sodisfatti, li tamministra l-okkupazzjoni tagħha b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, li tipproteġi u tippreżerva l-oġġetti ċivili, u li tevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tagħha fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tagħha;

E.  billi l-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993 qassmu t-territorju tax-Xatt tal-Punent fi tliet zoni: iz-Zoni A, B u Ċ; billi z-Zona C li taqa' taħt il-kontroll ċivili u tas-sigurtà Iżraeljan, tikkostitwixxi 62% tat-territorju tax-Xatt tal-Punent u hija l-unika zona kontigwa bl-aktar artijiet fertili u għanja fir-riżorsi fix-Xatt tal-Punent; billi l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal-1995 iddikjara li z-Zona Ċ se tkun gradwalment trasferita taħt il-ġurisdizzjoni Palestinjana, u dan għadu ma seħħx;

F.  billi l-preżenza Palestinjana fiz-Zona Ċ ġiet imfixkla mill-politiki tal-gvern Iżraeljan; billi, bħala riżultat ta' dawk il-politiki, 5.8% biss tal-popolazzjoni Palestinjana tax-Xatt tal-Punent qed tgħix fiz-Zona C, filwaqt li n-numru ta' kolonizzaturi Iżraeljani, stmat li jlaħħaq mat-310,000, huwa aktar mid-doppju tan-numru stmat tal-popolazzjoni Palestinjana f’dawn l-inħawi; billi, għalhekk, il-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u ta’ jeddijietha fiz-Zona Ċ hija waħda ta' importanza assoluta għall-preservazzjoni tal-fattibilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati;

G. billi Iżrael, fil-pubblikazzjoni tagħha ‘Il-Liġi Bażika: Ġerusalemm: il-Kapital ta’ Iżrael’ tal-1980, iddikjarat li Ġerusalemm hija l-kapitali sħiħa u magħquda ta’ Iżrael; billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 478 (1980) iddetermina li l-miżuri u l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kollha meħudin minn Iżrael, bħala potenza okkupatriċi, li kienu bidlu jew kienu intiżi li jibdlu n-natura u l-istatus ta’ Ġerusalemm, u b’mod partikolari l-Liġi Bażika, kienu nulli u mingħajr effett u jridu jiġu rexissi minnufih; billi l-konklużjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2012 tennew li trid tinstab triq permezz tan-negozjati għar-riżoluzzjoni tal-istatus ta' Ġerusalemm bħala kapitali futura ta' żewġ stati;

H. billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant, kif ġie enfasizzat ukoll fir-rapport tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, jagħmlu l-prospett ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli, u jipperikolaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati; billi dejjem qed tiżdied is-separazzjoni bejn Ġerusalem tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent, bħalma qed tiżdied ukoll is-separazzjoni bejn il-Baċin Storiku f'Ġerusalem u l-bqija ta' Ġerusalem tal-Lvant;

I.   billi, filwaqt li l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm u jirrappreżentaw 36% tad-dħul fiskali tal-muniċipalità, 10% biss tal-baġit muniċipali jintnefaq f'Ġerusalemm tal-Lvant u l-għoti ta' servizzi huwa għalkollox inadegwat; billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Palestinjani, inkluża l-Orient House, ingħalqu mill-awtoritajiet Iżraeljani f'Ġerusalemm tal-Lvant, u dan ħoloq vojt istituzzjonali u ta' tmexxija fil-popolazzjoni Palestinjana lokali, li għadu preokkupazzjoni ewlenija;

J.   billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li jista' jiġi trasferit lit-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet biss u mhuwiex trasferit awtomatikament permezz ta' żwieġ, u dan ma jippermettix lill-miżżewġin u lit-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant li jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi min-naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħixu fi u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

