Proċedura : 2012/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0376/2012

Testi mressqa :

B7-0376/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 160kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0373/2012
27.6.2012
PE491.991v01-00
 
B7-0376/2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2694(RSP))


Kyriacos Triantaphyllides, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Nikolaos Chountis, Jacky Hénin, João Ferreira, Sabine Lösing f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2694(RSP))  
B7‑0376/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 181 (1947) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 252 (1968), 338 (1973), 476 (1980), 478 (1980), 1397 (2002), 1515 (2003) u 1850 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tad-9 ta' Lulju 2004,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tad-29 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina u dik tal-10 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'riferiment partikolari għall-inħawi t'isfel tax-Xmara Ġordan,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, tat-18 ta' Lulju u tat-23 ta' Mejju 2011, u tat-8 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-diskors dwar l-iżviluppi riċenti fil-Lvant Nofsani u fis-Sirja tal-VP/RGĦ Catherine Ashton fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ Catherine Ashton, b'mod partikolari dawk dwar l-espansjoni tal-insedjamenti tat-8 ta' Ġunju 2012, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani rigward l-istatus tal-insedjamenti ta' Sansana, Rechelim u Bruchin fit-territorju Palestinjan okkupat tal-25 ta' April 2012, u dwar l-approvazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani tat-22 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' bini ta' stat ta' sentejn "Tmiem tal-okkupazzjoni, stabbiliment ta' stat" tal-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad ta' Awwissu 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi x-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant, flimkien mal-Istrixxa ta' Gaża, huma territorji okkupati; billi l-liġi umanitarja internazzjonali inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra hija applikabbli bis-sħiħ għal dawn it-territorji; billi l-Iżrael bħala setgħa ta' okkupazzjoni huwa obbligat, fost l-oħrajn, jiżgura in buona fede li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata, jamministra l-okkupazzjoni tiegħu b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, jipproteġi u jippreserva l-oġġetti ċivili, u jevita t-trasferiment tal-popolazzjoni tiegħu stess fit-territorju okkupat kif ukoll tal-popolazzjoni tat-territorju okkupat fit-territorju tiegħu stess;

B.  billi d-dritt inaljenabbli tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni u li jkollhom l-istat tagħhom huwa inkontestabbli, daqs kemm huwa inkontestabbli d-dritt tal-Iżrael li jeżisti fi fruntieri sikuri; billi l-appoġġ tal-aspirazzjonijiet tal-poplu Palestinjan għas-sovranità u dawk kemm tal-Iżraeljani kif ukoll tal-Palestinjani għal żvilupp f'ambjent sikur, huwa element kruċjali għal paċi, stabbiltà u prosperità dejjiema fir-reġjun;

C. billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-Liġi Internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi; billi l-bini u l-espansjoni ta' insedjamenti ppjanati u mmexxija mill-Gvern Iżraeljan jikkostitwixxu theddida sinifikanti għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, kif iddikjarat ukoll fir-rapporti reċenti tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE dwar "Żona C u Bini ta' Stat Palestinjan" u dwar Ġerusalemm tal-Lvant, li t-tnejn ġew żvelati minn taħt lill-istampa;

D. billi l-espansjoni li għaddejja ta' insedjamenti illegali u l-vjolenza tal-kolonizzaturi, ir-restrizzjonijiet fuq l-ippjanar u n-nuqqas akut konsegwenti ta' djar, it-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet u l-ispostamenti, il-konfiska ta' art, l-aċċess diffiċli għall-ilma u għal riżorsi naturali oħra, in-nuqqas ta' servizzi soċjali bażiċi u ta' assistenza bażika, eċċ. għandhom effett negattiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, b'riferiment speċjali għaż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi s-sitwazzjoni ekonomika f'dawn iż-żoni, aggravata mir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-moviment u l-ippjanar, għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni;

E.  billi skont ir-rapport annwali tal-ILO 53.5% ta' nisa żgħażagħ u 32.3% ta' rġiel żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 15-il sena u 24 sena fix-Xatt tal-Punent huma qegħda, l-aktar minħabba kundizzjonijiet imposti mill-okkupazzjoni;

