Proċedura : 2013/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0336/2013

Testi mressqa :

B7-0336/2013

Dibattiti :

PV 03/07/2013 - 14
CRE 03/07/2013 - 14

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.3
CRE 04/07/2013 - 13.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0322

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0336/2013
1.7.2013
PE515.880v01-00
 
B7-0336/2013

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi u l-programmi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (2013/2682(RSP))


Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini, Reinhard Bütikofer, Carl Schlyter, Yannick Jadot, Raül Romeva i Rueda, Ana Miranda, Bart Staes, Catherine Grèze, Malika Benarab-Attou f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi u l-programmi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (2013/2682(RSP))  
B7‑0336/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika(1),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185),

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu dwar l-indħil fil-privatezza, il-familja, id-dar jew il-korrispondenza ta’ persuni,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 27 tagħha dwar l-invjolabilità tad-dokumenti u l-komunikazzjonijiet diplomatiċi,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u l-lista tal-parteċipanti fil-ftehim,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (is-sistema ta’ interċettazzjoni Echelon)(2) u r-rapport rilevanti tal-Kumitat Temporanju tiegħu dwar is-Sistema ta’ Interċettazzjoni Echelon (A5-0264/2001),

–   wara li kkunsidra d-dibattitu mal-Kummissarju Reding tal-15 ta’ Frar 2012 dwar il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi u l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (PV 15/02/2012 – 19),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika,

–   wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data li jikkonsisti mill-proposti COM(2012)0011 u COM(2012)0010,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa rigward ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali skambjata għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa (COM(2012)0529),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi rapporti fl-istampa internazzjonali żvelaw evidenza li, permezz ta’ programmi bħal PRISM, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin jaċċessaw u jipproċessaw fuq skala kbira d-data personali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jużaw fornituri ta’ servizz online Amerikani;

B.  billi l-Kummissarju Reding kitbet ittra lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Eric Holder, li fiha qajmet kwistjonijiet ta’ tħassib fil-livell Ewropew u talbet kjarifiki u spjegazzjonijiet dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir u t-tiftix tad-data, u l-liġijiet li jawtorizzaw l-użu ta’ tali programmi;

C. billi tweġiba sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad trid tasal, minkejja d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE u l-Istati Uniti f’Dublin fl-14 ta’ Ġunju 2013;

D. billi s-sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq kooperazzjoni legali u paritarja;

E.  billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali; billi, skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha dmir, jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma jkunux rispettati, li treġġa’ lura jew tissospendi l-ftehim;

F.  billi l-kumpaniji involuti fil-programm PRISM, kif rappurtat fl-istampa internazzjonali, huma kollha partijiet fil-Ftehim Safe Harbour;

G. billi l-Istati Uniti ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, li daħlet fis-seħħ fl-2007, u billi l-prinċipji tagħha għalhekk saru parti mil-liġi nazzjonali tal-Istati Uniti;

H. billi l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tipprevedi li l-miżuri kollha għall-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat kriminali (Artikolu 14) iridu jipprovdu għall-protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) (Artikolu 8, Il-privatezza), iridu jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jridu jkunu soġġetti għal salvagwardji li jinkludu, fost l-oħrajn, superviżjoni indipendenti ġudizzjarja jew oħra, raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, u limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ tali proċeduri (Artikolu 15);

I.   billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u l-Kungress, jistipula l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna biex jitwettqu investigazzjonijiet jew proċedimenti f’pajjiż ieħor;

J.   billi l-Kummissjoni ħabbret li issa se jissejjaħ grupp ta’ esperti UE-Stati Uniti biex jiddiskuti l-programm PRISM kemm mil-lat tal-protezzjoni tad-data kif ukoll minn dak tas-sigurtà;

K. billi l-istampa internazzjonali rrappurtat ukoll l-allegati kooperazzjoni u involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-programm PRISM u fi programmi oħrajn simili jew il-ksib ta’ aċċess min-naħa tagħhom għall-bażijiet tad-data maħluqin;

L.  billi bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ sorveljanza simili jew qed jiddiskutu tali programmi;

M. billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), kwalunkwe programm simili jrid ikun b’mod ċar proporzjonat u neċessarju f’soċjetà demokratika; billi l-QEDB ġustament kienet wissiet li sistema ta’ sorveljanza sigrieta għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tista’ ddgħajjef jew saħansitra tkisser id-demokrazija bl-iskuża li qed tiddefendiha, u li s-sempliċi eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti sistema għall-monitoraġġ sigriet tal-komunikazzjonijiet tikkostitwixxi theddida għas-sorveljanza għal dawk kollha li l-leġiżlazzjoni tista’ tiġi applikata;