K. billi l-preżenza Palestinjana fiz-Zona Ċ u f’Ġerusalemm tal-Lvant ġiet imfixkla mill-politiki tal-gvern Iżraeljan; billi element ewlieni ta' dawn il-politiki huwa l-bini u l-espansjoni ta' dawn l-insedjamenti; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-Gvern Iżraeljan b'inċentivi kbar fl-oqsma tat-tassazzjoni, id-djar, l-infrastruttura, it-toroq, l-aċċess għall-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, eċċ.; billi s-sena 2011 esperjenzat l-akbar espansjoni ta' insedjamenti fiz-zona ta' Ġerusalemm sa mill-1967; billi l-vjolenza u l-fastidju tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani kkawżaw inċidenti serji u korrimenti fatali;

L.  billi, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu effikaċi ta’ kontroll min-naħa tal-UE, il-prodotti tal-insedjament Iżraeljan jibqgħu jaslu fis-suq Ewropew skont trattament preferenzjali; billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kun ill dwar il-konklużjoni ta' Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tal-oriġini tas-16 ta' Frar 2012, fisser it-tħassib gravi tiegħu dwar il-prattiki mħaddmin minn ċerti kumpaniji fl-isfruttar tat-termini tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael bl-esportazzjoni tal-prodotti maħdumin fit-Territorju Palestinjan okkupat lejn is-suq Ewropew skont trattament preferenzjali, innota li s-soluzzjonijiet offerti mill-arranġament tekniku relevanti bejn l-UE u Iżrael ma kinux sodisfaċenti f’dan is-sens, billi mekkaniżmu sempliċi, effikaċi u affidabbli li jieħu post dan l-arranġament għandu jiġi miftiehem ma’ Iżrael, ħeġġeġ b’danakollu lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet doganali tagħhom japplikaw b'mod effikaċi l-arranġament tekniku eżistenti, u stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ġodda u taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew ħalli tinstab soluzzjoni għal dan l-abbuż tal-aċċess preferenzjali għas-suq intern tal-Unjoni;

M. billi l-ħajt tal-firda mibni minn Iżrael, li ma jimxix mal-Linja l-Ħadra, jaqta’ ’l barra partijiet kbar tat-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kemm f’Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar ‘Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat’ tal-2004 ddikjarat li ‘l-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael, is-Setgħa ta' okkupazzjoni, fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż fi u madwar Ġerusalemm tal-Lvant, u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali’;

N. billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti illegali u l-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, id-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet u l-ispostamenti, il-konfiska ta' art, l-aċċess diffiċli għall-ilma u għal riżorsi naturali oħra, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika, eċċ. għandhom effett negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, b'attenzjoni speċjali għaz-Zona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi s-sitwazzjoni ekonomika f'dawn iz-zoni, aggravata mir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-moviment u l-ippjanar, għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni;

O. billi l-Parlament Ewropew esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-iforzi tal-bini ta' stat tal-President Mahmoud Abbas u l-Prim Ministru Salam Fayyad u rrikonoxxa u laqa' s-suċċess tal-pjan ta' bini ta' stat ta' sentejn tal-Prim Ministru Fayyad; billi z-Zona C u Ġerusalemm tal-Lvant għandhom jibqgħu prijoritajiet fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani, ukoll bħala respons għas-sens ta' telqa li jħossu l-Palestinjani li jgħixu f’dawn l-inħawi;

P.  billi aktar minn 4500 priġunieri Palestinjan – inkluż 27 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, aktar minn 200 minuri taħt it-18-il sena, u aktar minn 300 priġunier amministrattiv – għadhom jinżammu fil-ħabsijiet u ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani; billi l-użu arbitrarju u eċċessib tad-detenzjoni amministrattiva tal-Palestinjani min-naħa ta’ Iżrael bħala potenza okkupatriċi jikser ir-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra;

Q. billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiz-Zona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant qed taffaċċja nuqqasijiet kbar ta' ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur;

R.  billi l-Għarab Bedwini huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-komunitajiet Għarab Bedwini, mheddin mill-politiki Iżraeljani li jimminawlhom l-għajxien tagħhom u jinkludu t-trasferiment forzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan okkupat kemm fin-Negev (Naqab);