F.  billi l-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993 qassmu t-territorju tax-Xatt tal-Punent fi tliet żoni: Żoni A, B u C; billi ż-Żona C, taħt il-kontroll ċivili u tas-sigurtà Iżraeljan, tikkostitwixxi 62% tat-territorju tax-Xatt tal-Punent u hija l-unika żona kontigwa bl-aktar artijiet fertili u sinjura f'sens ta' riżorsi fix-Xatt tal-Punent; billi l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal-1995 iddikjara li ż-Żona C se tkun gradwalment trasferita taħt il-ġurisdizzjoni Palestinjana, iżda dan għadu ma seħħx;

G. billi l-preżenza Palestinjana fiż-Żona C ġiet imfixkla mill-politiki tal-Gvern Iżraeljan; billi, b'riżultat ta' dawn il-politiki, 5.8% biss tal-popolazzjoni Palestinjana tax-Xatt tal-Punent qed tgħix fiż-Żona C, filwaqt li n-numru ta' kolonizzaturi Iżraeljani, li huwa stmat li huwa ta' 310 000 ruħ, huwa aktar mid-doppju tan-numru stmat tal-popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C; billi, għalhekk, il-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiż-Żona C hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

H. billi l-Iżrael, fil-"Liġi Bażika" tiegħu: Ġerusalemm, Kapitali tal-Iżrael" tal-1980, kontra l-Liġi Internazzjonali ddikjara lil Ġerusalemm il-"kapitali sħiħa u magħquda tal-Iżrael"; billi r-Riżoluzzjoni 478 (1980) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeterminat li l-miżuri u l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kollha meħuda mill-Iżrael, bħala setgħa ta' okkupazzjoni, li kienu bidlu jew kienu bi ħsiebhom ibiddlu l-karattru u l-istatus ta' Ġerusalemm, u b'mod partikolari l-Liġi Bażika, kienu nulli u bla effett u jridu minn issa 'l quddiem jiġu rrevokati; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 tennew li jrid jinstab mod permezz ta' negozjati biex jiġi riżolt l-istatus ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati;

I.   billi l-iżviluppi attwali f'Ġerusalemm tal-Lvant, kif ġie enfasizzat ukoll fir-rapport tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, jagħmlu l-prospett ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta' żewġ stati inqas u inqas possibbli u funzjonabbli, u jipperikolaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati; billi Ġeruslaemm tal-Lvant qed tinqatgħa dejjem aktar mix-Xatt tal-Punent filwaqt li l-Baċin Storiku f'Ġerusalemm qed jinqata' dejjem aktar mill-bqija ta' Ġerusalemm tal-Lvant, u l-Palestinjani li jgħixu fil-viċinati bħal Silwan u Sheikh Jarrah qegħdin jaffaċċjaw it-theddida permanenti tal-evizzjoni u l-esproprjazzjoni;

J.   billi l-kontigwità tal-art qed tkompli tinqered serjament bil-kostruzzjoni ta' toroq għall-użu esklużiv tal-kolonizzaturi li jaqsmu aktar it-territorju Palestinjan u jċaħħdu lill-popolazzjoni okkupata mill-aċċess għall-art, l-ilma u riżorsi oħra u għall-komunitajiet ġirien tagħhom, u dan jaffettwa serjament il-ħajja ta' kuljum tagħhom;

K. billi, filwaqt li l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant jirrappreżentaw 37% tal-popolazzjoni ta' Ġerusalemm u jirrappreżentaw 36% tad-dħul fiskali tal-muniċipalità, 10% biss tal-baġit muniċipali jintnefaq f'Ġerusalemm tal-Lvant u l-għoti ta' servizzi huwa għalkollox inadegwat; billi l-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet Palestinjani, inkluża l-Orient House, ingħalqu mill-awtoritajiet Iżraeljani f'Ġerusalemm tal-Lvant, u dan ħoloq vojt istituzzjonali u ta' tmexxija fil-popolazzjoni Palestinjana lokali, li għadu preokkupazzjoni ewlenija; billi l-awtoritajiet Iżraeljani jwettqu politiki u tattiki bl-għan li jeliminaw il-preżenza Palestinjana f'Ġerusalemm, bħall-eżiljar ta' membri tal-PLC minn Ġerusalemm;