N. billi r-riforma tal-protezzjoni tad-data bħalissa qiegħda għaddejja fil-livell tal-UE, permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE u permezz tas-sostituzzjoni tagħha bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data propost u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta; billi l-abbozz ta’ Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data mibgħut f’Novembru 2011 mill-Kummissarju għall-Ġustizzja Viviane Reding lill-kollegi tagħha kien jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-data tal-utenti lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandu jsir bil-kundizzjoni li jkun hemm bażi ġuridika bħalma hu ftehim ta’ assistenza ġuridika reċiproka u awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti għall-protezzjoni tad-data; billi dan l-artikolu għeb wara pressjonijiet qawwija mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u billi baqgħet biss premessa dgħajfa ferm;

O. billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

P.  billi rapporti fl-istampa internazzjonali żvelaw li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti spijaw sistematikament ir-rappreżentanzi tal-UE għall-Istati Uniti u għan-Nazzjonijiet Uniti, u infiltraw in-netwerks tal-kompjuters tagħhom;

Q. billi rapporti fl-istampa żvelaw kif il-Kwartieri Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit (GCHQ) ikkollegaw ma’ aktar minn 200 kejbil tal-fibra ottika biex jiksbu aċċess għal konversazzjonijiet bit-telefon u t-traffiku tal-internet u jaħżnu t-traffiku kollu ta’ dawn il-kejbils għal tlitt ijiem, permezz tal-programm bl-isem kodifikat TEMPORA, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq il-paragrafu 4 tat-taqsima 8 tal-Att dwar ir-regolamentazzjoni tas-setgħat investigattivi (Regulation of Investigatory Powers Act (RIPA)), li jippermetti lis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit jippubblika ċertifikat għal interċettazzjoni wiesgħa;

R.  billi huwa rrappurtat li Stati Membri oħra jaċċessaw komunikazzjonijiet elettroniċi transnazzjonali bla mandat ġudizzjajru regolari, imma abbażi ta’ qrati speċjali, filwaqt li jikkondividu d-data ma’ pajjiżi oħra (l-Isvezja), u billi oħrajn jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom (il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja); billi f’pajjiżi oħra ġew espressi preokkupazzjonijiet bi rbit mal-poteri ta’ interċezzjoni tas-servizzi sigrieti (il-Polonja);

S.  billi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (2002/58/KE) jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u t-traffiku relatat, u b’mod partikolari biex jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatata; billi l-Artikolu 15(1) tad-direttiva tippermetti eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni biss jekk jikkostitwixxu miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika;

T.  billi l-miżuri ta’ sorveljanza sigrieta ħafna drabi mhumiex magħrufin mill-pubbliku u billi dawk li jesponuhom jafu jiffaċċjaw konsegwenzi serji u jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-programmi PRISM u TEMPORA u programmi oħra simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dan jista’ jfisser vjolazzjoni serja tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għad-dritt għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni, u l-libertà ta’ negozju;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħtu lill-UE informazzjoni kompluta dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, kif mitlub mill-Kummissarju Reding fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 lill-Avukat Ġenerali Eric Holder;

3.  Jisħaq li kwalunkwe limitazzjoni fuq id-drittijiet fundamentali trid tkun konformi mal-istat tad-dritt u trid tkun strettament proporzjonata, xierqa u neċessarja f’soċjetà demokratika bi qbil mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

4.  Jitlob li l-grupp ta’ esperti trans-Atlantliku, kif imħabbar mill-Kummissarju Malmström u bil-parteċipzzjoni tal-Parlament, jingħata livell xieraq ta’ garanzija ta’ sigurtà u aċċess għad-dokumenti xierqa kollha, sabiex ikun jista’ jwettaq xogħlu tajjeb u fi żmien stabbilit;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew, mingħajr dewmien, in-negozjati fir-rigward tal-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ta’ dik ġudizzjarja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jinkludu dispożizzjonijiet speċjali dwar l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-data u l-informazzjoni personali miżmuma minn entitajiet privati għal finijiet kummerċjali u biex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jgawdu l-istess drittijiet eżegwibbli u protezzjonijiet bħaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami sħiħ tal-Ftehim Safe Habour fid-dawl tal-informazzjoni reċenti, skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rivelazzjonjiet relatati mal-allegati programmi ta’ sorveljanza mmexxija mill-Istati Membri, jew bl-għajnuna tan-National Security Agency tal-Istati Uniti jew b’mod unilaterali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet u l-prattiki rispettivi tagħhom huma f’konformità sħiħa mal-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità, mal-ġurisprudenza tal-QEDB u ma’ ġurisprudenza relatata u, jekk ma jkunux, jirreveduhom f’dan is-sens;

