Proċedura : 2012/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0375/2012

Testi mressqa :

B7-0375/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0373/2012
27.6.2012
PE491.990v01-00
 
B7-0375/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))


Annemie Neyts-Uyttebroeck, Chris Davies, Marielle de Sarnez, Niccolò Rinaldi, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE fix-Xatt tal-Punent u f’Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))  
B7‑0375/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tad-29 ta' Settembru 2011(1) dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina u dik tal-10 ta' Settembru dwar is-sitwazzjoni fix-xmara Ġordan b'attenzjoni partikolari għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011, u tat-8 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar l-iżviluppi riċenti fil-Lvant Nofsani u fis-Sirja fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant tal-2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE "ż-Żona C u l-Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 181 (1947) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003), u 1850 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' April 2012 u tat-23 ta’ Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 2004 dwar "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat",

–   wara li kkunsidra l-pjan tal-bini tal-istat ta' sentejn "Tmiem tal-okkupazzjoni, stabbiliment ta' stat" tal-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad ta' Awwissu 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew b'mod ripetut ikkonferma l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, talab li jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina, u ddikjara li mhumiex se jiġu rikonoxxuti bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet,

B.  billi d-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri, billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 enfasizzaw li "l-bidliet kontinwi fid-dinja Għarbija jagħmlu aktar urġenti l-ħtieġa għal progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. Is-smigħ tal-aspirazzjonijiet tal-poplu fir-reġjun, inklużi dawk tal-Palestinjani għas-sovranità u dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà huma element kruċjali għal paċi dejjiema, stabbiltà u prosperità fir-reġjun";

C. billi r-rapporti riċenti tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE dwar "Iż-żona C u l-Bini ta' Stat Palestinjan" u dwar Ġerusalemm tal-Lvant, reġgħu żvelaw żviluppi allarmanti fuq il-post fiż-żoni kkonċernati, li x-xejriet tagħhom jirrappreżentaw theddida sinifikanti għall-vijabbilità u s-soluzzjoni ta' żewġ stati;

D. billi x-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant, flimkien mal-Istrixxa ta' Gaża, huma territorji okkupati; billi l-liġi umanitarja internazzjonali inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra hija applikabbli bis-sħiħ f'dawn it-territorji; billi l-Iżrael bħala setgħa ta' okkupazzjoni huwa obbligat, fost l-oħrajn, jiżgura b'intenzjonijiet tajbin li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata, jamministra l-okkupazzjoni tiegħu b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, jipproteġi u jippreserva l-oġġetti ċivili, u jevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tiegħu stess fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tiegħu stess;

E.  billi l-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993 qassmu t-territorju tax-Xatt tal-Punent fi tliet żoni: Iż-żoni A, B u C; billi ż-Żona C li taqa' taħt il-kontroll ċivili u tas-sigurtà Iżraeljan, tikkostitwixxi 62% tat-territorju tax-Xatt tal-Punent u hija l-unika żona kontigwa bl-aktar artijiet fertili u sinjura f'sens ta' riżorsi fix-Xatt tal-Punent; billi l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal-1995 iddikjara li ż-Żona C se tkun gradwalment trasferita taħt il-ġurisdizzjoni Palestinjana, li għadha ma seħħitx;

F.  billi l-preżenza Palestinjana fiż-Żona C ġiet imfixkla mill-politiki tal-gvern Iżraeljan; billi, bħala riżultat ta' dawk il-politiki, 5.8% biss tal-popolazzjoni Palestinjana tax-Xatt tal-Punent qed tgħix fiż-Żona C, filwaqt li n-numru ta' kolonizzaturi Iżraeljani, stmat għal 310,000, huwa aktar mid-doppju tan-numru stmat tal-Popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C; billi, għalhekk, il-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiż-Żona C hija waħda ta' importanza assoluta għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati;