L.  billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant, għandhom l-istatus ta' residenti permanenti, li jista' jiġi trasferit lit-tfal taħt ċerti kundizzjonijiet biss u mhuwiex trasferit awtomatikament permezz ta' żwieġ, u dan ma jippermettix lill-miżżewġin u lit-tfal ta' ħafna residenti permanenti f'Ġerusalemm tal-Lvant li jgħixu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom; billi min-naħa l-oħra, madwar 200 000 kolonizzatur Iżraeljan qed jgħixu fi u madwar Ġeruslaemm tal-Lvant;

M. billi l-preżenza Palestinjana fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant ġiet imfixkla mill-politiki tal-Gvern Iżraeljan; billi element ewlieni ta' dawn il-politiki huwa l-bini u l-espansjoni ta' insedjamenti; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi filwaqt li huma ssussidjati mill-Gvern Iżraeljan b'inċentivi kbar fl-oqsma tat-tassazzjoni, id-djar, l-infrastruttura, it-toroq, l-aċċess għall-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, eċċ.; billi s-sena 2011 esperjenzat l-akbar espansjoni ta' insedjamenti fiż-żona ta' Ġerusalemm sa mill-1967; billi l-vjolenza u l-fastidju min-naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani, taħt il-protezzjoni militari Iżraeljana, wasslu għal inċidenti serji u nies li mietu minħabba l-feriti li ġarrbu; billi, fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kontroll effettiv tal-UE, il-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jkomplu jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali;

N. billi l-ħajt ta' separazzjoni mibni mill-Iżrael, li ma jsegwix il-Linja l-Ħadra, jaqta' parti konsiderevoli mit-territorju Palestinjan kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Ġerusalemm tal-Lvant u jissepara komunitajiet u familji, it-tfal mill-iskejjel tagħhom u l-adulti mill-attività ekonomika tagħhom; billi l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar "Konsegwenzi Legali tal-Kostruzzjoni ta' Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat" tal-2004 ddikjarat li "Il-kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena mill-Iżrael, is-setgħa ta' okkupazzjoni, fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż fi u madwar Ġerusalemm tal-Lvant, u r-reġim assoċjat tiegħu, imorru kontra l-liġi internazzjonali";

O. billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, li jiddikjara li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael se tkun imsejsa fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi li jiggwidaw il-politiki interni u esterni tagħhom, huwa element essenzjali tal-Ftehim;

P.  billi aktar minn 4 000 priġunier Palestinjan, fosthom nisa u tfal u wħud li ilhom detenuti għal aktar minn 20 sena, inklużi 27 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u aktar minn 300 detenut amministrattiv Palestinjan huma attwalment detenuti f'ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani;

Q. billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, b'mod partikolari fiż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant qed taffaċċja nuqqasijiet kbar ta' ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-kolonizzaturi Iżraeljani; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur;

R.  billi l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u l-kriżi umanitarja li hemm qed jissoktaw minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali għall-ftuħ, immedjat, sostnut u inkundizzjonat tal-punti ta' qsim jew għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, oġġetti kummerċjali u persuni lejn u minn Gaża, kif imtenni wkoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012;

S.  billi l-Bedwini Għarab huma poplu indiġenu li jgħixu ħajja sedentarja u tradizzjonalment agrikola fuq l-artijiet ta' missirijiethom u qed ifittxu rikonoxximent formali u permanenti tas-sitwazzjoni u l-istatus uniku tagħhom; billi l-Bedwini Għarab, mhedda minn politiki Iżraeljani li jfixklu l-mod kif jgħixu u jinkludu t-trasferiment sfurzat, huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli kemm fit-Territorju Palestinjan okkupat kif ukoll fin-Negev (Naqab); billi l-armata Iżraeljana ddeċidiet tibda toħroġ ordnijiet ta' demolizzjoni askapitu tal-komunità ta' Jahalin (2 300 ruħ, li 2/3 minnhom huma tfal) fil-blokk ta' insedjamenti ta' Ma'ale Adumim u dan x'aktarx li jwassal għall-qerda ta' aktar minn 90 fil-mija tad-djar u ta' strutturi oħra, inklużi żewġ skejjel f'Khan al-Ahmar u f'Wadi Abu Hindi, li jservu lil madwar 200 tifel u tifla ta' Jahalin, u għaldaqstant jinqatgħu effettivament mis-sistema tal-edukazzjoni; billi l-pjan Iżraeljan huwa li jiddelokalizza l-komunità f'żona 300 metru biss 'il bogħod mill-miżbla ħdejn il-belt Palestinjana ta' Abu Dis;