S.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur lill-Awtorità Palestinjana; billi l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp mogħtija mill-komunità internazzjonali, u mill-UE u l-Istati Membri b’mod partikolari, ma teżonerax lil Iżrael bħala potenza okkupatriċi mill-obbligi tagħha skont id-Dritt Internazzjonali; billi aktar minn 60 proġett ffinanzjati mill-UE jew mill-Istati Membri tagħha kienu ddanneġġati jew distrutti mill-forzi Iżraeljani sa minn Jannar 2011 u aktar minn 100 proġett simili huma mhedda bid-demolizzjoni;

T.  billi l-Parlament Ewropew esprima ripetutament l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat ta' Iżrael; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 reġgħu tennew l-impenn fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bis-saħħa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bil-missili mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu li ssir prevenzjoni effettiva tal-armi li jiddaħħlu bħala kuntrabandu f'Gaża;

U. billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja li hemm qed jissoktaw minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ, immedjat, sostnut u inkundizzjonat tal-punti ta' qsim jew għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, u tenna li l-UE mhijiex ser tirrikonoxxi kwalunkwe bidla għall-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma bejn iż-żewġ partijiet;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżviluppi fuq il-post taz-Zona C fix-Xatt tal-Punent u f'Ġersualemm tal-Lvant, kif deskritti fir-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011 u dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, li x-xejriet tagħhom ifixklu l-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati; jistieden lill-partijiet kollha jevitaw kull pass unilaterali li jista’ jimmina fil-kamp fejn qed isseħħ l-azzjoni l-prospett ta' ftehima negozjata, b'rigward speċjali għall-attivitajiet Iżraeljani ta' insedjament; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ il-paragrafi 6 u 7 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 li jiffukaw fuq il-kwistjonijiet tal-insedjamenti, Ġerusalemm tal-Lvant u z-Zona C;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li huwa essenzjali biex il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

4.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant huma illegali skont il-liġi internazzjonali; jitlob li jitwaqqfu minnufih b'mod komplet u permanenti l-attivitajiet Iżraeljani kollha ta' bini u espansjoni ta' insedjamenti, li jikkostitwixxu theddida kbira għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jitlob ukoll li jiżżarmaw l-istakkamenti kollha li nbnew minn Marzu 2011;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju kontra ċ-ċivili Palestinjani u jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jressqu l-atturi ta' talli atti quddiem il-ġustizzja u jżommuhom responsabbli, billi n-nuqqas ta' responsabbiltà joħloq l-impunità;

6.  Jitlob li jkun hemm l-osservanza sħiħa tal-obbligi tal-UE skont id-Dritt Internazzjonali u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fl-implementazzjoni tal-ftehimiet bilaterali UE-Iżrael; jitlob, f’dan il-kuntest, li jkun hemm it-twaqqif min-naħa tal-Kummissjoni ta' mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE li jkun xieraq u effikaċi ħalli jkun evitat li l-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jaslu fis-suq Ewropew skont it-trattament Ewropew; jissottolinja li l-entitajiet Iżraeljani li għandhom il-kwartier ġenerali, il-fergħat jew is-sussidjarji tagħhom reġistrati fit-territorju okkupat minn Iżrael fl-1967, jew qed imexxu l-attivitajiet f'dak it-territorju, ma għandhomx jitħallew jipparteċipaw b'kooperazzjoni mal-UE;

7.  Jitlob lill-gvern u lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw l-obbligi tagħhom bħala potenza okkupatriċi b’mod partikolari billi

–   jieqfu minnufih mit-tiġrif tad-djar, l-evizzjonijiet, u l-ispostament forzat tal-Palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-ippjanar u l-attivitajiet ta’ bini Palestinjani kif ukoll l-implementazzjoni tal-proġetti ta’ żvilupp Palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-aċċess u l-moviment,