G. billi l-Iżrael, fil-"Liġi Bażika" tiegħu: Ġerusalemm, Kapitali tal-Iżrael" tal-1980, iddikjara lil Ġerusalemm il-kapitali sħiħa u magħquda ta' Iżrael; billi r-Riżoluzzjoni 478 (1980) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeterminat li l-miżuri u l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kollha meħuda mill-Iżrael, bħala setgħa ta' okkupazzjoni, li kienu bidlu jew kienu bi ħsiebhom ibiddlu l-karattru u l-istatus ta' Ġerusalemm, u b'mod partikolari l-Liġi Bażika, kienu nulli u bla effett u jridu minn issa 'l quddiem jiġu rrevokati; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 tennew li jrid jinstab mod permezz ta' negozjati biex jiġi riżolt l-istatus ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati;

H. billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant, kif ġie enfasizzat ukoll fir-rapport tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, jagħmlu l-prospett ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli, u jipperikolaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati;; billi dejjem qed tiżdied is-separazzjoni bejn Ġerusalem tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent, bħalma qed tiżdied ukoll is-separazzjoni bejn il-Baċin Storiku f'Ġerusalem u l-bqija ta' Ġerusalem tal-Lvant;

I.   billi, filwaqt li l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm u jirrappreżentaw 36% tad-dħul fiskali tal-muniċipalità, 10% biss tal-baġit muniċipali jintnefaq f'Ġerusalemm tal-Lvant u l-għoti ta' servizzi huwa għalkollox inadegwat; billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Palestinjani, inkluża l-Orient House, ingħalqu mill-awtoritajiet Iżraeljani f'Ġerusalemm tal-Lvant, u dan ħoloq vojt istituzzjonali u ta' tmexxija fil-popolazzjoni Palestinjana lokali, li għadu preokkupazzjoni ewlenija;

J.   billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li jista' jiġi trasferit lit-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet biss u mhuwiex trasferit awtomatikament permezz ta' żwieġ, u dan ma jippermettix lill-miżżewġin u lit-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant li jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi min-naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħixu fi u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

K. billi l-preżenza Palestinjana fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant ġiet imfixkla mill-politiki tal-gvern Iżraeljan; billi element ewlieni ta' dawn il-politiki huwa l-bini u l-espansjoni ta' dawn l-insedjamenti; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu maġġuri għall-isforzi tal-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-gvern Iżraeljan b'inċentivi konsiderevoli fl-oqsma tat-tassazzjoni, bini, infrastruttura, toroq, aċċess għall-ilma, edukazzjoni, kura tas-saħħa eċċ; billi s-sena 2011 esperjenzat l-akbar espansjoni ta' insedjamenti fiż-żona ta' Ġerusalemm sa mill-1967; billi l-vjolenza u l-fastidju tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani kkawżaw inċidenti serji u korrimenti fatali. billi, fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kontroll tal-UE, il-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jkomplu jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali;

L.  billi l-ħajt ta' separazzjoni mibni mill-Iżrael, li ma jsegwix il-Linja l-Ħadra, jaqta' parti kbira mit-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tal-2004 ddikjarat li "l-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael, is-Setgħa ta' okkupazzjoni, fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż fi u madwar Ġerusalemm tal-Lvant, u r-reġim assoċjat tiegħu, tmur kontra l-liġi internazzjonali";

M. billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti illegali u l-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, id-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet u l-ispostamenti, il-konfiska ta' art, l-aċċess diffiċli għall-ilma u għal riżorsi naturali oħra, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika, eċċ. għandhom effett negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, b'attenzjoni speċjali għaż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi s-sitwazzjoni ekonomika f'dawn iż-żoni, aggravata mir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-moviment u l-ippjanar, għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni;