T.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur lill-Awtorità Palestinjana; billi l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp mogħtija mill-komunità internazzjonali, u l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod partikolari, ma teżentax lill-Iżrael, bħala setgħa ta' okkupazzjoni, mill-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali; billi aktar minn 60 proġett iffinanzjat mill-UE jew mill-Istati Membri tagħha kienu ddanneġġati jew meqruda mill-forzi Iżraeljana minn Jannar 2011 u aktar minn 100 proġett simili huma taħt theddida ta' demolizzjoni;

U. billi l-Parlament Ewropew ripetutament esprima l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati bl-Istat tal-Iżrael u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, talab li jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn il-partijiet, u ddikjara li mhumiex se jiġu rikonoxxuti bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta' Mejju 2012, filwaqt li jtenni li l-UE mhux se tirrikonoxxi bidliet tal-fruntieri ta' qabel l-1967, anke fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom bejn il-partijiet u jistieden lill-UE tirrikonoxxi minnufih Stat Palestinjan indipendenti;

2.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant huma illegali skont il-liġi internazzjonali; jitlob li jitwaqqfu minnufih, għalkollox u b'mod permanenti l-attivitajiet Iżraeljani kollha ta' bini u espansjoni ta' insedjamenti, li jbiddlu l-fatti fil-post u jbiddlu d-demografija u għalhekk jikkostitwixxu theddida kbira għall-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jitlob ukoll li jiżżarmaw l-outposts kollha li nbnew minn Marzu 2011; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ il-paragrafi 6 u 7 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 li jiffukaw fuq il-kwistjonijiet tal-insedjamenti, Ġerusalemm tal-Lvant u ż-Żona C; jitlob li dawn il-vjolazzjonijiet Iżraeljani jitqajmu fl-ogħla livell politiku, fosthom fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu l-popolazzjoni Palestinjana u d-drittijiet tagħha fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, b'rispett tal-Liġi Internazzjonali u l-Liġi Umanitarja Internazzjonali, li huwa essenzjali biex il-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' possibbli;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' estremiżmu, vjolenza u fastidju min-naħa tal-kolonizzaturi kontra ċ-ċivili Palestinjani u jisteiden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jirtirawhom, ma jibqgħux jipproteġuhom u jżommu responsabbli u jibdew proċedimenti kontra min wettaq dawn l-atti, billi n-nuqqas ta' responsabbiltà joħloq l-impunità;

5.  Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija immedjata, sostnuta u inkundizzjonata tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u biex jittieħdu miżuri li jippermettu r-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku ta' din iż-żona; jisħaq fuq l-urġenza li terġa' tiġi stabbilita r-rabta politika u ta' komunikazzjoni bejn l-Istrixxa ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent;

6.  Jappella għal iffriżar immedjat, komplet u permanenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael f'konformità mal-Artikolu 2; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li klawżola u mekkaniżmu ta' salvagwardja simili jiġu inklużi fir-regola ta' parteċipazzjoni ta' ORIZZONT 2020 (is-suċċessur tal-FP7); jesprimi l-oppożizzjoni totali tiegħu għall-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-programmi u l-proġetti militari tal-EDA; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-kummerċ tal-armi, (li tipprevedi li l-konformità ta' pajjiż importatur mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali għandha titqies qabel ma jingħataw liċenzji ta' esportazzjoni lejn dak il-pajjiż);