9.  Jistieden lill-Kunsill biex, bħala kwistjoni ta’ urġenza, iħaffef fil-ħidma tiegħu rigward il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data kollu kemm hu, u b’mod speċifiku rigward id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data;

10. Jisħaq li l-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi liċ-ċittadini tal-UE jeħtiġilhom ikunu konformi mal-liġi tal-UE mingħajr eċċezzjoni u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

11. Jisħaq li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jipprovdu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u li tingħaraf dwar il-possibbiltà li d-data personali tiġi pproċessata minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-intelligence fuq ordnijiet sigrieti jew inġunzjonijiet;

12. Jisħaq li kwalunkwe liġi li tistabbilixxi miżuri ta’ sorveljanza trid tkun abbozzata b’mod ċar b’tali mod li tindika l-kategoriji taċ-ċittadini li l-miżura tkun immirata lejhom, il-finijiet ċari u preċiżi tal-miżura, il-kundizzjonijiet tal-indħil, id-drittijiet tal-individwi, limiti ta’ żmien stretti għall-ħażna tad-data u l-eliminazzjoni jew it-tħassir tad-data wara li jiskadu l-limiti ta’ żmien, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data ma’ pajjiżi terzi;

13. Jikkundanna bil-qawwa l-ispjunaġġ fuq rappreżentanzi tal-UE, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dan jimplika vjolazzjoni serja tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, minbarra l-impatt potenzjali tiegħu fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi;

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ proċeduri li jippermettu lill-iżvelaturi jikxfu skemi ta’ sorveljanza sigrieti u illegali mingħajr il-biża’ ta’ konsegwenzi personali; jistieden lill-Istati Membri joffru asil lill-iżvelatur Edward Snowden, fl-ispirtu tal-Linji Gwida Ewropej dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li la l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u lanqas in-negozjati dwar il-pakkett attwali dwar il-protezzjoni tad-data ma jiddgħajfu b’riżultat tas-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti, u biex tipposponi n-negozjati dwar it-TTIP sakemm l-Istati Uniti ma jkunux temmew l-attivitajiet ta’ spjunaġġ tagħhom fuq l-istituzzjonijiet tal-UE; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tikkanċella l-ewwel fażi ta’ negozjati skedati għal Washington DC;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi minnufih proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 259 tat-TFUE kontra l-Istati Membri li għandhom miżuri ta’ sorveljanza mhux konformi mal-liġi tal-UE;

17. Iqis li hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jemmen li l-komunikazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Membri u tal-persunal tiegħu ġew interċettati mill-programm TEMPORA b’mod li jikser l-obbligi tar-Renju Unit fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; għaldaqstant, jagħti istruzzjonijiet lis-Servizz Legali tiegħu sabiex jesplora l-possibbiltajiet ta’ azzjoni legali mill-Parlament Ewropew kontra l-Gvern tar-Renju Unit, inkluż permezz tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

18. Jisħaq li dawn ir-rivelazzjonijiet jixħtu dubju serju fuq il-fiduċja fil-cloud computing u servizzi oħra tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari meta l-fornituri jkunu soġġetti għal ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz;

19. Jinnota li l-fornituri tal-UE rrappurtaw żieda kbira fil-mistoqsijiet mill-klijenti b’riżultat tar-rapporti dwar il-programm PRISM;

20. Jisħaq li dan jista’ jinbidel f’vantaġġ kompetittiv għas-servizzi ta’ cloud computing u servizzi oħra tas-soċjetà tal-informazzjoni bbażati fl-UE, dment li jkunu fis-seħħ regoli b’saħħithom dwar il-protezzjoni tad-data li joffru protezzjoni wkoll kontra l-aċċess għad-data min-naħa tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u kontra l-ħtif tad-data min-naħa tas-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tagħha rigward il-cloud computing fid-dawl tar-rivelazzjonijiet u tistabbilixxi inizjattiva ċara u konsistenti rigward il-cloud computing li tindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha u li tippromowovi l-inizjattivi tal-UE dwar il-cloud computing li jinkorporaw bis-sħiħ il-protezzjoni tal-libertajiet ċivili kollha;

22. Jistieden lill-Parlament iwettaq inkjesta fil-fond dwar dan is-suġġett u jitlob li qabel tmiem is-sena jiġi ppreżentat rapport quddiem il-plenarja, abbażi tal-kompetenzi reali, biex jiġu investigati, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Istati Uniti, lill-Kungress u lis-Senat tal-Istati Uniti, u lis-Segretarji tal-Istati Uniti għas-sigurtà interna u għall-ġustizzja.

 

 

(1)

ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.

(2)

ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 221.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Lulju 2013Avviż legali