N. billi l-Parlament Ewropew esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-iforzi tal-bini ta' stat tal-President Mahmoud Abbas u l-Prim Ministru Salam Fayyad u rrikonoxxa u laqa' s-suċċess tal-pjan ta' bini ta' stat ta' sentejn tal-Prim Ministru Fayyad. billi, madankollu, iż-Żona C u Ġerusalemm tal-Lvant irċevew attenzjoni limitata fil-pjan ta' żviluppi nazzjonali Palestinjani, li ħoloq sens ta' negliġenza li nħass mill-Palestinjani li jgħixu f'dawn iż-żoni;

O. billi aktar minn 4,000 ħabsi Palestinjan, inkluż 27 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, u aktar minn 300 detenut amministrattiv Palestinjan huma attwalment miżmuma f'ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani;

P.  billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant qed taffaċċja nuqqasijiet kbar ta' ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-kolonizzaturi Iżraeljani; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur;

Q. billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-Bedwini Għarab, mhedda mill-politiki Iżraeljani li jfixklu l-mod kif jgħixu, inkluż it-trasferiment furzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli;

R.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur lill-Awtorità Palestinjana; billi l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp mogħtija mill-komunità internazzjonali, u l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod partikolari, ma teżentax lill-Iżrael, bħala setgħa ta' okkupazzjoni, mill-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali; billi aktar minn 60 proġett iffinanzjat mill-UE jew mill-Istati Membri tagħha kienu ddanneġġati jew meqruda mill-forzi Iżraeljana minn Jannar 2011 u aktar minn 100 proġett simili huma taħt theddida ta' demolizzjoni;

S.  billi l-Parlament Ewropew esprima ripetutament l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat ta' Iżrael; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 reġgħu tennew l-impenn fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-Iżrael, ikkundannaw bis-saħħa l-vjolenza li hija deliberatament immirata fuq iċ-ċivili, inklużi l-attakki bil-missili mill-Istrixxa ta' Gaża, u talbu li ssir prevenzjoni effettiva tal-armi li jiddaħħlu bħala kuntrabandu f'Gaża;

T.  billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja li hemm qed jissoktaw minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ, immedjat, sostnut u inkundizzjonat tal-punti ta' qsim jew għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, u tenna li l-UE mhijiex ser tirrikonoxxi kwalunkwe bidla għall-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk miftiehma bejn iż-żewġ partijiet;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżviluppi fuq il-post taż-Żona C fix-Xatt tal-Punent u f'Ġersualemm tal-Lvant, kif deskritti fir-rapporti tal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE dwar "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011 u dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012, li x-xejriet tagħhom ifixklu l-vijabilità tas-soluzzjoni taż-żewġ stati; jerġa' jitlob liż-żewġ partijiet jevitaw kwalunkwe pass bilaterali li jista' jfixkel il-prospetti ta' ftehim negozjat, b'attenzjoni speċjali għall-attivitajiet ta' insedjament Iżraeljani; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ il-paragrafi 6 u 7 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 li jiffukaw fuq il-kwistjonijiet tal-insedjamenti, Ġerusalemm tal-Lvant u ż-Żona C;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, li huwa essenzjali biex il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

4.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant huma illegali skont il-liġi internazzjonali; jitlob li jitwaqqfu minnufih b'mod komplet u permanenti l-attivitajiet Iżraeljani kollha ta' bini u espansjoni ta' insedjamenti, li jikkostitwixxu theddida kbira għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jitlob ukoll li jiżżarmaw l-istakkamenti kollha li nbnew minn Marzu 2011;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju kontra ċ-ċivili Palestinjani u jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jressqu l-atturi ta' talli atti quddiem il-ġustizzja u jżommuhom responsabbli, billi n-nuqqas ta' responsabbiltà joħloq l-impunità;

6.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael kif ukoll l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' mekkaniżmu ta' kontroll adegwat u effikaċi tal-UE sabiex ikun evitat li l-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali;

7.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala setgħa ta' okkupazzjoni b'mod partikolari billi:

–   jwaqffu minnufih id-demolizzjonijiet tad-djar, l-evizzjonijiet, u l-ispostament sfurzat tal-Palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' ppjanar u bini tal-Palestinjani kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-aċċess u l-moviment,