7.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Iżrael kif ukoll l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' mekkaniżmu ta' kontroll adegwat u effikaċi tal-UE sabiex ikun evitat li l-prodotti tal-insedjamenti Iżraeljani jiġu importati fis-suq Ewropew taħt reġim preferenzjali; jitlob lill-Istati Membri jinfurzaw it-tikkettar korrett u xieraq;

8.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-awtoritajiet Iżraeljani jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala setgħa ta' okkupazzjoni b'mod partikolari billi

–   iwaqffu minnufih it-twaqqigħ tad-djar, l-evizzjonijiet, ul-ispostament sfurzat tal-Palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' ppjanar u bini tal-Palestinjani kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp Palestinjani,

–   jiffaċilitaw l-aċċess u l-moviment,

–   iwaqqfu l-projbizzjoni tar-riunifikazzjonijiet tal-familji f'Ġerusalemm tal-Lvant;

–   jieqfu minnufih milli jikkonfiskaw art Palestinjana fiż-Żona C għall-insedjamenti u kostruzzjonijiet oħra,

–   jiffaċilitaw l-aċċess tal-Palestinjani għal postijiet ta' biedja u mergħat,

–   jiżguraw distribuzzjoni ġusta ta' ilma li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Palestinjana,

–   itejbu l-aċċess tal-popolazzjoni Palestinjana għal servizzi soċjali u assistenza xierqa, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni (biżżejjed skejjel) u s-saħħa pubblika, u

–   jiffaċilitaw l-operazzjonijiet umanitarji fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant;

9.  Jitlob li jerġgħu jinfetħu l-istituzzjonijiet Palestinjani f'Ġerusalemm tal-Lvant, partikolarment l-Orient House;

10. Jitlob li tieqaf il-prattika tad-detenzjoni amministrattiva ta' Palestinjani mill-awtoritajiet Iżraeljani kif ukoll il-ħelsien immedjat ta' priġunieri politiċi Palestinjani u detenuti amministrattivi;

11. Jitlob il-protezzjoni tal-popolazzjoni ta' Bedwini Għarab li jgħixu fit-Territorju Palestinjan okkupat u fin-Negev(Naqab); jitlob li jieqfu minnufih kull spostament sfurzat, evizzjoni jew twaqqigħ ta' djar askapitu ta' din il-popolazzjoni u li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għixien tagħhom billi jingħataw servizzi adegwati fuq l-artijiet tal-antenati tagħhom; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Gvern Iżraeljan jirtira l-Pjan Prawer;

12. Jisħaq għal darb'oħra fuq l-urġenza li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jistieden lill-Iżrael iwaqqaf minnufih l-attivitajiet tiegħu fir-rigward tal-insedjamenti sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew it-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn iż-żewġ partijiet;

13. Ikompli jappoġġa l-politika ta' reżistenza mhux vjolenti tal-President Abbas u jkompli jinkuraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u l-bini ta' Stat Palestinjan bl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari jkunu elementi importanti ta' dan il-proċess;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw u jagħtu assistenza lill-istituzzjonijiet parlamentari u lil proġetti ta' żvilupp fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bl-għan li l-popolazzjoni Palestinjana titħares u tissaħħaħ; jitlob ukoll li l-Iżrael jinżamm finanzjarjament responsabbli għad-demolizzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat; jenfasizza li għandha ssir pressjoni fuq l-Iżrael biex ma jibqax iżomm id-dħul doganali u fiskali li jappartjeni lill-Awtorità Palestinjana;

15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jeżiġu li l-awtoritajiet Palestinjani jimplimentaw fl-intier tagħha l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1990) għat-tfal Palestinjani kemm fl-Iżrael kif ukoll fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, b'enfasi speċjali fuq l-Artikolu 37 rigward il-pieni, l-arrest u d-detenzjoni tat-tfal;

16. Jistieden lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u lill-Membri kollha tal-Parlamenti Nazzjonali biex iqajmu mal-kollegi tagħhom tal-Knesset il-kwistjonijiet tal-vjolazzjonijiet Iżraeljani fit-Territorji Palestinjani okkupati;

17. Iħeġġeġ għal darb'oħra lill-UE u lill-Istati Membri jkollhom rwol politiku aktar attiv, fl-isforzi bl-għan li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2012Avviż legali