Proċedura : 2013/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0337/2013

Testi mressqa :

B7-0337/2013

Dibattiti :

PV 03/07/2013 - 14
CRE 03/07/2013 - 14

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.3
CRE 04/07/2013 - 13.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0322

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 128kWORD 64k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0336/2013
1.7.2013
PE515.881v01-00
 
B7-0337/2013

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (2013/2682(RSP))


Axel Voss, Manfred Weber, Véronique Mathieu Houillon f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (2013/2682(RSP))  
B7‑0337/2013

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti (2000/520/EC), b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u l-lista tal-parteċipanti fil-ftehim,

–   wara li kkunsidra l-Patriot Act u l-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA) tal-Istati Uniti u l-atti sussegwenti li jemendawhom,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ta’ dik ġudizzjarja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi rapporti fl-istampa internazzjonali f’Ġunju 2013 żvelaw evidenza li, permezz ta’ programmi bħal PRISM, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin jiksbu u jipproċessaw id-data personali taċ-ċittadini tal-UE fuq skala kbira meta dawn jużaw fornituri ta’ servizz online Amerikani;

B.  billi l-Kummissarju Reding kitbet ittra lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Eric Holder, li fiha qajmet kwistjonijiet ta’ tħassib fil-livell Ewropew u talbet kjarifiki u spjegazzjonijiet dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir u t-tiftix tad-data, u l-liġijiet li jawtorizzaw tali programmi;

C. billi tweġiba sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għadha pendenti, minkejja d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE u l-Istati Uniti f’Dublin fl-14 ta’ Ġunju 2013;

D. billi s-sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq kooperazzjoni legali u paritarja;

E.  billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali;

F.  billi l-kumpaniji involuti fil-każ PRISM, kif rappurtat fl-istampa internazzjonali, huma kollha partijiet fil-Ftehim Safe Harbour;

G. billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u l-Kungress, jistipula l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna biex jitwettqu investigazzjonijiet jew proċedimenti f’pajjiż ieħor;

H. billi fl-14 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissarju Malmström ħabbret it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti trans-Atlantiku;

I.   billi l-istampa internazzjonali rrappurtat ukoll l-allegati kooperazzjoni u involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-programm PRISM u fi programmi oħrajn simili jew il-ksib ta’ aċċess min-naħa tagħhom għall-bażijiet tad-data maħluqin;

J.   billi bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ sorveljanza ta’ natura simili għal PRISM jew qed jiddiskutu t-twaqqif ta’ tali programmi;

K. billi r-riforma tal-protezzjoni tad-data bħalissa qiegħda għaddejja fil-livell tal-UE, permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE;

L.  billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Jenfasizza l-impenn qawwi tiegħu lejn l-isforzi trans-Atlantiċi konġunti maħsuba biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata;

2.  Iħares ukoll lejn il-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tal-kondiviżjoni tad-data bħala element essenzjali ta’ tali sforzi;

3.  Madankollu, jenfasizza wkoll l-impenn sod tiegħu lejn id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza, ir-rispett għall-istat tad-dritt, protezzjoni qawwija tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE, il-funzjonament ta’ internet liberu u sikur, u ċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE;

4.  Jesprimi, għalhekk, tħassib serju dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li, kemm-il darba tiġi kkonfermata l-informazzjoni disponibbli s’issa, jafu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħtu lill-UE informazzjoni kompluta dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, kif mitlub mill-Kummissarju Reding fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 lill-Avukat Ġenerali Eric Holder;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jivverifikaw il-legalità tal-programm PRISM u ta’ programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data u jagħtu prova li dawn huma tal-anqas konformi mal-liġi tal-Istati Uniti u mal-ftehimiet trans-Atlantiċi;

7.  Jitlob li l-grupp ta’ esperti trans-Atlantliku, kif imħabbar mill-Kummissarju Malmström u li fih se jieħu sehem il-Parlament, jingħata livell xieraq ta’ garanzija ta’ sigurtà u aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha, sabiex ikun jista’ jwettaq xogħlu tajjeb u fi żmien stabbilit; jitlob ukoll li l-Parlament ikun rappreżentat b’mod adegwat f’dan il-grupp ta’ esperti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew mingħajr dewmien in-negozjati fir-rigward tal-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ta’ dik ġudizzjarja;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul dawn in-negozjati, tiżgura li l-ftehim jissodisfa tal-anqas il-kriterji li ġejjin:

(a) li jagħti liċ-ċittadini tal-UE d-dritt għall-informazzjoni meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;

(b) li jiggarantixxi li l-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Uniti hija ugwali għall-aċċess li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istati Uniti;

(c) li jagħti d-dritt għal rimedju b’mod partikolari;

10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami sħiħ tal-Ftehim Safe Habour fid-dawl tal-informazzjoni reċenti, skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim;

11. Jesprimi tħassib serju dwar ir-rivelazzjonijiet relatati mal-allegati programmi ta’ sorveljanza mmexxija mill-Istati Membri, jew bl-għajnuna tan-National Security Agency tal-Istati Uniti jew b’mod unilaterali;

12. Jisħaq li l-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi fl-UE jeħtiġilhom ikunu konformi mal-liġi tal-UE mingħajr eċċezzjoni u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

13. Jenfasizza li l-kumpaniji li joperaw taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jipprovdu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u li tingħaraf dwar il-possibbiltà li d-data personali tiġi pproċessata minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-intelligence fuq ordnijiet sigrieti jew inġunzjonijiet;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu biex jagħti segwitu għal din il-kwistjoni b’mod xieraq;

15. Jiddeċiedi li jirrifletti dwar il-ħolqien, fi ħdan il-Parlament, ta’ korp kompetenti li jkollu x’jaqsam mal-komunità tal-intelligence u ma’ kwistjonjiet relatati, fil-limiti li jagħtuh il-kompetenzi tiegħu jew bħala riżultat ta’ kompetenzi oħrajn;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

.

(1)

ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Lulju 2013Avviż legali