–   jiffaċilitaw l-aċċess tal-Palestinjani għal postijiet ta' biedja u mergħat,

–   jiżguraw distribuzzjoni ġusta ta' ilma li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Palestinjana,

–   itejbu l-aċċess tal-popolazzjoni Palestinjana għal servizzi soċjali u assistenza xierqa, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa pubblika, u

–   jiffaċilitaw l-operazzjonijiet umanitarji

fiż-Żona C u f'Ġerusalem tal-Lvant;

8.  Jitlob li jerġgħu jinfetħu l-istituzzjonijiet Palestinjani f'Ġerusalemm tal-Lvant, partikolarment l-Orient House;

9.  Jitlob li tieqaf il-prattika tad-detenzjoni amministrattiva ta' Palestinjani mill-awtoritajiet Iżraeljani kif ukoll il-ħelsien immedjat ta' priġunieri politiċi Palestinjani u detenuti amministrattivi;

10. Jitlob li jiġu protetti l-komunitajiet Bedwini tax-Xatt tal-Punent, speċjalment dawk mhedda bi spostament sfurzat u d-demolizzjoni tad-dar, u li jiġu garantiti u rispetati d-drittijiet bażiċi u l-kundizzjonijiet ta' għixien diċenti bħal pereżempju abitazzjoni u aċċess għall-ilma; fl-istess ħin huwa mħasseb ferm sew dwar is-sitwazzjoni tal-komunitajiet Bedwini fin-Negev u għalhekk, jitlob li ċ-ċittadinanza Iżraeljana tal-Bedwini ta' Negev tiġi rispettata bis-sħiħ mill-awtoritajiet Iżraeljani u jikkundanna kwalunkwe ksur tagħha (jiġifieri limitazzjoni tas-servizzi pubbliċi u trasferimenti sfurzati);

11. Iħeġġeġ lill-gvern u l-awtoritajiet Palestinjani jagħtu aktar attenzjoni liż-Żona C u lil Ġerusalem tal-Lvant fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali Palestinjani bl-għan li jittejbu s-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' għixien tal-popolazzjoni Palestinjana f'dawn iż-żoni;

12. Jerġa' jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista' tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżrael u l-Palestina; jerġa' jitlob li jitkomplew id-diskussjonijiet ta' paċi diretti bejn iż-żewġ naħat; ikompli jappoġġa, f'dan il-kuntest, il-politika ta' reżistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jkompli jinkuraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini ta' Stat Palestinjan bl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari jkunu elementi importanti ta' dan il-proċess;

13. Itenni l-impenn qawwi tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; jikkundanna kull att ta' vjolenza li deliberament tattakka ċ-ċivili, inklużi attakki bil-missili mill-Istrixxa ta' Gaża;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet Palestinjani u lil proġetti ta' żvilupp fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ; madankollu, jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jitlob ukoll li l-Iżrael jinżamm finanzjarjament responsabbli għad-demolizzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat;

15. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livelli kollha fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Iżrael u l-Awtorità palestinjana; jenfasizza li l-impenn tal-Iżrael li jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-liġi umanitarja internazzjonali lejn il-popolazzjoni Palestinjana okkupata għandu jitqies bis-sħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż u li l-indikaturi ta' prestazzjoni relatati għandhom ikunu integrati fl-istrumenti kollha ta' din is-sħubija;

16. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkollhom rwol aktar attiv – anke fi ħdan il-Kwartett – fl-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jerġa' jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kwartett u jkompli jappoġġa r-Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha biex il-Kwartett joħloq perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

17. Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u biex jittieħdu miżuri li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iż-żona; jitlob ukoll, billi jirrikonoxxi l-bżonnijiet tas-sigurtà leġittima tal-Iżrael, għal mekkaniżmu ta' kontroll effettiv li jevita l-kuntrabandu tal-armi fil-Gaża;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2011)0429.

(2)

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 81.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2012Avviż legali