–   jiffaċilitaw l-aċċess tal-Palestinjani għall-imkejjen tal-biedja u l-mergħat;

–   jiżguraw distribuzzjoni ġust tal-ilma b’mod li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-popolazzjoni Palestinjani,

–   itejbu l-aċċess tal-popolazzjoni Palestinjani għal servizzi u assistenza soċjali adegwati, b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa pubblika, u

–   jiffaċilitaw l-operazzjonijiet umanitarji fiz-Zona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant;

8.  Jitlob li jerġgħu jinfetħu l-istituzzjonijiet Palestinjani f'Ġerusalemm tal-Lvant, partikolarment l-Orient House;

9.  Jitlob li jintemm l-użu arbitrarju u eċċessiv tad-detenzjoni amministrattiva mingħajr akkuża jew proċess formali kontra l-Palestinjani min-naħa tal-awtoritajiet Iżraeljani, li jkun hemm aċċess għal proċess ġudizzjarju ġust mid-detenuti Palestinjani kollha, u li jkun hemm ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi Palestinjani, b’rigward speċjali għall-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan inkluż Marwan Barghouti, u d-detenuti amminstrattivi; jitlob ukoll li jkun hemm ir-rilaxx immedjat ta’ Nabil Al-Raee, id-direttur artistiku ta’ The Freedom Theatre in Jenin Refugee Camp, li ġie arrestat fis-6 ta' Ġunju 2012 u ilu detenut minn dak iż-żmien;

10. Jitlob li tingħata protezzjoni lill-komunitajiet Għarab Bedwini li jgħixu fit-Territorju Palestinjan okkupat u fin-Negev (Naqab); jitlob li jintemmu minnufih l-ispostamenti, l-ispussess jew demolizzjoni kontra din il-popolazzjoni u li jkun hemm it-titjib tal-kondizzjonijiet tagħhom tal-għajxien billi jingħataw servizzi adegwati fuq l-artijiet anċestrali tagħhom; jitlob, f’dan il-kuntest, li jiġi rtirat il-Pjan Prawer min-naħa tal-gvern Iżraeljan;

11. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet Palestinjani jagħtu aktar attenzjoni liz-Zona C u lil Ġerusalemm tal-Lvant fil-pjani u proġġetti ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani bl-iskop li jtejbu s-sitwazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni Palestinjani f'dawn l-inħawi;

12. Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob mill-ġdid li jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti tal-paċi bejn iż-żewġ partijiet; jissokta jappoġġja, f’dan is-sens, il-politika tar-resistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jħeġġeġ ir-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini tal-istat Palestinjan b'elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bħala elementi importanti ta’ dan il-proċess;

13. Itenni l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza minn kull naħa li jattakka b’mod deliberat liċ-ċivili, inklużi l-attakki bir-rokits mill-Istrixxa ta' Gaża;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet Palestinjani u lil proġetti ta' żvilupp fiz-Zona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ; madankollu, jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jitlob ukoll li l-Iżrael jinżamm finanzjarjament responsabbli għad-demolizzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat;

15. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livelli kollha fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana; jisħaq li l-impenn ta’ Iżrael f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem u umanitarju versu l-popolazzjoni Palestinjana okkupata jitqies fis-sħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż, inkluż fil-laqgħa li ġejja tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni UE-Iżrael, u li l-indikaturi relattivi tal-prestazzjoni jiġu integrati fl-istrumenti kollha ta' dan il-partenarjat;

16. Iħeġġeġ mill-ġdid lill-UE u lill-Istati Membri jkollhom rwol politiku aktar attiv, ukoll fi ħdan il-Kwartett, fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-Kwartett u jissokta fl-appoġġ tiegħu għar-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex toħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

17. Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u biex jittieħdu miżuri li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iz-Zona; jitlob ukoll, billi jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-sigurtà leġittima tal-Iżrael, għal mekkaniżmu ta' kontroll effettiv li jevita l-kuntrabandu tal-armi fil-Gaża;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2012Avviż legali