Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0377/2012

Testi mressqa :

B7-0377/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2012 - 13.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 128kWORD 74k
27.6.2012
PE491.992v01-00
 
B7-0377/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Elmar Brok, Mario Mauro, Ria Oomen-Ruijten, Mário David, Tokia Saïfi, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Michael Gahler, Roberta Angelilli, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Monica Luisa Macovei, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, György Schöpflin, Nadezhda Neynsky, Dominique Vlasto f’isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant (2012/2964(RSP))  
B7‑0377/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-11 ta’ April 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana (AP) tat-12 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu spalla ma’ spalla fil-paċi u fis-sigurtà;

B.  billi l-UE esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-iżviluppi fil-post, inklużi attakki rikorrenti bil-missili minn Gaża, il-kuntrabandu tal-armi f’Gaża, l-aċċelerazzjoni qawwija ta’ bini ta' insedjamenti, evizzjonijiet u twaqqigħ tad-djar għaddejjin f’Ġerusalemm tal-Lvant u l-kundizzjonijiet tal-għixien tal-popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent li qegħdin dejjem imorru għall-agħar;

C. billi l-UE stiednet lill-partijiet biex ifittxu azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati sinifikanti, jastjenu minn azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibilità tal-proċess u jipprevjenu t-tixwix;

D. billi wara l-Ftehimiet ta’ Oslo tal-1995, ix-Xatt tal-Punent ġie amministrattivament maqsum fi tliet żoni; billi ż-Żona C tikkostitwixxi l-akbar porzjon tat-territorju tax-Xatt tal-Punent; billi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku taż-Żona C huwa ta’ importanza fundamentali għall-vijabilità ta’ stat Palestinjan futur; billi l-UE ser tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja għall-iżvilupp Palestinjan fiż-Żona CĊ u tistenna li investiment simili jiġi protett għall-użu fil-futur;

E.  billi l-UE ttenni li permezz tan-negozjati għandu jinstab mod biex jiġi riżolt l-istatus ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta’ żewġ stati; billi sa dakinhar, l-UE tappella għall-forniment ekwu ta’ riżorsi u investiment għall-popolazzjoni tal-belt; billi l-UE tappella biex jerġgħu jinfetħu l-istituzzjonijiet Palestinjani f’Ġerusalemm f’konformità mal-Pjan Direzzjonali;

F.  billi l-Iżrael u l-AP ħarġu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja fit-12 ta’ Mejju 2012: ‘l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana huma impenjati biex jiksbu l-paċi u l-partijiet jittamaw li l-iskambju ta’ ittri bejn il-President Abbas u l-Prim Ministru Netanyahu se jkompli jressaqhom lejn dan l-għan’;

1.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani tal-14 ta’ Mejju 2012, li jinkludi l-konklużjonijiet dwar ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant, u d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-11 ta’ April 2012; jappoġġja t-talbiet għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet biex jiffaċilitaw l-iżvilupp soċjali u ekonomiku taż-Żona C; jenfasizza li għandu jinstab mod permezz ta’ negozjati biex jiġi riżolt l-istatus ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta’ żewġ stati;

2.  Jenfasizza li t-tmiem tal-konflitt huwa interess fundamentali tal-UE kif ukoll tal-partijiet infushom u r-reġjun b’mod ġenerali, u jista’ jinkiseb permezz ta’ ftehim ta’ paċi komprensiv, ibbażat fuq ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-prinċipji ta’ Madrid inkluż dak ta’ skambju tal-art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet milħuqa qabel mill-partijiet u l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi. jinnota li l-UE, bħala l-akbar donatur tal-Awtorità Palestinjana u wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-Iżrael għandha strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tinkoraġġixxi ż-żewġ partijiet b’mod aktar attiv biex jaħdmu għal soluzzjoni; jitlob liż-żewġ partijiet biex jaħdmu flimkien mal-UE, li għandha tagħmel l-isforzi kollha biex jissolva l-kunflitt; ifakkar fl-applikabilità tal-liġi umanitarja internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluża l-applikabilità tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra rigward il-protezzjoni taċ-ċittadini;

3.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967 b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu spalla ma’ spalla fil-paċi u fis-sigurtà; jistieden lill-UE, l-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali biex jipprovdu garanziji ta’ sigurtà għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li għandha wkoll tiġi żgurata militarment;

4.  Jerġa’ jenfasizza l-fatt li l-mezzi paċifiċi u mhux vjolenti huma l-uniku mod kif tista’ tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani;

5.  Jenfasizza li għandhom jitkomplew bla dewmien in-negozjati diretti li jwasslu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u skont l-iskadenzi mitluba mill-Kwartett, biex jingħeleb l-istatus quo inaċċettabbli; jilqa’ l-iskambju ta’ ittri bejn il-partijiet li beda fis-17 ta’ April 2012 u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Iżrael u l-AP tat-12 ta’ Mejju 2012; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jibnu fuq il-kuntatti attwali; jerġa’ jenfasizza li l-passi kollha li jistgħu jipperikolaw il-prospetti ta’ ftehim negozjat għandhom ikunu evitati u li m’għandhomx jiġu aċċettati bidliet tal-fruntieri ta’ qabel l-1967, anke fir-rigward ta’ Ġerusalemm, ħlief dawk li diġà ġew miftiehma miż-żewġ partijiet; jinsisti fuq il-fatt li kwalunke soluzzjoni li tirriżulta m’għandhiex taffettwa d-dinjità ta’ xi waħda mill-partijiet; itenni li l-insedjamenti kollha jibqgħu illegali taħt il-liġi internazzjonali u jappella lill-Gvern Iżraeljan biex iwaqqaf kull bini u estensjoni ta’ insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant; jitlob li jieqfu l-attakki bil-missili fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta’ Gaża u jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ tregwa permanenti;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2012Avviż legali